PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta' sessjoni

16.3.2009                                                                                                                B6‑0141/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0204/2009 u B6‑0203/2009

skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura

minn David Martin

f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

wara li kkunsidra l-Ftehima għal Partenarjat Ekonomiku bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra,

B6‑0141/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehima għal Partenarjat Ekonomiku bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Partenarjat bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta' April 2006, Ottubru 2006, Mejju 2007, Ottubru 2007, Novembru 2007 u Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjati Ekonomiċi ( COM(2007)0635 ),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerc (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV taghha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005 f'Ħong Kong,

–   wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, adottati mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-10 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabilixxi l-Għanijiet tal-Millennju ghall-Izvilupp (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod kollettiv mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,

–   wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Gleneagles, maħruġ fit-8 ta' Lulju 2005 mill-Grupp tat-Tmienja fi Gleneagles,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi mill-1 ta' Jannar 2008 ir-relazzjoni kummerċjali preċedenti tal-UE mal-pajjiżi tal-AKP – li kienet tagħti lil dawn tal-aħħar aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE fuq bażi mhux reċiprokata – ma baqgħetx tikkonforma mar-regoli tad-WTO,

B.  billi l-EPAs huma ftehimiet kompatibbli mad-WTO mmirati biex jappoġġjaw l-integrazzjoni reġjonali u jippromwovu l-integrazzjoni gradwali tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomija dinjija, biex b'hekk jisseddaq l-iżvilupp sostenibbli soċjali u ekonomiku tagħhom u jingħata kontribut għall-isforz globali biex jinqered il-faqar fil-pajjiżi tal-AKP,

C. billi l-EPAs għandhom jintużaw biex tinbena relazzjoni fit-tul li permezz tagħha l-kummerċ jappoġġja l-iżvilupp,

D. billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali tfisser li l-politika kummerċjali se tkun importanti aktar minn qatt qabel għad-dinja li għadha qed tiżviluppa,

E.  billi l-impatt fuq il-pajjiżi u fuq ir-reġjuni tal-impenji kumplessi u b'konsegwenzi vasti inklużi fil-ftehimiet jista' jkun kbir bil-bosta,

F.  billi l-EPA inevitabilment se tikkondizzjona l-ambitu u l-kontenut tal-ftehimiet futuri magħmulin bejn il-CARIFORUM u l-imsieħba kummerċjali l-oħrajn u l-pożizzjoni tar-reġjun fin-negozjati,

G. billi hemm kompetizzjoni limitata bejn l-UE u l-Istati tal-Paċifiku minħabba li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjoni mill-UE tikkonsisti minn prodotti li l-Istati tal-Paċifiku ma jipproduċux imma li sikwit ikunu jeħtiġuhom jew għall-konsum dirett jew bħala ħtiġijiet għall-industrija domestika,

H. billi kull wieħed mill-Istati tal-CARIFORUM għandu skeda ta' liberalizzazzjoni għalih, b'ċertu livell ta' sovrappożizzjoni bejn il-pajjiżi li se tikkonverġi mal-mogħdija taż-żmien, biex tevolvi fi skeda reġjonali; billi l-mira tal-CARICOM hija li tistabbilixxi Suq Uniku sal-2015,

I.   billi l-impatt assolut tar-regoli tal-kummerċ stabbiliti mill-EPA jista’ jkun wisq akbar mit-tneħħija ta’ tariffi,

J.   billi regoli kummerċjali mtejba għandhom ikunu akkumpanjati b’żieda fl-appoġġ għall-assistenza relatata mal-kummerċ,

K. billi l-obbjettiv tal-Għajnuna għall-Kummerċ huwa li tkun appoġġjata l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kummerċjali ġodda,

L.  billi l-aħħar sentenza tal-Artikolu 139(2) tal-Ftehima jgħid li "Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jiġi interpretat bħala li jgħarraq il-kapaċità tal-Partijiet u tal-Istati Firmatarji tal-CARIFORUM li jippromwovu l-aċċess għall-mediċini",

M. billi l-EPA fiha Dikjarazzjoni dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp iżda ma fiha ebda impenn ta’ ffinanzjar li huwa legalment vinkolanti,

