PARLAMENT EWROPEW

Dokument ta' sessjoni

16.3.2009                                                                                                                B6‑0145/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0212/2009 u B6‑0211/2009

skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura

minn Daniel Caspary

f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar il-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehima ta’ Partenarjat Ekonomiku bejn l-Istati tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa oħra

B6‑0145/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku bejn l-Istati tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika fuq naħa waħda, u l-Komunita Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa oħra

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li saret f'Cancún[1], tat-12 ta' Mejju 2005 dwar il-valutazzjoni tad-Doha Round wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-WTO tal-1 ta' Awwissu 2004[2], tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-preparamenti għas-Sitt Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong[3], tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt tal-iżvilupp fuq il-Ftehimiet tas-Sħubija Ekonomika (EPAs)[4], tal-4 ta' April 2006 dwar il-valutazzjoni tad-Doha Round wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong[5], tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: it-tifsil ta' politiki ta' kummerċ biex ikun massimizzat il-kontribut tal-kummerċ għat-tnaqqis tal-faqar[6], tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda dwar l-Iżvilupp ta' Doha[7] (DDA), tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku[8], u tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi ġeneralizzati fit-tariffi għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u Nru 1100/2006[9],

–   wara li kkunsidra l-Ftehima interim dwar il-Partenarjat Ekonomiku bejn il-Komoros, il-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles, iż-Żimbabwe, iż-Żambja min-naħa l-waħda u l-Komunità Ewropea min-naħa l-oħra,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Partenarjat bejn il-membri tal-Gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta' April 2006, Ottubru 2006, Mejju 2007, Ottubru 2007, Novembru 2007 u Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjati Ekonomiċi ( COM(2007)0635 ),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikolari l-Artikolu XXIV tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005 f'Ħong Kong,

–   wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, adottati mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-10 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta’ Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp bħala kriterji stabbiliti kollettivament mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,

–   wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Gleneagles, maħruġ fit-8 ta' Lulju 2005 mill-Grupp tat-Tmienja fi Gleneagles,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) b’konnessjoni mal-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Procedura,

A. billi sal-31 ta' Diċemrbu 2007 ir-relazzjoni kummerċjali preċedenti tal-UE mal-pajjiżi tal-AKP, relazzjoni li kienet tagħti lil dawn tal-aħħar aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE fuq bażi mhux reċiproka - ma kinitx tikkonforma mar-regoli tad-WTO,

B.  billi l-EPAs huma ftehimiet kompatibbli mad-WTO mmirati biex jappoġġjaw l-integrazzjoni reġjonali u jippromwovu l-integrazzjoni gradata tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomija dinjija, u b'hekk jitrawwem l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħhom u jikkontribwixxu għall-isforz globali fid-direzzjoni tal-qerda tal-faqar u l-mard fil-pajjiżi AKP,

C. billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika ta’ bħalissa tfisser li l-politika kummerċjali ġusta u favur l-iżvilupp se tkun importanti aktar minn qatt qabel għad-dinja li għadha qed tiżviluppa,

D. billi s-sistemi preċedenti ta' kummerċ preferenzjali ma kkontribwewx għat-titjib sinifikanti tas-sitwazzjoni ekonomika f'dawn il-pajjiżi,

E. billi l-Ftehimiet "Interim" ta' Sħubija Ekonomika (IEPAs) huma ftehimiet dwar kummerċ ta' merkanzija li għandhom l-għan li jevitaw it-tfixkil tal-kummerċ tal-AKP mal-Unjoni Ewropea,

F. billi l-IEPAs huma ftehimiet internazzjonali kompletament indipendenti u kompatibbli mad-WTO u jistgħu jitqiesu bħala l-ewwel pass fil-proċess lejn EPAs,

G. billi l-Unjoni Ewropea toffri lill-pajjiżi AKP aċċess 100% mingħajr kwoti u mingħajr dazju għas-swieq tal-UE mill-ewwel sena minbarra għar-ross (2010) u għaz-zokkor(2015),

H. billi l-livelli ta' kapaċità bejn l-istati AKP u l-Unjoni Ewropea jvarjaw b'mod konsiderevoli,

I.   billi hemm kompetizzjoni limitata bejn l-UE u l-pajjiżi AKP minħabba li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjoni tal-UE prinċiparjament tikkonsisti f’oġġetti li l-pajjiżi AKP ma jipproduċux iżda li jeħtieġuhom għal konsum dirett jew bħal inputs għall-industrija domestika;

