Dokument ta' sessjoni

 

30.9.2009                                                                                                                B7‑0082/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-Samit tal-G20 tal-24 u l-25 ta’ Settembru 2009, f’Pittsburgh

Udo Bullmann, Stephen Hughes, Hannes Swoboda

f'isem il-Grupp S&D

 

B7‑0082/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit tal-G20 tal-24 u l-25 ta’ Settembru 2009, f’Pittsburgh

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G20, adottata f’Pittsburgh fil-25 ta’ Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-2 ta’ April 2009 tal-G20 ta’ Londra u r-Riżoluzzjoni tiegħu adottata fl-24 ta’ April 2009 dwar is-Samit tal-G20 ta’ Londra tat-2 ta’ April[1],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-G20 maħruġa f’Washington fil-15 ta’ Novembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2009 dwar l-irkupru ekonomiku Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku Ewropew[2],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Nixprunaw l-irkupru Ewropew” tal-4 ta’ Marzu 2009 għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ( COM(2009)114 ),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar is-superviżjoni finanzjarja tal-UE ppresedut mis-Sur Jacques de Larosière, tal-25 ta' Frar 2009 fid-dawl tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2009,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ April 2009 dwar “appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi” ( COM(2009)160 ),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-bidla fil-klima u, b’mod partikulari dawk tal-4 ta’ Frar 2009 dwar ‘2050 - Il-Ġejjieni jibda llum - rakkomandazzjonijiet għal politika integrata tal-UE fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima’[3] u tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar ‘strateġija tal-UE għal ftehima komprensiva dwar il-bidla fil-klima f’Kopenħagen u l-finanzjament adegwat għall-politika dwar il-bidla fil-klima’[4],

–   wara li kkunsidra l-Patt Globali għall-Impjiegi tal-ILO ta’ Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti u l-impenji ta’ għajnuna meħuda mill-Istati Membri tal-UE sabiex jindirizzaw il-ġuħ u l-faqar,

–   wara li kkunsidra l-ittra tat-2 ta’ Settembru 2009 ffirmata konġuntament mill-President Nicolas Sarkozy, mill-Kanċillier Angela Merkel u l-Prim Ministru Gordon Brown,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-4 ta’ Settembru 2009 ffirmata konġuntament mill-Ministri tal-Finanzi tas-Svezja, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Lussemburgu, ta’ Franza, ta’ Spanja, tal-Ġermanja u tal-Italja,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 f’Londra tal-5 u s-6 ta’ Settembru 2009 u l-“Istqarrija dwar passi ulterjuri għat-tisħiħ tas-sistema finanzjarja” magħmula minnhom,

–    wara li kkunsidra l-qbil milħuq dwar lingwa komuni għas-Samit tal-G20 ta’ Pittsburgh, adottat mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-UE fi Brussel fis-17 ta’ Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi 12-il xahar wara li l-ekonomiji Ewropej intlaqtu drastikament mill-kriżi, wara tliet laqgħat tal-G20 u aktar ħidma mwettqa minn ħafna istituzzjonijiet internazzjonali, żgur li wasal iż-żmien biex isir segwitu tal-impenji meħuda, u li jinkisbu riżultati li jirriflettu l-ħtiġijiet tal-ekonomiji tagħna u l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħna,

B.  billi l-prijorità immedjata għandha tkun li l-ekonomija terġa’ tinġieb taħdem bil-potenzjal kollu tagħha, li niżguraw it-tħaddim tas-swieq tal-kapital u s-self, li jkun hemm appoġġ u promozzjoni tal-impjieg, li l-poplu jitħares mill-effetti ħżiena tal-kriżi, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għal dawk li huma l-ifqar u l-aktar vulnerabbli,

C. billi l-kriżi ekonomika dinjija ta’ bħalissa għandha tintuża bħala opportunità sabiex tinħoloq strateġija Ewropea li tippermetti t-tranżizzjoni minn immaniġġjar urġenti ta’ kriżi għal irkupru ekonomiku sostenibbli fit-tul,

D. billi l-qagħda u l-prospetti ekonomiċi Ewropej juru sinjali ta’ titjib iżda l-aspettattiva ta’ irkupru gradwali fiż-żmien qasir sa medju għadha kkaratterizzata minn inċertezzi qawwija,