1.  Jenfasizza li ftehimiet bħal dawn ma jistgħux jitqiesu bħala sodisfaċenti sakemm ma jiksbux l-għanijiet li ġejjin: li jiġi offrut l-appoġġ lill-pajjiżi AKP għall-iżvilupp sostenibbli, li tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ dinji, li jiġi msaħħaħ il-proċess ta' reġjonalizzazzjoni, li jingħata ħajja mill-ġdid lill-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi AKP u li tiġi mħeġġa d-diversifikazzjoni ekonomika tal-pajjiżi AKP;

2.  Ifakkar li l-EPA għandha tappoġġja l-obbjettivi, il-politiki u l-prijoritajiet ta' żvilupp tal-Istati tal-CARIFORUM, mhux biss fl-istruttura u l-kontenut, imma wkoll fil-mod u l-ispirtu tal-implimentazzjoni;

3.  Jindika li l-EPA għandha tikkontribwixxi għall-ksib tal-MDGs;

4.  Jenfasizza li l-għan prinċipali ta’ din il-ftehima huwa li, permezz tal-għanijiet għall-iżvilupp, it-tnaqqis tal-faqar u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kulma tista' sabiex terġa' tibda n-negozjati dwar l-Aġenda dwar l-Iżvilupp ta' Doha (DDA) u sabiex tiżgura li l-ftehimiet ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikomplu jippromwovu l-iżvilupp fil-pajjiżi l-fqar;

6.  Huwa konvint li l-EPAs sħaħ għandhom ikunu komplementari għall-ftehima dwar id-DDA u mhux alternattiva għall-pajjiżi AKP;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ intrareġjonali u l-ħtieġa ta' iktar rabtiet kummerċjali fir-reġjun sabiex ikun żgurat it-tkabbir sostenibbli fir-reġjun; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u l-qbil bejn l-entitajiet reġjonali differenti;

8.  Huwa mħasseb li, minkejja li l-Kummissjoni għandha mandat tan-negozjar tal-EPA, li kien approvat mill-Kunsill fis-17 ta' Ġunju 2002, li stqarr li waqt in-negozjati, kienu se jitqiesu l-interessi partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Komunità, u li f'dan ir-rigward, l-EPAs setgħu b'mod partikolari jagħmlu dispożizzjoni għal miżuri speċifiċi biex jassistu l-prodotti minn dawn ir-reġjuni, sabiex dawn jiġu inklużi fit-terminu l-qasir fil-kummerċ interreġjunali, skont id-dispożizzjonijiet tad-WTO, l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi għadhom ma ġewx meqjusa b'mod suffiċjenti fir-rigward ta' ħafna aspetti li ġew komunikati lill-Kummissjoni mill-kunsilli reġjonali, u li b'konsegwenza l-inklużjoni fuq terminu qasir tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-kummerċ interreġjonali ġiet ittraskurata;

9.  Jinkoraġġixxi iktar tnaqqis fit-tariffi bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-gruppi reġjonali, li llum jammontaw għal bejn 15 u 25 fil-mija tal-valur tal-kummerċ, sabiex jitħeġġeġ iżjed il-kummerċ bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, it-tkabbir ekonomiku u l-integrazzjoni reġjonali;

10. Jenfasizza li suq reġjonali ġenwin huwa bażi essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-EPA u li l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali huma essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Istati tal-CARIFORUM;

11. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Ftehima għandha tagħti kas tal-proċessi ta' integrazzjoni tal-CARIFORUM, inklużi l-miri u l-obbjettivi tas-Suq u l-Ekonomija Uniċi tal-CARICOM (CSME) kif imniżżla fit-Trattat Rivedut ta' Chaguaramas;

12. Jirrikonoxxi li l-Istati tal-CARIFORUM li huma membri tal-Komunità Karibea impenjaw ruħhom f'oqsma li għadhom ma ġewx finalizzati skont is-CSME jew għadhom ma ġewx implimentati għal kollox, inklużi s-servizzi finanzarji, servizzi oħrajn, l-investiment, il-kompetizzjoni, l-akkwisti pubbliċi, il-kummerċ elettroniku, il-proprjetà intellettwali, iċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija, u l-ambjent; jitlob li tiġi kkunsidrata s-CSME fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet f’dawn l-oqsma, skont l-Artikolu 4.3 tal-EPA CARIFORUM;

