PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' sessjoni
22.9.2008 B6‑0450/2008
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0463/2008 u B6‑0086/2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pervenche Berès
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar "Il-IASCF: Reviżjoni tal-kostituzzjoni - Responsabilità Pubblika u l-Kompożizzjoni tal-Proposti għal Bidla tal-IASB”
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar "Il-IASCF: Reviżjoni tal-kostituzzjoni - Responsabilità Pubblika u l-Kompożizzjoni tal-Proposti għal Bidla tal-IASB”
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-ECOFIN dwar il-governanza tal-IASB[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali għar-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 dwar l-iżvelar ta' oqsma operattivi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[2],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE tas-17 ta' Lulju 2006 li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE[3],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew[4] dwar l-istandards ta' kontabilità użati mill-emittenti ta' pajjiżi terzi u l-ekwivalenza tagħhom għall-IFRS, li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fuqhom l-UE aċċettat il-proċess ta' konverġenza u ta' ekwivalenza bejn l-IFRS kif adottati mill-UE u l-GAAP tal-Istati Uniti tal-Amerka,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew[5] dwar l-Istandards Internazzjonali għar-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) u l-governanza tal-Bord Internazzjonali għall-Istandards tal-Kontabilità (IASB),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali għar-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 dwar l-iżvelar ta' oqsma operattivi,
– wara li kkunsidra "Ir-Reviżjoni tal-kostituzzjoni - Responsabilità Pubblika u l-Kompożizzjoni tal-Proposti għal Bidla tal-IASB” ppubblikata mill-IASCF fil-21 ta' Lulju 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea tesiġi li l-emittenti japplikaw l-istandards internazzjonali tal-kontabilità għar-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom,
1. Jinnota li l-IASCF ipproponiet li twaqqaf Grupp ta' Monitoraġġ; hu tal-opinjoni li l-Grupp ta' Monitoraġġ għandu jkollu s-setgħa li jirrakkomanda kandidati bħala Fiduċjarji u jkun responsabbli biex japprova l-għażla tal-Fiduċjarji wara li jkun sar qbil dwar il-proċess ta' nominazzjoni;
2. Jitlob biex il-Grupp ta' Monitoraġġ ikun involut biex issir l-aġenda għall-IASB sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabilità; jirrikonoxxi li l-proċess għat-tfassil tal-istandards ta' kontabilità li jiġi wara m'għandu jkollu l-ebda ndħil żejjed u kollox għandu jsir b'konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet kollha interessati, fosthom l-investituri;
3. Jesprimi d-dubji tiegħu rigward kemm għandu jitwaqqaf Grupp ta' Monitoraġġ f'din il-fażi, qabel titnieda t-tieni fażi tal-proċess ta' konsultazzjoni tar-reviżjoni tal-governanza tal-IASB u mingħajr ma jkun hemm deskrizzjoni ċara tar-relazzjoni li għandha tkun stabilita bejn il-Grupp ta' Monitoraġġ u l-IASCF fil-kostituzzjoni ta' din tal-aħħar;
