Dokument ta’ sessjoni

 

14.9.2009                                                                                                                B7‑0047/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija b’talba għal tweġiba orali B7‑0208/2009

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Procedura

dwar il-kriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib

James Nicholson

f’isem il-Grupp ECR

 

B7‑0047/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib

The European Parliament,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-industrija tal-prodotti tal-ħalib, li tirrappreżenta settur prinċipali fl-agrikoltura Ewropea, qed tgħaddi minn diffikultajiet li qatt ma esperjenzat bħalhom qabel,

B.  billi s-sitwazzjoni fl-industrija tal-prodotti tal-ħalib iddeterjorat serjament fl-aħħar tnax-il xahar, peress li l-prezz tal-ħalib hekk kif jitlaq mir-razzett niżel bi kważi 40% għal kull litru fl-aħħar sena filwaqt li l-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tal-ħalib ma niżilx,

C. billi hemm bżonn urġenti li din is-sitwazzjoni tistabbilizza peress li ħafna bdiewa qed jipproduċu ħalib taħt il-prezz,

D. billi l-waqgħa drastika fil-prezz tal-ħalib qed ikollha konsegwenzi finanzjarji serji għall-bdiewa tal-prodotti tal-ħalib u għal atturi oħra involuti fl-industrija tal-prodotti tal-ħalib, filwaqt li ħafna impjiegi u negozji issa jinsabu f'riskju,

E.  billi hemm nuqqas ta’ bilanċ bejn il-provvista u t-talba fis-suq tal-ħalib, peress li kien hemm żieda fil-produzzjoni tal-ħalib barra l-UE imma tnaqqis fit-talba globali, ħaġa li tista' tintrabat mal-kriżi ekonomika,

F.  billi hemm differenza serja fil-marġni ta’ profitt matul il-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ħalib, peress li l-prezz li l-konsumaturi jħallsu għall-prodotti tal-ħalib fis-supermarkets huma sproporzjonati bil-kbir f'paragun mal-prezzijiet ta' dawn il-prodotti hekk kif jitilqu mir-razzett,

G. billi, għalkemm il-prezzijiet tal-ħalib żdiedu ftit fl-aħħar ftit ġimgħat, dawn għad għandhom livelli baxxi storikament,

H. billi l-bdiewa tal-prodotti tal-ħalib qed isibuha diffiċli li jiksbu kreditu u self mill-banek biex jgħinuhom matul dan il-perjodu ta’ dipressjoni fis-suq,

I.   billi hemm bżonn li tinstab soluzzjoni fil-livell tal-UE għall-instabilità fis-suq tal-industrija tal-prodotti tal-ħalib,

1.  Jilqa’ r-rapport riċenti mill-Kummissjoni (Lulju 2009) dwar is-sitwazzjoni fl-industrija tal-prodotti tal-ħalib, li jitlob li jkun hemm trasparenza ikbar fil-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ħalib; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvestiga iktar il-kwistjonijiet problematiċi fil-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ħalib;

2.  Jinnota li d-disparità fil-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ħalib hija kawża tal-instabilità sottostanti fl-industrija, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti maħsuba li jindirizzaw din il-problema b'mod komprensiv;

3.  Jinnota li, fil-kuntest tar-riforma tal-PAK, is-settur tal-prodotti tal-ħalib hu mistenni li jgħaddi minn riforma sinifikanti li se tiffoka fuq approċċ immirat iktar lejn is-suq iktar minn fuq miżuri ta' appoġġ dirett sabiex jitjiebu l-effiċjenza u l-kompetittività tal-industrija;

4.  Jappoġġja passi biex titneħħa s-sistema tal-kwoti tal-ħalib sal-2015 imma jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti dettalji fil-qosor ta’ sistema alternattiva;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex ma tiffokax biss fuq soluzzjoniijiet għaż-żmien twil għal din il-problema imma wkoll biex timplimenta miżuri li jgħinu lill-produtturi tal-prodotti tal-ħalib fiż-żmien qasir;

6.  Jirrikonoxxi li prezz iktar baxx għall-għalf u l-kombustibbli jgħin biex jittaffew l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-bdiewa tal-prodotti tal-ħalib;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex tiżgura d-disponibilità ta' għalf suffiċjenti; jinnota li dan jista’ jinkiseb billi jiġi evalwat mill-ġdid il-prinċipju tat-tolleranza zero fir-rigward ta’ organiżmi modifikati ġenetikament li ma jkunux approvati u li jkunu preżenti f’għalf importat li ma jkunx modifikat ġenetikament;

8.  Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni provat tippromwovi l-konsum tal-prodotti tal-ħalib, pereżempju permezz tal-iskema tal-ħalib tal-iskola;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlament tal-Istati Membri.