PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' sessjoni
11.2.2009 B6‑0100/2009
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura, minn
– José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Charles Tannock, Michael Gahler u Ioannis Kasoulides, f'isem il-Grupp PPE-DE,
– Pasqualina Napoletano, Hannes Swoboda u Véronique De Keyser, f'isem il-Grupp PSE,
– Annemie Neyts-Uyttebroeck, f'isem il-Grupp ALDE,
– Daniel Cohn-Bendit u Monica Frassoni, f'isem il-Grupp Verts/ALE,
– Brian Crowley, Adam Bielan, Roberta Angelilli, Ryszard Czarnecki, Inese Vaidere, Hanna Foltyn-Kubicka u Ģirts Valdis Kristovskis, f'isem il-Grupp UEN,
– André Brie, Kyriacos Triantaphyllides, Luisa Morgantini u Miguel Portas, f'isem il-Grupp GUE/NGL,
Dwar l-għajnuna umanitarja għall-Istrixxa ta’ Gaża
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja għall-Istrixxa ta’ Gaża
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża, tal-11 ta’ Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża, tal-21 ta’ Frar 2008 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża u tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 242 (1967), 338 (1973) u 1860 tat-8 ta’ Jannar 2009,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra (1949),
– wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Rispons ta’ Malajr tal-UNRWA biex jerġgħu jkunu stabbiliti servizzi kritiċi għar-refuġjati f’Gaża (Jannar-Settembru 2009),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunflitt fl-Istrixxa ta' Gaża kompla jiggrava l-kriżi umanitarja fiż-żona, li laħqet livell inuman; billi 88% tal-popolazzjoni ta' Gaża hija dipendenti fuq għajnuna ta' ikel,
B. billi l-qsim tal-fruntiera lejn u 'l barra mill-Medda ta' Gaża ingħalaq għal 18-il xahar, billi l-embargo fuq il-moviment ta' persuni u oġġetti jostakola l-kunsinna ta' għajnuna umanitarja għall-popolazzjoni u billi l-kwantità ta' oġġetti li huma permessi fl-Istrixxa ta' Gaża mhix suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet umanitarji bażiċi,
C. billi s-servizzi pubbliċi ewlenin fl-Istrixxa ta' Gaża qed jiffaċċjaw nuqqasijiet serji minħabba nuqqas ta' materjali bażiċi meħtieġa għall-funzjonament tagħhom; billi n-nuqqas ta' mediċini u ta’ fjuwil fl-isptarijiet qed ikompli jipperikola ħajjiet Palestinjani,
D. billi l-UNRWA u d-WFP għandhom irwol kruċjali fil-forniment ta' prodotti bażiċi għall-popolazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża bl-appoġġ sħiħ tal-komunità internazzjonali; billi l-parti mill-għajnuna umanitarja timmira biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja fiż-żona, intilfet bħala riżultat tal-ostakoli fil-katina tal-kunsinna; billi fit-3 u fil-5 Frar, il-Hamas ikkonfiska mijiet ta’ pakketti tal-ikel u eluf ta' pakketti ta’ kutri li kienu destinati għan-nies ċivili ta’ Gaża, li ġew irritornati wara s-sospensjoni tal-importazzjonijiet kollha ta' għajnuna mill-UNRWA fl-Istrixxa ta' Gaża,
E. billi l-appoġġ konsiderevoli finanzjarju tal-Unjoni Ewropea lill-Palestinjani kellu rwol importanti fit-tentattiv biex jiġi evitat diżastru umanitarju fl-Istrixxa ta' Gaża; billi l-Unjoni Ewropea, minkejja l-ostakli kollha, tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja,
F. billi konferenza internazzjonali tad-donaturi għar-rikostruzzjoni tal-Istrixxa ta' Gaża ser issir fit-2 ta’ Marzu 2009 fil-Kajr,
1. Jirrikonoxxi t-tbatija tal-popolazzjoni Palestinjana fl-Istrixxa ta' Gaża u jitlob għal aktar għajnuna umanitarja immedjata u bla xkiel, li huwa dmir morali li tiġi provduta u li għandha titwassal mingħajr kwalunkwe kundizzjoni u restrizzjoni; jappella lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jippermettu fluss kontinwu u adegwat ta' għajnuna umanitarja, inklużi l-materjali meħtieġa għall-UNRWA u għal aġenziji oħra tan-NU biex iwettqu d-doveri tagħhom, li jissodisfaw l-bżonnijiet tal-popolazzjoni;
2. Jistieden għal darb'oħra biex jintemm l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża, fil-konformità mal-Ftehim dwar il-Moviment u l-Aċċess ta' Novembru 2005, il-ftuħ mill-ġdid sostenibbli u immedjat tal-punti ta' qsim, u l-prevenzjoni ta' kutrabandu u traffikar illeċitu fl-armi u fil-munizzjon;
3. Jappella għal evalwazzjoni dettaljata tal-ħsarat fl-Istrixxa ta' Gaża u għal evalwazzjoni fid-dettall tal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni ta' Gaża li jistgħu jservu bħala bażi għall-pjanijiet ta' rikostruzzjoni;
4. Jappella għar-riabilitazzjoni tal-kapaċità finanzjarja, ekonomika u soċjali tal-Istrixxa ta' Gaża, li hija element essenzjali għas-sigurtà fir-reġjun; ifakkar li, f'konformità mal-impenji tal-komunità internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, l-għajnuna għandha tinkludi pagamenti fi flus kontanti biex jitħallsu s-salarji, il-pensjonijiet u l-allowances għan-nies u għall-familji l-aktar vulnerabbli;
5. Jemmen, anki bil-ħsieb tal-konferenza internazzjonali tad-donaturi li se ssir fit-2 ta' Marzu fil-Kajr, li kull politika ta’ rikostruzzjoni u ta’ żvilupp sostenibbli fl-Istrixxa ta' Gaża teħtieġ waqfien iebes mill-ġlied appoġġjat mit-tkomplija ta’ negozjati serji ta' paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani flimkien ma' proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali Palestinjan;
6. Jenfasizza għal darb'oħra li l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni Ewropea lill-Palestinjani m'għandux ikun imdgħajjef minn qerda kontinwa, li qiegħda tnaqqas l-appoġġ għal proġetti ta' rikostruzzjoni fl-opinjoni pubblika Ewropea;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal stampa komprensiva u evalwazzjoni tal-prospetti fi żmien medju u fi żmien twil għal proġetti ta' rikostruzzjoni fl-Istrixxa ta 'Gaża ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-qafas ta' PEGASE u ta’ ECHO u l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u għas-Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mibgħut għall-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern Iżraeljan u lill-Knesset.