E.  billi l-ġlieda kontra l-qgħad dejjem jikber għadha, l-aktar minħabba li l-qgħad Ewropew f’Lulju laħaq il-livell ta’ 9.5%, li huwa l-ogħla livell f’għaxar snin, u huwa mistenni li jibqa’ jogħla,

F.  billi b’riżultat tal-kriżi ekonomika bejn 50 u 100 miljun ruħ aktar se jkunu kostretti jgħixu ħajja fil-faqar u b’anqas minn US 1.24 dollari kuljum, li jdghajjef l-access tal-fqar ghall-finanzi kif ukoll l-access tal-familji ghall-ikel, l-edukazzjoni u l-fjuwil,

G. billi xi pajjiżi donaturi naqqsu l-kontribut finanzjarju tagħhom għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b’hekk ipperikolaw l-isforzi sabiex jintlaħqu l-MDGs,

Kummenti ġenerali

1.  Jilqa’ d-Dikjarazzjoni maħruġa mill-Grupp ta’ Għoxrin f’Pittsburgh, li ssaħħaħ l-impenji u l-ftehimiet preċedenti; jinnota b’sodisfazzjon li l-mexxejja tal-G20 għadhom ma tilfu xejn mill-motivazzjoni u l-ambizzjoni li kellhom fir-rigward tat-tfassil ta’ soluzzjonijiet sabiex jindirizzaw id-diversi uċuħ tal-kriżi dinjija ta’ bħalissa; huwa mħasseb, madankollu, dwar il-progress limitat li nkiseb f’ċerti oqsma u dwar dewmien bla bżonn li kien hemm sabiex jitfasslu miżuri speċifiċi u sabiex jiġu implimentati d-deċiżjonijiet;

2.  Jappoġġja l-irwol il-ġdid tal-G20 bħala l-forum ewlieni dwar il-koperazzjoni ekonomika dinjija billi dan jiġbor fih parteċipazzjoni aktar adegwata tal-akbar setgħat fid-dinja u għaldaqstant possibilment jiżgura rispons aħjar għall-kwistjonijiet dinjin; jirrimarka dwar il-ħtieġa li jkun hemm aktar riformi ta’ entitajiet u istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji; jenfasizza li l-irwol imsaħħaħ tal-G20 ma jnaqqasx il-ħtieġa ta’ azzjoni urġenti għal aktar koordinazzjoni ekonomika fi ħdan l-Unjoni Ewropea u ż-Żona tal-Euro sabiex jissaħħu l-ekonomija tal-UE u l-qafas regolatorju tagħha;

3.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-mexxejja tal-G20 sabiex fil-qalba tal-irkupru u tar-riforma jpoġġu l-ħolqien ta’ impjiegi diċenti, u speċjalment jilqa’ b’sodisfazzjon l-irwol li ġie maqbul li jingħata lill-ILO;

4.  Jilqa’ l-impenn tal-mexxejja tal-G20 favur tkabbir b’saħħtu, sostnut u bbilanċjat fis-seklu 21, u favur it-tħaffif tal-konverġenza tal-livelli t’għajxien fuq livell dinji; jiddeplora, madankollu, il-fatt li l-G20 ma integrax id-dimensjoni fundamentali tal-politika ekoloġika tat-tkabbir dinji fil-ġejjieni fl-aġenda politika ekonomika, finanzjarja u tal-impjieg; jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress fir-rigward tal-finanzjament tal-ġlieda dinjija kontra l-bidla fil-klima;

Tkabbir b’saħħtu, sostenibbli u bbilanċjat

5.  Jilqa’ t-tnedija mill-mexxejja tal-G20 ta’ Qafas għat-Tkabbir Sostenibbli u Bilanċjat bil-għan li jiġu implimentati politiki fiskali responsabbli, tissaħħaħ is-superviżjoni finanzjarja, jiġu promossi kontijiet kurrenti aktar bilanċjati, jiġu appoġġjati l-kummerċ ħieles u l-investiment, titħaddan politika monetarja li tkun konformi mal-objettiv tal-istabilità tal-prezzijiet, jitwettqu riformi strutturali, jittejbu n-netwerks tas-sikurezza soċjali u jiġu promossi l-iżvilupp ibbilanċjat u sostenibbli;