13. Iħeġġeġ lill-pajjiżi rilevanti biex jagħtu tagħrif ċar u trasparenti dwar il-qagħda ekonomika u politika u dwar l-iżvilupp f'dawn il-pajjiżi sabiex titjieb il-kooperazzjoni mal-KE;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara kif fil-fatt issir id-distribuzzjoni madwar ir-reġjun tal-AKP tal-fondi li ġejjin mill-wegħda ta' nfiq prijoritarju fil-kuntest tal-baġit imkabbar tal-Għajnuna għall-Kummerċ;

15. Jinsisti li, sabiex tkun konformi mal-Prinċipji ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna, l-għajnuna għandha tkun, fost affarijiet oħra, mogħtija skont it-talba, u għalhekk jistieden lill-AKP biex jipproponu l-fondi addizzjonali relatati mal-EPA partikolarment fir-rigward ta’ oqfsa regolatorji, miżuri ta’ salvagwardja, tħaffif tal-kummerċ, appoġġ biex jintlaħqu standards internazzjonali sanitarji u fitosanitarji u ta’ proprjetà intellettwali u l-kompożizzjoni tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-EPA;

16. Ifakkar fl-adozzjoni, f'Ottubru 2007, tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, bl-impenn li l-għajnuna kollettiva tal-UE relatata mal-kummerċ tiżdied għal EUR 2 biljun fis-sena sal-2010 (EUR 1 biljun mill-Komunità, EUR 1 biljun mill-Istati Membri); jinsisti li l-pajjiżi tal-CARIFORUM għandhom jirċievu sehem xieraq u ġust;

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika d-distribuzzjoni tal-fondi fir-reġjun kollu, jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jispjegaw l-iffinanzjar addizzjonali lilhinn mill-impenji baġitarji tal-2008-2013;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara liema fondi huma addizzjonali għall-iffinanzjar tal-10 EDF; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet kollha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, inkluż l-iffinanzjar tagħhom, jitwettqu mingħajr dewmien, adegwatament, u b'mod effettiv;

19. Jinnota li għall-Baħamas, Antigwa u l-Barbados, hemm antiċipat telf ta' dħul mid-dwana minħabba l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ; jaċċetta li għal pajjiżi oħrajn tal-CARIFORUM, proporzjon sostanzjali tal-esportazzjonijiet tal-UE jew huwa diġà ħieles mix-xkiel għall-kummerċ jew il-biċċa l-kbira tal-liberalizzazzjoni ser isseħħ fis-snin 10-15 tal-iskeda ta’ implimentazzjoni;

20. Jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-aċċess għas-suq duty-free, quota-free (DFQF) miftiehem bejn il-partijiet se joħloq żjieda sinifikattiva fil-kummerċ u huwa appoġġjat minn regoli tal-oriġini aktar flessibbli u imtejba, flimkien ma’ klawżola ta’ reviżjoni komprensiva;

21. Iħeġġeġ lin-negozjaturi ta' kull EPA sħiħa biex jiggarantixxu l-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u biex iħejju profil tal-aħjar prattiki meħtieġa biex il-pajjiżi tal-AKP jaqalgħu kemm jistgħu minn riżorsi bħal dawn;

22. Jirrispetta l-ħtieġa għal kapitolu dwar id-difiża tal-kummerċ b'salvagwardji bilaterali; jistieden liż-żewġ naħat biex jevitaw użu mhux meħtieġ ta' dawn is-salvagwardji;

23. Jirrikonoxxi l-inklużjoni ta' kapitolu dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-EPA komprensiva li tkopri l-kooperazzjoni fil-kummerċ tal-merkanzija, il-kompetittività fil-forniment, infrastruttura ta' titjib fil-kummerċ, il-kummerċ fis-servizzi, kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ, il-bini ta' kapaċità istituzzjonali, u aġġustamenti fiskali; jistieden liż-żewġ naħat biex iżommu l-impenn miftiehem tagħhom li jikkonkludu n-negozjati dwar il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku biss meta jkun inbena livell ta' kapaċità adegwat;

24. Jenfasizza li l-EPA għandha tqis l-interessi speċifiċi tal-SMEs taż-żewġ Partijiet;

25. Jitlob li l-Unjoni Ewropea tapplika l-prinċipju tal-Pajjiż l-Aktar Favorit (MFN) għall-gruppi sottoreġjonali kollha tal-AKP;