J.   billi l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ uriet li kapaċi tippromwovi d-diversità tas-suq, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp,

K. billi xi stati tal-AKP, waqt in-negozjati EPA, fittxew il-Klawżola tan-Nazzjon l-Aktar Favorit (MFN), li tistabbilixxi tariffa normali u mhux diskriminatorja għall-merkanzija impurtata, bil-għan li jkun żgurat li l-esportaturi kollha jiġu trattati daqs l-esportatur l-aktar favorit,

L.  billi ġew innegozjati regoli mtejba dwar l-oriġini mal-pajjiżi AKP, u dawn jistgħu jagħtu lill-AKP benefiċċji konsiderevoli jekk jiġu implimentati kif xieraq filwaqt li jitqiesu l-livelli mnaqqsa tagħhom ta’ kapaċità,

M. billi regoli kummerċjali mtejba għandhom ikunu akkumpanjati b’żieda fl-appoġġ għal assistenza relatata mal-kummerċ,

N. billi l-objettiv tal-Għajnuna għal Kummerċ huwa biex tkun appoġġjata l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kummerċjali ġodda,

O. billi EPA finali inevitabbilment se tikkundizzjona l-ambitu u l-kontenut tal-ftehimiet futuri magħmulin bejn il-pajjiżi AKP u sħab kummerċjali oħra, u l-pożizzjoni tar-reġjun fin-negozjati,

P.  billi l-grupp ta’ pajjiżi AKP mil-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika jikkonsisti fi 11 –il pajjiż, li jvarjaw fid-daqs u fil-GDP mir-reġjun kollu,

Q.  billi l-grupp tal-Istati tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika tal-ESA huwa magħmul minn ħames Stati, b’popolazzjoni kkombinata ta’ 33.5 miljun, fejn kull Stat ivarja fid-daqs u fil-karatteristiċi tiegħu, bl-akbar wieħed, il-Madagaskar, b’popolazzjoni 250 darba ikbar minn tal-iċken Stat, is-Seychelles,

R.  billi r-reġjun ESA huwa maqsum fil-grupp Komunità Afrikana tal-Lvant (EAC) u l-grupp ESA, jistgħu jerġgħu jingħaqdu hekk kif dawn il-gruppi jkunu lesti li jagħmlu dan,

1.  Jafferma mill-ġdid il-ħsieb tiegħu li, jekk jitfasslu b’mod xieraq u jkunu akkumpanjati minn politiki effikaċi orjentati lejn l-iżvilupp, l-EPAs jirrappreżentaw opportunità biex ir-relazzjonijiet kummerċjali AKP-UE jerġgħu jingħataw il-ħajja, ikunu promossi d-diversifikazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni reġjonali tal-AKP, u biex jitnaqqas il-faqar fil-pajjiżi AKP;

2.  Jenfasizza li ftehimiet bħal dawn ma jistgħux jitqiesu bħala sodisfaċenti sakemm ma jiksbux tliet għanijiet: joffru lill-pajjiżi tal-AKP appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli, jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ dinji u jsaħħu l-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni;

3.  Jenfasizza li l-għan prinċipali ta’ din il-ftehima huwa li, permezz tal-għanijiet għall-iżvilupp, it-tnaqqis tal-faqar u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp;

4.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji li l-iffirmar tal-IEPAs bejn l-Unjoni min-naħa waħda u l-pajjiżi relevanti min-naħa l-oħra kellu fuq l-esportaturi billi jinżamm l-istejtus quo għal esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea wara l-iskadenza tal-iskema kummerċjali ta’ Cotonou fl-1 ta’ Jannar 2008, u għalhekk il-preservazzjoni u l-espansjoni sostanzjali tal-opportunitajiet tal-esportazzjoni lejn l-UE għall-Istati ESA, kemm permezz ta’ regoli sħaħ tas-suq u kemm permezz ta' regoli ta' oriġini mtejba;

5.  Jirrikonoxxi l-importanza li jintlaħqu ftehimiet bejn l-UE u l-imsieħba tal-AKP tagħha li jkunu konformi mad-WTO, għaliex mingħajr ftehimiet bħal dawn, ir-relazzjonijiet kummerċjali u l-iżvilupp tagħhom ikunu mfixkla bil-kbir;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Komunità Ewropea qed toffri lill-pajjiżi ESA aċċess sħiħ għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-prodotti tagħhom, biex tappoġġa l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-ESA u l-Unjoni;