6.  Jenfasizza, fid-dawl t’hawn fuq, l-importanza ta’ strateġija kkoordinata, koperattiva u koerenti li tiżgura li jkun hemm politiki sodi u użu effettiv tal-Qafas; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-appell għal koperazzjoni msaħħa fil-politika makroekonomika, iżda jenfasizza li l-politiki ġenerali kollha mressqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ukoll iridu jiġu kkoordinati; jappella għal standardizzazzjoni għar-rappurtaġġ tal-Ministri tal-Finanzi u tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali lill-G20 u lill-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali sabiex jiġi żgurat li jkun hemm koordinazzjoni u trasparenza;

7.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-appell tal-mexxejja tal-G20 għal strateġiji ta’ ħruġ li jkunu xierqa u fiż-żmien opportun u d-dedikazzjoni tagħhom sabiex ma jirtirawx l-appoġġ tagħhom qabel iż-żmien, li jkabbar ir-riskju ta’ ritorn għall-kundizzjonijiet ta’ riċessjoni u għal instabilità fis-swieq finanzjarji kif ukoll fuq is-suq tax-xogħol; ifakkar li r-riskju ta’ kriżi tal-kreditu għadu magħna u li r-reġim ta’ self għadu ma reġax stabilixxa ruħu bis-sħiħ;

8.  Jenfasizza l-importanza li malajr kemm jista’ jkun tingħalaq il-qasma bejn l-ekonomija reali u s-settur finanzjarju sabiex jiġi żgurat li jkun hemm rkupru sostenibbli;

9.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim bejn il-mexxejja tal-G20 sabiex jaħdmu fuq qafas internazzjonali għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji bil-għan li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jerfa’ sehem ġust tal-piż fil-ħidma biex jiġu ggarantiti l-irkupru u l-iżvilupp ekonomiku; jappella sabiex isir progress ħafif f’dan ir-rigward, billi s’issa kienu l-kontributuri tat-taxxa biss li għamlu tajjeb għall-kriżi;

10. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress milħuq mis-Samit tal-G20 ta’ Londra ‘l hawn fir-rigward tar-rifuġji fiskali, kif ukoll ir-rieda li tittieħed azzjoni f’waqtha sabiex jitneħħew dawn ir-rifuġji fiskali; jiddispjaċih, madankollu, għall-kalendarju mtawwal sabiex jiġu imposti sanzjonijiet fuq ġurisdizzjonijiet li ma jikkoperawx; jappella sabiex ikun hemm pjan aktar konkret għal azzjoni rapida;

11. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-passi ‘l quddiem li saru fir-rigward tas-segretezza bankarja: l-espansjoni tal-Forum Globali tal-OECD dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni; jinnota, madankollu, li diversi ġurisdizzjonijiet li kienu wegħdu li jimplimentaw l-istandards għadhom m’għamlux dan; jappella sabiex ikun hemm sistema effettiva li tipprevjeni, tikxef u tressaq il-qorti ‘l min jevadi t-taxxa; jenfasizza dwar l-importanza li tinħoloq sistema standardizzata ta’ rappurtaġġ;

Impjiegi, imjiegi u aktar impjiegi

12. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-G20 li jindirizza l-kriżi ambjentali fuq livell internazzjonali u li jsaħħaħ l-appoġġ għal dawk l-aktar vulnerabbli peress li huma dawk l-aktar milquta mill-kriżi u l-aktar li jeħtieġu azzjoni komuni; jilqa’ f’dan ir-rigward it-twaqqif ta’ Sistema ta’ Twissija Globali dwar il-Vulnerabilità għall-Impatt;

13. Jitlob li l-impenn tal-komunità internazzjonali tissawwar f’azzjoni konkreta u li tiġi implimentata, partikolarment billi tappoġġja aġenda b’saħħitha dwar impjiegi ekoloġiċi;

14. Jaqbel dwar l-importanza li jinbena qafas maħsub għall-impjiegi għat-tkabbir ekonomiku fil-ġejjieni u li l-promozzjoni ta’ xogħol diċenti tkun fil-qofol tal-pjanijiet ta’ rkupru;

15. Jilqa’ l-Patt għall-Impjiegi tal-ILO u jappella sabiex jiġi implimentat b’urġenza, b’mod partikolari l-ħolqien ta’ fond antiċikliku għall-impjieg fuq livell internazzjonali u pakketti ta’ stimolu fiskali ambizzjużi li jkunu favur il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi, bis-saħħa ta’ servizzi effiċjenti ta’ impjieg u politiki soċjali b’saħħithom biex ikunu ta’ appoġġ għal gruppi vulnerabbli u jiggarantixxu l-kapaċità ta’ xiri bil-pagi minimi;