26. Jirrikonoxxi l-applikazzjoni selettiva tat-trattament MFN għall-Unjoni Ewropea mill-CARIFORUM u mill-gruppi sottoreġjonali l-oħrajn;

27. Meta jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ trattament speċjali u differenzjali inklużi fl-Arikolu 5 tal-EPA u, sabiex jinkiseb l-għan tat-tnaqqis tal-faqar, indikaturi xierqa tal-iżvilupp ta’ EPA għandu jkollhom tliet skopijiet ewlenin: biex jagħtu bidu għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-EPAs mill-pajjiżi CARIFORUM jew biex dawn jiġu kkwalifikati għal eżenzjonijiet; biex jimmonitorjaw l-impatt tal-implimentazzjoni tal-EPA fuq l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar; biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-impenji tal-KE, b’mod partikolari, l-iżburżar u t-twassil effettiv tal-assistenza finanzjarja u teknika mwiegħda;

28. Jinnota d-differenza kbira bejn il-livelli ta' nfiq pubbliku fuq is-sussidji u l-appoġġ finanzjarju u tekniku għall-agrikoltura:

29. Jinnota li dan iqiegħed lill-bdiewa fl-AKP fi żvantaġġ billi jnaqqas il-kompetittività tagħhom kemm fil-pajjiż u kemm barra għaliex il-prodotti tagħhom huma iktar għoljin f'termini reali meta mqabbla mal-prodotti sussidjati tal-UE u tal-Istati Uniti;

30. Jappoġġja għaldaqstant l-esklużjonijiet miftiehma ta' linji ta' tariffi li jiffukaw fuq prodotti agrikoli u xi prodotti agrikoli pproċessati ladarba dawn huma msejsa prinċipalment fuq il-ħtieġa tal-ħarsien ta' industriji li għadhom ġodda jew prodotti sensittivi f'dawn il-pajjiżi;

31. Jitlob li jkun hemm mekkaniżmi ta' monitoraġġ xierqa u trasparenti – bi rwol u influwenza ċari – biex jiġi segwit l-impatt tal-EPAs, b'iktar sjieda min-naħa tal-AKP u b'konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati;

32. Jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja t-twaqqif ta' mekkaniżmu indipendenti ta' monitoraġġ fi ħdan l-Istati tal-CARIFORUM mogħni bir-riżorsi neċessarji biex jagħmel l-analiżi neċessarja ħalli jiddetermina kemm l-EPA qed tilħaq l-għanijiet tagħha;

33. Jenfasizza l-importanza ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ xieraq u trasparenti b'kontroll effettiv mill-Kumitat responsabbli fi ħdan il-Parlament Ewropew, li jaħdem flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati tal-AKP biex jiżgura konsistenza ġenerali fil-politiki kummerċjali u dawk marbuta mal-iżvilupp;

34. Jenfasizza l-irwol kruċjali tal-parlamenti u tal-atturi mhux statali tal-CARIFORUM fl-immonitorjar u l-immaniġġjar tal-EPA; jinnota li l-involviment effettiv tagħhom jeħtieġ aġenda ċara u inklużiva bejn l-UE u l-pajjiżi tal-CARIFORUM;

35. Jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jikkonsulta lill-kunsilli reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea li jinsabu fil-Karajbi (Martinika, il-Gwadalupe u l-Gujana Franċiża) qabel ma ssir ir-ratifika tal-Ftehima għal Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

36. Jilqa' b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni Konġunta msemmija aktar ’il fuq u l-fatt li se ssir reviżjoni komprensiva obbligatorja tal-Ftehima sa mhux aktar tard minn ħames snin mid-data tal-iffirmar u mbagħad kull ħames snin wara l-ewwel darba, sabiex jiġi ddeterminat l-impatt tal-Ftehima, inklużi l-ispejjeż u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni; jindika li l-Partijiet impenjaw ruħhom li jemendaw il-provvedimenti tagħha u jaġġustaw l-applikazzjoni tagħha skont il-ħtieġa; jitlob li l-Parlament u l-Parlamenti tal-CARIFORUM ikunu involuti fi kwalunkwe reviżjoni tal-EPA;

37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-AKP, lill-Kunsill AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.