7.  Jenfasizza li l-iffirmar tal-IEPAs huwa pass meħtieġ sabiex ikun hemm tkabbir sostenibbli fir-reġjuni, u f'dawn ir-reġjuni b'mod ġenerali, u jenfasizza l-importanza tan-negozjati kontinwi lejn ftehima finali sabiex jitħeġġeġ aktar kummerċ, investiment u integrazzjoni reġjonali;

8.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-istabbiliement ta’ perjodi ta’ tranżizzjoni fl-IEPA għal intrapriżi żgħar u medji sabiex ikunu jistgħu jadattaw għal bidliet stipulati mill-ftehima, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-istati kkonċernati biex ikomplu jappoġġjaw l-interessi tal-intrapriżi żgħar u medji fin-negozjati tagħhom lejn EPA finali;

9.  Jiġbed l-attenzjoni li hemm żbilanċ enormi bejn l-ekonomija tal-UE u l-ekonomiji tal-Istati ESA li qatt ma jista’ jiġi aġġustat, anke biss b’mod parzjali permezz ta’ politiki ta’ kummerċ ħieles;

10. Iħeġġeġ lill-pajjiżi AKP biex ikomplu bil-proċess ta’ liberalizzazzjoni u jinkoraġġixxi l-estensjoni ta’ riformi bħal dawn lil hinn mill-kummerċ ta’ merkanzija biss biex tiżdied il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi;

11. Jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tipprovdi aktar għajnuna xierqa kemm lill-awtoritajiet tal-AKP kif ukoll lis-settur privat sabiex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni tal-ekonomiji wara l-iffirmar tal-IEPA u sabiex ikun żgurat li jittieħdu miżuri ħalli l-gruppi vulnerabbli (l-anzjani, il-persuni b’diżabiltajiet, l-ommijiet li jrabbu l-uliedhom waħidhom) jiġu protetti matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni ekonomika;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiċċaraw kif fil-fatt issir id-distribuzzjoni tal-fondi madwar ir-reġjun tal-AKP li ġejjin mill-wegħda ta' nfiq prijoritarju fil-kuntest tal-baġit imkabbar tal-Għajnuna għall-Kummerċ;

13. Jistieden li jkun deċiż minn kmieni u jkun provdut is-sehem tar-riżorsi ta’ Għajnuna għall-Kummerċ;

14. Iħeġġeġ lill-pajjiżi relevanti biex jipprovdu informazzjoni ċara u trasparenti dwar is-sitwazzjoni ekonomika u politika u l-iżvilupp f’dawn il-pajjiżi sabiex titjieb il-koperazzjoni mal-Unjoni;

15. Iħeġġeġ lin-negozjaturi ta' kull EPA finali għall-immaniġġjar trasparenti tar-riżorsi naturali u li jkunu spjegati l-aħjar prattiki meħtieġa sabiex il-pajjiżi rilevanti jkunu jistgħu jiksbu l-akbar dħul possibbli minn dawn ir-riżorsi;

16. Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ intra-reġjonali u l-ħtieġa ta' iktar rabtiet kummerċjali fir-reġjun sabiex ikun żgurat it-tkabbir sostenibbli fir-reġjun; jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni u l-qbil bejn l-entitajiet reġjonali differenti; jitlob li kwalunkwe ftehim bejn l-UE u l-pajjiżi tar-reġjun tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar ma jikkontradixxux lil xulxin jew ixekklu l-integrazzjoni reġjonali f'dan ir-reġjun iktar wiesa';

17. Jitlob li jkun hemm mekkaniżmi ta’ monitoraġġ trasparenti u xierqa – li jkollhom irwol u influwenza ċari – biex isegwu l-impatt tal-EPAs, b’żieda fis-sjieda AKP u b’konsultazzjoni ikbar mal-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili; jenfasizza li għandha titwettaq reviżjoni komprensiva tal-Ftehima interim ta’ Partenarjat Ekonomiku mal-ESA mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tal-firma, rigward l-impatt soċjoekonomiku tagħha, inklużi l-ispejjeż u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni, fejn jingħata spazju għal emendi għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehima u għal aġġustamenti għall-applikazzjoni tagħhom;

18. Iqis importanti li fl-implimentazzjoni ta’ EPAs, għandha tkun stabbilita sistema ta’ monitoraġġ ċara, koordinata mill-kumitat parlamentari relevanti bl-involviment ta' Membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp, li tiżgura bilanċ bejn iż-żamma tal-irwol ewlieni tal-Kumitat INTA u l-konsistenza ġenerali fil-politiki għall-iżvilupp u kummerċjali; iqis li dan il-kumitat parlamentari għandu jopera b’mod flessibbli u għandu jikkoordina b’mod attiv mal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (JPA); iqis li dan il-monitoraġġ għandu jibda wara l-adozzjoni ta’ kull EPA;

19. Jinsisti li, sabiex tkun konformi mal-Prinċipji ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna, l-għajnuna għandha tkun, fost l-oħrajn, iggwidata mid-domanda, u għalhekk, jistieden lill-AKP biex iressqu bl-assistenza xierqa tal-UE fejn meħtieġa, proposti dettaljati u bl-ispejjeż, ta’ kif u għal-liema skop fondi addizzjonali relatati mal-EPA huma meħtieġa, partikolarment fir-rigward ta’oqfsa regolatorji, miżuri ta’ salvagwardja, iffaċilitar tal-kummerċ, appoġġ biex jintlaħqu standards internazzjonali Sanitarji u Fitosanitarji u ta’ Proprjetà Intellettwali, kompożizzjoni tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-EPA;

20. Jesprimi appoġġ kontinwu għal EPA komprensiva bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika inkluż il-qasam prinċipali tan-negozjati għad-drittijiet tal-propjetà intellewali li jkopri mhux biss l-artefatti teknoloġiċi tal-Punent, imma anke l-bijodiversità u l-għarfien tradizzjonali;

21. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel li tista’ sabiex tibda mill-ġdid in-negozjati dwar id-DDA u sabiex tiżgura li l-Ftehimiet dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikomplu jippromwovu l-iżvilupp fil-pajjiżi l-fqar;

22. Jinsab konvint li EPAs sħaħ għandhom ikunu kumplimentarji għal ftehima dwar id-DDA u mhux alternattiva;

23. Jirrispetta l-ħtieġa u l-importanza għal kapitolu dwar id-difiża tal-kummerċ b'salvagwardji bilaterali; jistieden liż-żewġ naħat biex jevitaw abbuż mhux meħtieġ ta' dawn is-salvagwardji;

24. Iqis li l-Ftehima finali ta’ Partenarjat Ekonomiku għandha tinkoraġġixxi l-esportazzjonijiet ta’ prodotti pproċessati permezz ta’ regoli dwar l-oriġini aktar sempliċi u mtejba, partikolarment f’setturi prinċipali bħat-tessuti u l-agrikoltura;

25. Jappoġġja l-esklużjonijiet ta’ linji ta’ tariffi miftehma li jiffukaw fuq prodotti tal-biedja u xi prodotti tal-biedja pproċessati minħabba li huma msejsa prinċipalment fuq il-ħtieġa li jiġu protetti l-industriji ġodda jew il-prodotti sensittivi f’dawn il-pajjiżi u jfakkar l-impenn li għamlet l-UE fil-kuntest tal-Aġenda dwar l-Iżvilupp ta’ Doha biex tneħħi gradwalment is-sussidji fuq l-esportazzjoni agrikola;

26. Jiġbed l-attenzjoni li l-kalendarju għan-negozjati li għaddejjin bħalissa mill-Ftehima interim għall-Ftehima finali ta’ Partenarjat Ekonomiku bejn l-UE u l-ESA, jimxu fuq il-bażi li l-ftehima se tkun konkluża sa tmiem l-2009;

27. Jemmen li għandha ssir distinzjoni bejn is-servizzi kummerċali u s-servizzi pubbliċi; jenfasizza l-bżonn li jinżammu s-servizzi pubbliċi li jindirizzaw il-bżonnijiet bażiċi tal-individwi jew li għandhom irwol importanti fil-preservazzjoni tad-diversità kulturali fin-negozjati kollha;

28. Jinnota l-inklużjoni ta' kapitlu dwar koperazzjoni għall-iżvilupp fl-EPA finali li jkopri l-koperazzjoni fil-kummerċ tal-merkanzija, il-kompetittività fil-forniment, l-infrastruttura fl-iskambju tan-negozju, il-kummerċ fis-servizzi, il-kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ, il-bini ta' kapaċità istituzzjonali, u l-aġġustamenti fiskali; jistieden liż-żewġ partijiet biex jirrispettaw l-impenn miftiehem bil-għan li jkun hemm konklużjoni tan-negozjati dwar il-kompetizzjoni u l-appalti pubbliċi, fejn titqies il-kapaċità tal-pajjiżi ESA;

29. Jenfasizza li kwalunke EPA finali għandha tinkludi dispożizzjonijiet dwar it-tmexxija tajba, it-trasparenza fl-uffiċċji politiċi, u d-drittijiet tal-bniedem, b'konformità mal-Artikoli 11b, 96 u 97 tal-Ftehima ta' Cotonou;

30. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tindirizza l-hekk magħrufa “kwistjonijiet kontroversjali”, bħall-kopertura tal-kummerċ fil-ftehima, il-klawsola MFN, it-taxxi tal-esportazzjoni, is-salvagwardji u r-regoli tal-oriġini, fil-kuntest tan-negozjati lejn EPA finali reġjonali, b’mod li jkun fl-interess tal-UE u taċ-ċittadini tagħha u biex ikun appoġġjat l-iżvilupp sostenibbli fl-UE u fil-pajjiżi AKP;

31. Jenfasizza l-importanza ta' EPA finali biex ikunu appoġġjati r-relazzjonijiet bejn ir-reġjuni permezz tal-armonizzazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali bejn il-pajjiżi AKP u l-Komunità Ewropea;

32. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu minħabba li s-sitwazzjoni attwali fiż-Żimbabwe f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-ekonomija tirrappreżenta theddida kbira għaċ-ċittadini u hija piż kbir fuq il-kollaborazzjoni attwali u futura bejn l-Unjoni Ewropea u ż-Żimbabwe;

33. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-iżvilupp ta’ unjoni doganali fil-grupp ESA u l-isforzi li qed isiru lejn il-ħolqien ta’ unjoni monetarja li b’mod partikolari tikkunsidra l-benefiċċji għall-intrapriżi li se jkunu disponibbli permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fir-reġjun ESA, li se twassal għal suq ikbar, żieda fil-kummerċ, u żieda fl-opportunitajiet għall-ħolqien ta’ ekonomiji ta’ skala;

34. Jistieden lill-partijiet fin-negozjati biex jinkludu ftehimiet li jorbtu fir-rigward tal-appalti pubbliċi, tal-investiment, tal-kompetizzjoni u tal-appalti pubbliċi li jistgħu jkabbru l-interess li jsir negozju u investiment fil-pajjiżi ESA, minħabba li dawn ir-regoli huma ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-gvernijiet lokali, peress li r-regoli se jkunu ugwali għal kulħadd u għalhekk jgħinu biex jattiraw in-negozju u l-investiment;

35. Jitlob li jkun hemm proċedura ta' ratifika immedjata bil-għan li l-benefiċċji tal-IEPA jkunu disponibbli għall-pajjiżi msieħba mingħajr dewmien;

36. Jinkoraġġixxi lill-partijiet biex itemmu n-negozjati għal EPA finali bejn il-pajjiżi ESA u l-Unjoni, sakemm il-benefiċċji reċiproċi ta’ ftehima bħal din ikunu rikonoxxuti fuq iż-żewġ naħat;

37. Jinsisti li l-Parlament Ewropew għandu jkun infurmat u involut b’mod sħiħ matul il-proċess tan-negozjati tranżitorji; jixtieq li dan isir permezz ta’ trijalogu informali attiv mal-Kunsill u l-Kummissjoni; jitlob lill-Kunsill biex jirreferi din il-kwistjoni lill-Parlament malajr kemm jista’ jkun;

38. Jirrikonoxxi s-sitwazzjoni tal-poplu tal-Arċipelagu ta’ Chagos, li tneħħew bil-forza mill-gżejjer tagħhom u bħalissa qed jgħixu fi stat ta’ faqar fil-gżejjer tal-Mawrizju u tas-Seychelles, u jqis li l-UE għandha taħdem biex tinstab soluzzjoni għan-nies ta’ Chagos biex ikunu jistgħu jirritornaw lura lejn il-gżejjer tal-oriġini tagħhom;

39. Jagħti istruzzjoni lill-President biex iressaq din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi AKP, lill-Kunsill AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

 

 

[1] ĠU C 77 E, 26.3.2004, p. 393.
[2] ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 397.
[3] ĠU C 285 E, 22.11.2006, p.126.
[4] ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.
[5] ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.
[6] ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.
[7] ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 244.
[8] ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.
[9] ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 361.