16. Jinsisti li r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO huma kruċjali f’dan ir-rigward u jitlob li dawn ikunu inkorporati fil-ftehimiet kummerċjali tad-WTO; jappella wkoll sabiex tissaħħaħ aktar il-koperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin;

17. Jappoġġja l-inizjattivi sabiex jiġu promossi forom ġodda ta’ servizzi finanzjarji bħall-mikrofinanzjar, li jkollhom l-għan li jittejjeb l-aċċess għas-servizzi finanzjarji għal dawk li huma l-ifqar;

18. Jinsisti dwar l-importanza li jiġi appoġġjat id-djalogu soċjali fil-livelli kollha sabiex tiġi evitata d-diflazzjoni tal-pagi u sabiex jiġi żgurat li ż-żieda fil-pagi tkun konformi maż-żieda fil-produzzjoni;

Swieq finanzjarji aktar responsabbli u b’saħħithom

19. Jappoġġja l-istrateġija ġenerali li jiġi indirizzat it-teħid ta’ riskji eċċessivi, li jiġi antiċipat u mmewwet iċ-ċaqliq eżaġerat, kemm dak pożittiv kif ukoll dak negattiv, u li jiżdiedu r-responsabbilizzazzjoni u r-responsabilità tal-parteċipanti tas-swieq, u jenfasizza li ċertament, l-għodda xierqa sabiex jiġi evitat ir-ritorn lejn l-imġiba bankarja ta’ qabel hi qafas regolatorju komprensiv; jiddispjaċih madankollu dwar in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tan-nuqqasijiet prinċipali tar-regolamentazzjoni u superviżjoni identifikati bħala l-għeruq tal-kriżi finanzjarja, sabiex tiġi evitata repetizzjoni tal-istess żbalji regolatorji u superviżorji u għaldaqstant kriżi oħra tal-istess xorta;

20. Japprova r-rieda li tiġi trasformata s-sistema ta’ regolamentazzjoni finanzjarja dinjija u jaqbel li sar progress sostanzjali, iżda jemmen li ħafna mill-bidliet miftehma għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ u li baqa’ ħafna aktar x’isir; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-G20 biex ikomplu fit-triq lejn riforma li twassal fil-bogħod b’perspettivi fuq medda ta’ żmien, leġiżlazzjoni li tinvolvi proċess twil ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod speċjali meta jkun meħtieġ li tintlaħaq konverġenza globali; ifakkar fil-ħtieġa li tiżdied il-koperazzjoni internazzjonali mill-konċepiment sal-implimentazzjoni ta’ miżuri miftehma;

21. Jappoġġja l-impenn li jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali tal-kummerċ u li jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju fuq in-naħa l-waħda, iżda jqis min-naħa l-oħra li l-UE m’għandhiex tillimita l-firxa tal-azzjonijiet tagħha għat-test miftiehem li ġie approvat fil-livell internazzjonali iżda għandha tmur lil hinn minn dan sabiex tikseb l-integrazzjoni sħiħa tas-suq intern minn perspettiva regolatorja kif ukoll dik superviżorja;

22. Jenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi biex l-assi mdgħajfa jiġu valutati b’mod korrett u li jiġu trattati b’mod xieraq biex tirritorna s-saħħa fis-settur finanzjarju kif ukoll il-fiduċja tal-konsumaturi u l-investituri; jappoġġja l-prinċipju taż-żamma fil-qafas tat-titolizzazzjoni u hu tal-fehma li l-obbligu li jkollhom interessi proprji sinifikanti involuti għandu jobbliga lill-oriġinaturi u lill-isponsors tal-fondi li jaġixxu b’mod responsabbli; jilqa’ b’sodisfazzjon ix-xogħol ulterjuri fuq il-prezzijiet tal-materja prima u jistenna b’ħerqa l-adozzjoni ta’ miżuri antispekulattivi mingħajr dewmien;

23. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn imġedded għal istituzzjonijiet finanzjarji b’regoli aktar stretti fuq it-teħid tar-riskji, governanza li tadatta l-kumpens skont il-prestazzjoni tajba fuq medda ta’ żmien u aktar trasparenza ġenerali; jilqa’ b’ħafna sodisfazzjon l-impenn għall-adozzjoni tal-qafas Basel II sal-2011 u għall-introduzzjoni ta’ proporzjon b’effett ta’ lieva li jkun armonizzat fil-livell internazzjonali; iqis li dawn il-prinċipji u objettivi ġenerali għandhom jiġu rispettati mill-parteċipanti kollha tas-swieq kull fejn ikun hemm fin-nofs il-ħarsien tal-investituri, ta’ min iħallas it-taxxa u tal-konsumaturi;

24.  Jiddispjaċih li ta’ sikwit il-mexxejja tal-G20 sempliċiment jagħmlu sejħa lill-banek u lill-kumpaniji sabiex jimplimentaw l-istandards proposti mingħajr ma jistipulaw qafas regolatorju ċar, u jitfgħu ir-responsabilità tal-kontrolli tal-konformità fuq is-superviżuri fil-livell nazzjonali jew fuq il-Bord ta’ Stabilità Finanzjarja; huwa mħasseb dwar il-fatt li l-parteċipanti tas-swieq għandhom aktar tendenza li jmorru lura għall-prattiki ħżiena tal-passat milli li jsegwu standards mingħajr rabta legali iżda li huma ta’ piż kbir; għaldaqstant jistieden lill-mexxejja tal-G20 biex jagħmlu l-proposti tagħhom aktar inċiżivi mil-lat tal-bini tal-kapital u tar-riforma tal-prattiki ta’ kumpens u biex jiżguraw strateġija konsistenti min-naħa tas-superviżuri madwar id-dinja rigward sanzjonijiet;

25. Jiddeplora l-fatt li l-kwistjoni tal-periklu morali ma ġietx indirizzata u jiddispjaċih li l-kwistjoni tar-rabta bejn l-istandards prudenzjali għal istituzzjonijiet sistematiċi u l-ispejjeż possibbli relatati ma' l-iżbalji ta' istituzzjonijiet finanzjarji tali mhux se tiġi riferuta lura lill-FSB għall-proposti qabel Ottubru 2010; daqstant ieħor jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ proposti sabiex tiġi trattata l-kwistjoni ta’ ristrutturar meħtieġ u sabiex jiġu riveduti mudell tan-negozju fis-settur finanzjarju sabiex tiġi trattata l-kwistjoni ta’ ‘kbir wisq biex ifalli’; iqis li jekk il-‘bailouts’ jiġu suġġetti għal kundizzjonijiet iebsa, l-istituzzjonijiet finanzjarji ikun inqas lesti li jieħdu riskji eċċessivi;

Istituzzjonijiet Finanzjarji aktar rappreżentattivi

26. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-irwol komprensiv mogħti lill-Fond Monetarju Internazzjonali sabiex jipprovdi s-sorveljanza indipendenti tiegħu mil-lat ta’ stabilità finanzjarja u sabiex jevalwa t-tkabbir dinji u l-oqsfa tal-politika ekonomika sabiex jingħata kontribut għall-kisba ta’ kunsens wiesa’ dwar il-bilanċi internazzjonali; ifakkar li hu importanti li jiġu evitati politiki proċikliki sabiex tinstab it-triq lejn l-irkupru;

27. Japprova l-prinċipju ta’ trasferiment ta’ kwoti lejn il-pajjiżi sottorappreżentati fl-IMF u jistieden lill-pajjiżi kollha li huma rappreżentati ħafna, mhux biss lill-pajjiżi Ewropej, sabiex jimpenjaw ruħhom f’din id-direzzjoni permezz tal-proċess attwali ta’ reviżjoni; iħeġġeġ lill-UE sabiex titkellem b'leħen wieħed;

28. Jistieden lill-mexxejja sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tar-riformi tal-kwoti u tal-votazzjoni miftehma fl-2008 u jenfasizza li din ir-reviżjoni hi aktar urġenti fid-dawl tal-inkarigi kbar li ġew mogħtija lill-IMF; jenfasizza li l-G20 li jmiss irid ikompli fuq ir-rikonoxximent tiegħu li l-kapijiet u l-persunal superjuri tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali għandhom jiġu magħżula bi proċeduri ta’ għażla msejsa fuq il-merti;

