PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta’ sessjoni

20.5.2008   B6‑0271/2008

PROPOSTA TA' RIŻOLUZZJONI

imressqa wara dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skond l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

minn Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jana Hybášková, Tokia Saïfi u Ioannis Kasoulides

f'isem il-grupp PPE-DE

dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu

B6‑0271/2008

Rizoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libanu

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet mgħoddija tiegħu dwar il-Libanu u l-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet mgħoddija tiegħu dwar is-sħubija Ewro-Mediterranja,

–  wara li kkunsidra s-Ftehima ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1559 tat-2 ta' Settembru 2004 u 1701 tal-11 ta' Awissi 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103, paragrafu 2 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi jħossu estremament allarmat biż-żieda tal-vjolenza fil-Libanu u jħossu mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni istituzzjonali tal-Libanu wara l-falliment ta' l-elezzjoni tal-President tar-Repubblika;

B.  billi s-sitwazzjoni politika fil-Libanu hija kritika ħafna wara l-attakki pprovokati mill-Hezbollah kontra l-koalizzjoni fil-poter u billi l-vjolenza li kien hemm wara li t-tneħħa mis-setgħa l-ġeneral inkarigat mis-sigurtà ta' l-ajruport, kif ukoll l-interdizzjoni tas-sistemi ta' kumunikazzjoni mill-Hezbollah;

C.  billi l-Gvern Libaniż bl-iskop li jieqaf il-ġlied irrinunzja għad-deċiżjonijiet li kienu kkawżaw il-vjolenza u fada s-soluzzjoni tal-kriżi f'idejn l-Armata Libaniżi;

D.  billi qies l-isforzi magħmula mil-Lega Għarbija mmexxija mill-Prim Ministru tal-Qatar sabiex il-Libanu joħroġ mill-kriżi politika tiegħu u mis-sitwazzjoni ta' vjolenza billi stieden lill-forzi kollha attwali sabiex jippruvaw isibu kompromess filwaqt li jingħata każ għas-salvagwardja ta' l-unità tal-Libanu, ta' l-istabilità u tas-sovranità tiegħu;

E.  billi l-Hezbollah m'huwiex biss partit politiku ta' l-oppożizzjoni imma wkoll grupp armat li jikkontrolla parti mit-territorju Libaniż, b'mod partikulari dak fejn jgħixu komunitajiet Xijiti, u li jirrifjuta li jċedi l-armi u li jagħraf l-irwol ta' l-istituzzjonijiet kostituzzjonali u ta' l-armata;

F.  billi l-Parlament Libaniż mhux jeżerita l-irwol kostituzzjonali tiegħu sa minn qabel Novembru 2007, id-data meta skada l-mandat tal-President tar-Repubblika Libaniż, u billi l-pajjiż huma mblukkat kompletament mill-punt di vista istituzzjonali b'konsegwenzi gravi għall-funzjonament tad-demokrazija;

G.  billi jqis li r-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu element essenzjali tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu, u billi l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jieħu l-miżuri meħtieġa, fi ħdan id-djalogu politiku regolari previst mill-ftehima, sabiex jiffavorixxi l-koperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament Libaniż;

1.  Jikkundanna bil-qawwa lil dawk risponsabbli għall-vjolenza u jappella lill-partijiet kollha involuti u lill-komunitajiet tal-Libanu sabiex jerġgħu jibdew id-djalogu nazzjonali filwaqt li jirrinunzjaw bis-serjetà li jirrikorru għall-armi;

2.  Huwa konvint li l-unika soluzzjoni għall-kriżi tista' tiġi permezz tad-djalogu nazzjonali u tad-definizzjoni ta' l-interess ġenerali; jistieden lill-partijiet kollha involuti sabiex jappoġġjaw lill-armata Libaniża biex din tiggarantixxi bil-jedd kollu l-kapaċitajiet, is-sigurtà l-ordni, is-sovranità u l-istabilità tal-Libanu;

3.  Għalhekk iqis li s-sikurezza tal-pajjiż u tal-Libaniżi kollha tirriżulta mid-diżarmament tal-gruppi armati kollha, b'mod partikulari tal-Hezbollah, kif ukoll permezz tal-kontroll tat-traffiku ta' l-armi lejn il-Libanu ;

4.  Jesprimi bil-qawwa t-tħassib serju tiegħu dwar dak li jirrigwarda din is-sitwazzjoni ta' vjolenza, kif ukoll dwar din il-kriżi gravi kostituzzjonali f'pajjiż imsieħeb ta' l-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-proċess ta' Barċellona li għandu rwol kruċjali għall-istabilità tar-reġjun tal-Lvant Nofsani;

5.  Jinnota li l-Libanu qed jassisti għal sitwazzjoni ta' nuqqas ta' demokrazija wara 19 il-tentativ mingħajr riżulat sabiex jiġi elett President ġdid sa minn wara t-2 ta' Novembru 2003 minħabba li jaf li kull darba l-elezzjoni tiġi posposta mill-Parlament, minkejja li diġà hemm ftehim dwar il-kandidatura tal-Ġeneral Sleimane;

6.  Jitlob għalhekk lill-partijiet kollha involuti, li ilhom jiltaqgħu sa minn tmiem il-ġimgħa li għaddiet f'Doha f'Qatar fuq inizjattiva tal-Lega Għarbija, sabiex jikkollaboraw favur ftehim li jevita l-ġlied u sabiex isseħħ l-elezzjoni tal-President tar-Repubblika kemm jista' jkun malajr u sabiex id-djalogu nazzjonali jitkompla u jiżviluppa taħt il-patroċinju tiegħu;

7.  Fl-istess waqt, jagħmel appell lill-Parlament Libaniż sabiex juża l-possibiltajiet kostituzzjonali kollha bl-iskop li jasal għall-elezzjoni tal-President tar-Repubbilka fl-iqsar żmien possibbli; jittama li l-laqgħa prevista għall-10 ta' Ġunju li ġej tista' twassal għal ftehim;

8.  Ifakkar li l-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Libaniża tipprevedi djalogu politiku bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlment Libaniż fuq il-bażi ta' koperazzjoni politika stabbilita bejn iż-żewġ istituzzjonijiet;

9.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu evalwazzjoni ta' l-impatt tal-kriżi fi ħdan l-applikazzjoni tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni u sabiex jaħdmu biex tintemm il-kriżi billi jikkunsidraw il-kawżi ta' din l-aħħar vjolenza u billi jistiednu lill-partijiet kollha tad-djalogu nazzjonali biex juru l-għaqal tagħhom;

10.  Jistieden lill-Gvern Libaniż biex jassumi l-irwol tiegħu ta' korp demokratiku u li jirrapreżenta lill-komunitajiet kollha tal-pajjiż sabiex terġa' tinbeda l-ħajja parlamentari u sabiex jinbdew, permezz ta' diskussjonijiet u deċiżjonijiet regolari, mekkaniżi ta' ftehim u ta' possibiltajiet ta' normalizzazzjoni u ta' paċifikazzjoni tal-ħajja politika Libaniża;

11.  Iħeġġeġ lis-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali u ekonomiċi sabiex jassumu l-irwol rispettiv tagħhom fil-kuntest tad-djalogu nazzjonali fejn jesprimu x-xewqat u l-proposti tagħhom għall-paċi, l-iżvilupp u l-ġejjieni tal-pajjiż;

12.  Jagħmel appell lill-Iran u lis-Sirja sabiex dawn jassumu rwol kostruttiv konformi mar-riżoluzzjoniet 1559 u 1701 tan-Nazzjonijiet Uniti f'dak li jirrigwarda r-rispett ta' l-indipendenza u s-sovranità, is-sigurtà u l-istabilità tal-Libanu, u jfakkar fil-projbizzjoni tal-bejgħ ta' armi lill-milizji armati;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lil-Lega Għarbija, kif ukoll lill-Awtoritajiet tal-Libanu u lill-Parlament Libaniż.