4. Iqis li l-Grupp ta' Monitoraġġ għandu jirrifletti l-bilanċ taż-żoni monetarji l-aktar importanti tad-dinja, id-diversità kulturali, u l-interessi tal-ekonomiji żviluppati, ta' dawk ta' pajjiżi emerġenti kif ukoll ta' istituzzjonijiet internazzjonali li għandhom rekwiżiti ta' responsabilità quddiem l-awtoritajiet pubbliċi, u għandu jkollu sehem attiv fil-promozzjoni tat-trasparenza tar-rapportaġġ finanzjarju u fl-iżvilupp u t-tħaddim effikaċi tas-swieq kapitali, kif ukoll biex tkun evitata l-proċiklikalità u tiġi żgurata l-istabilità tas-swieq finanzjarji u jiġi evitat ir-riskju sistematiku; jinnota b'approvazzjoni l-proposta li l-Grupp ta' Monitoraġġ fil-bidu għandu jinkludi:
(a) il-membru responsabbli tal-Kummissjoni Ewropea,
(b) id-direttur maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali,
(c) iċ-chairman tal-Kumitat IOSCO għas-Swieq Emerġenti,
(d) iċ-chairman tal-Kumitat Tekniku tal-IOSCO (jew il-viċi chairman jew iċ-chairman nominat tal-Kummissjoni tat-Titoli fil-każijiet fejn iċ-chairman ta' regolatur tat-titoli tal-UE, il-kummissarju tal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji Ġappuniżi jew iċ-chairman tal-Kummissjoni tat-Titoli u tal-Iskambji tal-Istati Uniti jkun ukoll iċ-chairman tal-Kumitat Tekniku tal-IOSCO),
(e) il-kummissarju tal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji Ġappuniżi,
(f) iċ-chairman tal-Kummissjoni tat-Titoli u tal-Iskambji tal-Istati Uniti, u
(g) il-president tal-Bank Dinji;
5. Ma japprovax il-proposta tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf Grupp Internazzjonali għall-Konsulenza dwar il-Kontabilità, billi dan ma kienx diskuss mal-Parlament jew mal-Kunsill u jżid in-nuqqas ta' trasparenza u l-kumplessità tal-iskema kollha; jemmen li l-Grupp ta' Monitoraġġ għandu jkun magħmul b'tali mod biex jinkludi lil dawk l-istituzzjonijiet li l-Kummissjoni qiegħda tipproponi li jkunu parti mill-Grupp Internazzjonali għall-Konsulenza dwar il-Kontabilità msemmi fuq;
6. Iqis li r-regolaturi tas-swieq finanzjarji tal-UE għandhom ikunu rappreżentati wkoll fil-Grupp ta' Monitoraġġ; jenfasizza li l-ebda organizzazzjoni m'għandha tkun rappreżentata fil-Grupp ta' Monitoraġġ b'iktar minn delegat wieħed;
7. Jenfasizza l-istruttura istituzzjonali kumplessa tal-Grupp ta' Monitoraġġ; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Grupp ikollu mekkaniżmi ta' koperazzjoni effikaċi disponibbli sabiex l-operabilità tiegħu tkun żgurata u jkun jista' jaqdi r-responsabilitajiet ewlenin tiegħu; jinsisti, f'dan il-kuntest, li l-membri tal-Grupp ta' Monitoraġġ għandu jkollu kompetenzi biżżejjed biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jinżammu responsabbli politikament;
8. Hu mħasseb li xi membri li ġew proposti għall-Grupp ta' Monitoraġġ ma jeħtiġux emittenti domestiċi biex japplikaw l-IFRS; hu tal-fehma li s-sħubija f'dan il-Grupp għandha tidħol fis-seħħ biss wara li jkun hemm l-impenn li l-IFRS jiddaħħal bħala l-istandard domestiku; jenfasizza li l-ebda pajjiż m'għandu jkun rappreżentat fil-Grupp ta' Monitoraġġ b'iktar minn delegat wieħed;
9. Jinnota li l-proposta tal-IASCF tipprevedi li l-IASB jikber minn 14 għal 16-il membru; isib li din iż-żieda għal 16-il membru hija aċċettabbli għaliex tista' twassal biex l-IASB jkun iktar ibbilanċjat, b'mod speċjali jekk il-proposta tal-IASCF tiġi emendata biex tiżgura li jkun hemm trattament parallel fiż-żoni monetarji dinjin l-aktar importanti;
10. Jitlob biex jiġi konkluż Memorandum ta' Ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet sabiex jiġu definiti l-kundizzjonijiet tal-assoċjazzjoni tal-leġiżlaturi mal-ħidma tal-Grupp ta' Monitoraġġ, jekk dan jiġi stabbilit f'din il-fażi;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll lill-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej.