PARLAMENT EWROPEW
Dokument ta' sessjoni
16.4.2009 B6‑0192/2009
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-Mistoqsijiet li jitolbu tweġiba Orali B6 0489/2008 u B6 0494/2008
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Procedura
minn Gérard Deprez
f’isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
dwar id-dibattitu annwali dwar il-progress li sar fl-2008 fil-qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja (AFSJ) (Artikoli 2 u 39 tat-Trattat UE)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dibattitu annwali dwar il-progress li sar fl-2008 fil-qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja (AFSJ) (Artikoli 2 u 39 tat-Trattat tal-UE)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 39 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikoli 13, 17-22, 61-69, 255 u 286 tat-Trattat KE, li jikkostitwixxu l-bażijiet legali prinċipali għall-iżvilupp tal-UE u tal-Komunità bħala zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja,
– wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet Orali lill-Kunsill ( B6-0489/2008 ) u lill-Kummissjoni ( B6-0494/2008 ), dibattuti fis-Sessjoni Plenarja fis-17 ta’ Diċembru 2008[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Procedura tieghu,
A. billi għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam:
– l-acquis tal-UE dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-siġurtà qed tikber b'mod sinifikanti, u għalhekk tikkonferma l-għażla mill-Istati Membri biex jinvolvu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea b'mod estensiv fit-tfassil tal-politika f'dan il-qasam biex jiġu żgurati l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Unjoni,
– il-maġġoranza taċ-ċittadini tal-Unjoni, skont l-istħarriġ perjodiku tal-Eurobarometer, qed iħossu dejjem aktar li azzjonijiet fil-livell tal-UE għandhom valur miżjud imqabbla ma dawk li jittieħdu biss fil-livell nazzjonali u żewġ terzi taċ-ċittadini jappoġġjaw azzjonijiet fil-livell tal-UE li jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet fundamentali, (inklużi d-drittijiet tat-tfal) kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu u 18% biss jikkunsidraw li l-azzjonijiet fil-livell tal-UE ma kellhomx benefiċċju żejjed,
B. billi l-fatturi pożittivi msemmija hawn fuq ma jistgħux jikkompensaw:
– għad-dgħufija legali persistenti u l-kumplessità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE b'mod partikolari fl-oqsma tal-pulizija u l-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li m'għandhomx kontroll demokratiku u ġudizzjarju xieraq fil-livell tal-UE,
– għar-riluttanza tal-maġġoranza tal-Istati Membri li jsaħħu l-politiki marbuta mad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet taċ-ċittadini; fl-istess ħin jidher li huwa dejjem aktar essenzjali biex il-mira ma tkunx biss fuq il-każijiet transkonfinali, sabiex jiġu evitati l-istandards doppji fl-istess Stat Membru,
– il-ħtieġa kontinwa għal żvilupp ulterjuri u implimentazzjoni korretta tal-politika komuni tal-immigrazzjoni u tal-ażil tal-UE, li qed tiffaċċja dewmien mill-kalendarju miftiehem fil-Programm ta’ The Hague u fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil,
– għad-diffikultajiet li għandha l-Kummissjoni biex tiżgura implimentazzjoni f'waqtha u korretta ta' leġiżlazzjoni Komunitarja adottata riċentement flimkien mal-immaniġġjar ta' volum għoli ta' korrispondenza, ilmenti u l-ammont tal-każijiet li qed jikber ta' ksur tal-liġi,
– għall-bżonn ta' aktar involviment estensiv tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali biex jivvalutaw l-impatt reali fil-prattika tal-leġiżlazzjoni tal-UE,
– għan-netwerk li għadu mhux żviluppat biżżejjed tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati f'kull politika tal-AFSJ; huwa importanti li wieħed jinnota li kien biss reċentement li l-Ministri tal-Ġustizzja tal-Istati Membri iddeċidew li jibnu netwerk immirat biex ikun hemm tisħiħ reċiproku tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u dan għandu jsir għaz-zoni l-oħra tal-AFSJ,
– għall-fatt li, anke bejn l-aġenziji tal-UE, il-kooperazzjoni qed tiżviluppa bil-mod u s-sitwazzjoni qed tirriskja li ssir aktar kumplessa bil-multiplikazzjoni ta' korpi oħra b'impenji operazzjonali fil-livell tal-UE,
C. billi huwa neċessarju li wieħed ifakkar:
– fil-pożizzjoni prudenti kontinwa li ħadu l-Kunsill u l-Kummissjoni wara l-adozzjoni mill-Parlament tar-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2008 dwar id-dibattitu annwali dwar il-progress maghmul fl-2007 fiz-Zona tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja (AFSJ)[2], u waqt id-dibattiti Plenarji f'Diċembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea u dwar il-progress fl-AFSJ,
– fl-appoġġ mogħti mill-Parlamenti nazzjonali biex iwessgħu l-kooperazzjoni interparlamentari notevolment fl-AFSJ, kif muri mill-kontribuzzjonijiet tagħhom għad-dibattiti ġenerali u f'okkażjonijiet speċifiċi bħar-reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar it-trasparenza, id-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2002/475/JHA tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu[3], il-leġiżlazzjoni l-ġdida UE-PNR[4], l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom biex jiċċaqalqu u joqogħdu b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri[5], l-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta' Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi biex jintlaqgħu dawk li qed ifittxu kenn politiku[6] u l-implimentazzjoni tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u ċivili,
1. Jistieden lil dawk l-Istati Membri li ma rratifikawx it-Trattat ta' Liżbona biex jagħmlu dan kemm jista' jkun malajr għaliex dan se jegħleb in-nuqqasijiet l-aktar sinifikanti fl-AFSJ billi:
– joħloq qafas aktar koerenti, trasparenti u legalment sod,
– isaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali billi jagħti qawwa vinkolanti il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[7] (iċ-“Charter”) u billi jħalli lill-UE tissieħeb fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,
– jagħti poter liċ-ċittadini tal-Unjoni u s-soċjetà ċivili billi jinvolvihom fil-proċess leġiżlattiv u jagħtihom aċċess akbar għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (ECJ),
– jinvolvi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fl-evalwazzjoni tal-politiki tal-UE, u għalhekk jagħmel l-amministrazzjonijiet Ewropej u nazzjonali aktar responsabbli;
2. Jistieden lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex:
(a) jinvolvu formalment lill-Parlament Ewropew li jkun għadu kif ġie elett fl-adozzjoni tal-programm pluriennali tal-AFSJ li jmiss għall-perjodu 2010-2014, għaliex dan il-programm, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, għandhu jkun implimentat principalment mill-Kunsill u mill-Parlament permezz tal-proċedura tal-kodeċiżjoni; meta wieħed jikkunsidra li programm plurienneali bħal dan għandu wkoll imur ħafna ’l bogħod mis-suġġerimenti li hemm fir-rapporti tal-Gruppi Futuri tal-Kunsill, il-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti għax għandu jkollhom irwol essenzjali biex ifasslu l-prijoritajiet u biex jimplimentawhom fil-livell nazzjonali;
(b) jiffokaw fuq il-programm pluriennali futur, u primarjament fuq it-titjib tad-drittijiet fundamentali u dawk taċ-ċittadini kif irrakkomandat reċentement mill-Parlament[8] billi jiġu żviluppati l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti biċ-Charter, li l-istituzzjonijiet ipproklamaw f'Nizza fl-2000 u wkoll f'Liżbona fit-12 ta' Diċembru 2007;
3. Iqis li huwa urġenti u xieraq li l-Kummissjoni:
(a) tieħu inizjattivi urġenti biex ittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini bħal ma huma dawk tal-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni diplomatika u konsulari u dwar il-moviment ħieles u r-residenza;
(b) tiżviluppa mekkaniżmu biex jiġi żgurat involviment aktar estensiv taċ-ċittadini fid-definizzjoni tal-kontenut ta' ċittadinanza tal-Unjoni billi jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' konsultazzjoni u tappoġġja n-netwerks tal-partijiet interessati;
(c) tissottometti programm sħiħ ta' miżuri tal-UE li jsaħħu d-drittijiet proċedurali tal-konvenut u l-garanziji meħtieġa fil-fażijiet ta' qabel u wara l-ġuri, b'mod partikolari, meta dan jikkonċerna persuni li ma jkunux ċittadini tal-pajjiż ikkonċernat, u b'mod ġenerali tiżviluppa skrining tal-miżuri tas-sigurtà u l-ġustizzja kriminali Ewropea fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini;
(d) tiġbor u xxerred, fuq bażi regolari, id-dejta newtrali kollha rilevanti dwar l-evoluzzjoni tal-politiki ewlenin tal-AFSJ, bħall-flussi migratorji, l-evoluzzjoni tal-kriminalità organizzata u b'mod partikolari it-terroriżmu (ara l-Organised Crime Threat Assessment (OCTA) tal-UE u l-EU Terrorism Situation u Trend Report (TE-SAT) mill-Europol);jiġbru u diffużi, fuq bażi regolari, kollha rilevanti newtrali data dwar l-evoluzzjoni ta 'l-AFSJ politiki ewlenin bħall-flussi migratorji, l-evoluzzjoni tal-kriminalità organizzata u b'mod partikolari tat-terroriżmu (ara l-UE Organised Crime Threat Assessment (OCTA) u l-EU Terrorism Situation and Trend Report (TE-SAT) mill-Europol);
(e) tippreżenta mill-aktar fis possibbli l-istrumenti legali pendenti dwar il-kategoriji oħra ta’ ħaddiema li jkollhom karta blu tal-UE minn pajjiżi terzi, bħall-ħaddiema staġunali, persunal li jiġi trasferit fi ħdan korporazzjoni u trainees imħallsa, u dwar il-mandat tal-FRONTEX; b’mod partikulari, għandha tiżgura li l-FRONTEX ikollha biżżejjed riżorsi sabiex tiżgura l-objettivi tagħha u sabiex iżżomm lill-Parlament infurmat b’mod sħiħ dwar in-negozjati ta’ ftehimiet ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-immigrazzjoni;
(f) tistabbilixxi Politika Ewropea għas-Sigurtà Interna, li għandha tikkomplementa l-pjanijiet nazzjonali ta' sigurtà sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-parlamenti nazzjonali jkollhom idea ċara tal-valur miżjud tal-azzjoni mill-UE; b'mod partikolari, issaħħaħ il-politika tal-UE dwar il-ġlieda kontra ċerti tipi ta' kriminalità organizzata bħat-traffikar tal-bnedmin, l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal u l-korruzzjoni, billi tittieħed azzjoni effettiva u jintużaw l-għodod ta' kooperazzjoni kollha disponibbli biex jinkisbu riżultati li jistgħu jitkejlu, inkluża azzjoni bl-għan li jiġi adottat strument leġiżlattiv dwar il-konfiska ta’ assi finanzjarji u proprjetà tal-organizzazzjonijiet kriminali internazzjonali u dwar l-użu mill-ġdid tagħhom għal skopijiet soċjali;
(g) tkompli timplimenta l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċizjonijiet legali, kemm fl-isfera tal-ġustizzja ċivili kif ukoll tal-ġustizzja kriminali, fl-istadji kollha tal-proċedura ġudizzjarja, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġustizzja kriminali, biex tiżgura sistema ta' rikonoxximent u l-aċċettabilità reċiproka ta' evidenza madwar l-Ewropa bl-akbar kunsiderazzjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali;
(h) tissupplimenta l-iżvilupp tar-rikonoxximent reċiproku permezz ta' serje ta' miżuri li jsaħħu l-fiduċja reċiproka, b'mod partikolari, billi tiżviluppa xi approssimazzjoni tal-liġi kriminali proċedurali, u l-evalwazzjoni tad-drittijiet proċedurali, it-titjib sostanzjali reċiproku tal-funzjonament tas-sistemi tal-ġustizzja u t-titjib tal-modi biex tiġi żviluppata fiduċja reċiproka fi ħdan il-professjoni ġudizzjarja, bħaż-żieda fit-taħriġ ġudizzjarju u l-appoġġ tan-netwerking;
(i) tibni strateġija esterna tal-UE, trasparenti u effiċjenti fl-AFSJ, ibbażata fuq politika kredibbli, partikolarment meta l-Komunità għandha kompetenza esklussiva, per eżempju fil-ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid, il-protezzjoni tal-fruntieri esterni u l-politiki dwar il-viża (bħal fil-każ dwar il-kwistjoni tat-tneħħija tal-viża tal-Istati Uniti);
(j) tistieden lill-Kunsill jikkonsulta mal-Parlament regolarment anki fil-każ ta' ftehimiet internazzjonali li jittrattaw l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, għaliex ir-rifjut attwali mill-Kunsill li jagħmel hekk huwa kontra l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali u tar-responsabilità demokratika tal-UE; tistieden lill-Kummissjoni b'mod partikolari biex tippreżenta kriterji dwar l-iżvilupp ta' politika Ewropea xierqa, dwar ftehimiet ma' pajjiżi terzi dwar assistenza legali reċiproka jew dwar l-estradizzjoni fi kwistjonijiet kriminali b'konsiderazzjoni tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat
