PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' sessjoni
15.12.2008 B6‑0627/2008
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-Mistoqsija li titlob Tweġiba Orali B6‑0492/2008
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn
– Ingeborg Gräßle f'isem il-Grupp PPE-DE
– Paulo Casaca, f'isem il-Grupp PSE
– Jorgo Chatzimarkakis, f'isem il-Grupp ALDE
– Mogens Camre, f'isem il-Grupp UEN
– Bart Staes, f'isem il-Grupp Verts/ALE
– Søren Bo Søndergaard, f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar l-approċċ tal-Kunsill għar-reviżjoni tar-regolament tal-OLAF
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-approċċ tal-Kunsill għar-reviżjoni tar-regolament tal-OLAF
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali dwar leġiżlazzjoni aħjar tas-16 ta' Diċembru 2003[1],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)[2] u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal-20 ta' Novembru 2008[3] dwar dik il-proposta,
– wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali tiegħu B6-0492/2008 lill-Kunsill,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura,
A. billi, għaxar snin wara li ġie stabbilit l-OLAF bħala uffiċċju li jiffunzjona biex iħares l-interessi finanzjarji tal-Komunità fl-1999, l-Uffiċċju kiseb esperjenza siewja fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni,
B. billi l-qafas regolatorju tal-OLAF għandu jittejjeb fuq il-bażi tal-esperjenza fl-operat miksuba mill-Uffiċċju,
C. billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva tal-UE għandhom jikkoperaw mill-qrib skont il-proċedura tal-kodeċiżjoni sabiex il-qafas regolatorju jiġi adattat għall-ħtiġijiet attwali fil-ġlieda kontra l-frodi,
D. billi l-Parlament ikkonkluda l-ewwel qari dwar ir-riforma tar-regolament tal-OLAF b'maġġoranza kbira fl-20 ta' Novembru 2008,
1. Iqis li hemm ħtieġa urġenti li l-qafas regolatorju tal-OLAF jiġi kjarifikat sabiex tkompli titjieb l-effiċjenza fl-istħarriġ kontra l-frodi u sabiex tiġi garantita l-indipendenza neċessarja tal-Uffiċċju, filwaqt li jitqiesu l-esperjenzi miksuba minn meta twaqqaf l-OLAF biex jieħu post l-UCLAF fl-1999;
2. Ifakkar lill-Kunsill li r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal-20 ta' Novembru 2008 dwar ir-regolament tal-OLAF se twassal għal titjib konsiderevoli fl-effiċjenza u l-kwalità tal-istħarriġ tal-OLAF permezz tat-tisħiħ tal-garanziji proċedurali, l-irwol tal-Kumitat ta' Sorveljanza, il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-drittijiet tad-difiża tal-persuni li jkunu qegħdin jiġu mistħarrġa u d-drittijiet ta' dawk li jgħaddu xi informazzjoni, l-adozzjoni ta' regoli tal-istħarriġ li jkunu ċari u trasparenti, u t-titjib tal-koperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti nazzjonali u mal-istituzzjonijiet tal-UE;
3. Iħeġġeġ lill-Presidenzi Franċiżi u Ċeki tal-UE biex iressqu kalendarju għan-negozjati mal-Parlament imsejjes fuq ir-Regolament (KE) Nru 1073/99, sabiex jiġi kkonfermat li qegħdin jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex tinkiseb l-adozzjoni fil-pront ta' Pożizzjoni Komuni u biex jiġi evitat li jkun hemm iktar dewmien mingħajr raġuni;
4. Iqis li l-pożizzjoni tal-Kunsill għall-konsolidament sempliċi tat-tliet bażijiet legali eżistenti tal-istħarriġ tal-OLAF mhuwiex argument validu sabiex in-negozjati dwar ir-Regolament Nru 1073/99 ma jiftħux minnufih, billi l-konsolidament sempliċi ma jtejjibx il-qafas legali tal-istħarriġ tal-OLAF kontra l-frodi u għalhekk dan ikun telf ta' żmien konsiderevoli fl-isforzi biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi; jagħżel għalhekk li ssir riformulazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-frodi, fosthom tar-Regolamenti KE 1073/99, 2185/96 u 2988/95, li għandhom ikunu bbażati fuq ir-Regolament rivedut (KE) Nru 1073/99;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-kumitati rilevanti tal-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll lill-entitajiet ta' verifika nazzjonali tal-Istati Membri.