(k) tintroduċi leġiżlazzjoni speċifika li tagħti protezzjoni diplomatika u konsulari għaċ-ċittadini kollha tal-UE sew jekk l-Istat Membru in kwistjoni huwa rappreżentat fit-territorju tal-pajjiż terz u sew jekk le;
(l) tissottometti proposti ġodda sabiex tikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-każ tal-iffriżar tal-assi ta' persuni naturali u legali, anke b’referenza għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja relatati mal-persuni elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu[9], partikolarment fil-Każijiet T-284/08 PMOI v. Kunsill u T-256/07 PMOI v. Kunsill;
(m) issaħħaħ il-fiduċja reċiproka u s-solidarjetà bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri billi:
– tistabbilixxi, b'kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, standards ogħla tal-kwalità tal-Ġustizzja[10] u l-kooperazzjoni tal-pulizija;
– issaħħaħ u tiddemokratizza l-mekkaniżmi ta' valutazzjoni reċiproka diġa' pprovduti fil-kuntest tal-kooperazzjoni ta' Schengen u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;
– twessa' l-mudell tal-evalwazzjoni u assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri stabbiliti għal Schengen għall-politiki kollha tal-AFSJ fejn ċittadini minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi huma kkonċernati (bħal l-politiki ta' migrazzjoni u integrazzjoni, iżda wkoll għall-implimentazzjoni ta' programmi kontra t-terroriżmu u kontra r-radikalizzazzjoni);
(n) tistabbilixxi koordinazzjoni u komplementarjetà aktar estensivi bejn l-aġenziji eżistenti tal-UE u dawk futuri bħall-Europol, il-Eurojust, il-FRONTEX, is-Cepol, għaliex dawn il-korpi għandhom imorru lilhinn mill-kooperazzjoni embrijonika u inċerta tagħhom u għandhom jistabbilixxu rabtiet aktar mill-qrib mas-servizzi nazzjonali korrispondenti u jilħqu standards ogħla ta' effiċjenza u sigurtà u li jkunu aktar responsabbli u trasparenti quddiem il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;
(o) tkompli tiżviluppa u ssaħħaħ, fuq bażi kontinwa, il-politika komuni tal-Unjoni dwar l-immaniġġjar tal-fruntieri, filwaqt li tenfasizzata l-ħtieġa li tiġi definita, malajr kemm jista’ jkun, arkitettura globali għall-istrateġija tal-Unjoni dwar il-fruntieri, kif ukoll il-mod ta’ kif il-programmi u l-proġetti kollha relatati għandhom jinteraġixxu u jiffunzjonaw, bil-għan li jitjieb il-mod ta’ kif jinterrelataw, u tkun evitata d-duplikazzjoni jew l-inkonsistenza;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel l-isforzi kollha meħtieġa bil-għan li jitwettqu l-proġetti kollha konċernati u jiġi żgurat li l-VIS u l-SIS II ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista' jkun;
5. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni ma tippreżentax proposti leġiżlattivi b’mod prematur għall-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda, b’mod partikulari s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, sakemm jitwettqu u jibdew jitħaddmu l-VIS u l-SIS II; huwa favur l-evalwazzjoni tal-ħtieġa reali għal sistema bħal din, minħabba l-inkroċjar evidenti tagħha mas-sett ta' sistemi li jeżistu diġà; jemmen li hu essenzjali li jiġi eżaminat kwalunkwe tibdil meħtieġ fis-sistemi eżistenti u li tiġi pprovduta stima xierqa tal-ispejjeż reali tal-proċess kollu;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-proposta tagħha għal programm pluriennali ir-rakkomandazzjonijiet deskritti hawn fuq u dawk ippreżentati mill-Parlament fir-Riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tal-25 ta' Settembru 2008, kif ukoll fir-riżoluzzjonijiet li ġejjin;
– ir-Riżoluzzjoni tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2004-2008)[11],
– ir-Riżoluzzjoi tat-2 ta’ April 2009 dwar il-problemi u l-prospettivi taċ-Ċittadinanza Ewropea[12],
– ir-Riżoluzzjoni tas-27 ta' Settembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità[13],
– ir-Riżoluzzjoni tal-10 ta' Marzu 2009 dwar il-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea u esperjenzi simili f'pajjiżi terzi[14],
kif ukoll
– ir-Riżoluzzjoni tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil[15],
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.