Lejn tkabbir aktar aħdar

29. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-mexxejja tal-G20 li jilħqu ftehim f’Kopenħagen fis-COP15; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea sabiex iżżomm l-irwol mexxej tagħha fin-negozjati,u sabiex iżżomm livell għoli ta’ ambizzjoni fid-diskussjonijiet mal-imsieħba internazzjonali tagħha, sabiex jinkiseb riżultat internazzjonali ambizzjuż, konsistenti mal-objettiv ta’ 2ºC;

30. Jenfasizza li jekk jintlaħaq ftehim f’Kopenħagen, dan jista’ jipprovdi l-istimolu meħtieġ għal ‘Green New Deal’ li jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, jippromwovi t-teknoloġiji ħodor u jiżgura li jkun hemm impjiegi ġodda sostenibbli fil-pajjiżi industrijalizzati kif ukoll f'dak li għadhom qed jiżviluppaw;

31. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-mexxejja tal-G20 li jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku għal enerġija nadifa, enerġija li tiġġedded u l-effiċjenza enerġetika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jiddispjaċih madankollu dwar in-nuqqas ta’ garanziji finanzjarji ċari għall-finanzjament tal-isforzi għall-mitigazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ħtiġijiet tagħhom għall-adattament; jistenna li l-Ministri tal-Finanzi jħejju għażliet konkreti għall-iffinanzjar relatat mal-bidla fil-klima qabel in-negozjati tas-COP15;

32. Itenni li l-UE għandha tikkontribwixxi sehem ġust tal-finanzjament addizzjonali u ġdid għall-mitigazzjoni u l-adattament, li jkun jikkorrispondi mas-sejbiet tar-riċerka xjentifika dwar kemm hija serja l-bidla fil-klima u l-iskala ta' kemm ser tiswa;

33. Ifakkar li l-ftehim internazzjonali għandu jiżgura tnaqqis kollettiv fl-emissjonijiet ta’gassijiet serra fil-pajjiżi industrijalizzati li jkunu joqorbu lejn l-ogħla rata tal-firxa ta’ bejn 25% u 40% għall-2020 meta mqabbla mal-1990, kif irrakkomandat mir-Raba’ Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Panel Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC 4AR), u li dan it-tnaqqis għandu jkun domestiku;

34. Ifakkar li għandha tiġi ffissata mira ta’ tnaqqis fuq medda twila ta’ żmien għall-UE u għall-pajjiżi industrijalizzati l-oħra ta’ mill-inqas 80% sal-2050 meta mqabbla mal-1990;

35. Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-G20 sabiex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li r-riżultat tan-negozjati jkun konformi ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

Irkupru għal kulħadd

36. Jiġbed l-attenzjoni fuq il-kriżi persistenti tal-ikel, li tirrikjedi azzjoni immedjata u riformi sabiex jiġi żgurat li l-produzzjoni agrikola tkun sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni sabiex tiġi approvata inizjativa dwar l-ikel mill-Bank Dinji u jistieden lill-pajjiżi donaturi sabiex jiżguraw li jkun hemm trasparenza u responsabbilizzazzjoni fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-għajnuna f’ikel;

37. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn imtenni li jintlaħqu l-objettivi tal-Millennju għall-Iżvilupp u li jitwettqu l-wegħdiet ta’ ODA, inklużi impenji ta’ ‘Għajnuna għall-Kummerċ (Aid for Trade), impenji biex itaffu d-djun, u l-impenji ta’ Gleneagles, ‘mod speċjali lejn l-Afrika tas-Sub-Saħara;

38. Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex iħaddnu l-possibilità li jinħoloq mekkaniżmu għat-trasferiment ta’ wħud mill-allokazzjonijiet ġodda tagħhom għad-Drittijiet ta’ Ġbid Speċjali ta’ Flus (Special drawing Rights – SDRs) għal Pajjiżi bi Dħul Baxx, li jista’ jirdoppja l-kapaċità ta’ self konċessjonarju tal-IMF fuq medda nofsana ta’ żmien;

39. Jiddeplora l-fatt li l-kwistjoni vitali ta’ fondi biex il-pajjiżi foqra jiġu megħjuna jadattaw għall-bidla fil-klima tiġi posposta san-negozjati tal-UNFCCC f’Kopenħagen; jinsisti li l-impenji qawwija jridu jipprevedu finanzjament prevedibbli għal mekkaniżmi stabbiliti fil-kuntest tal-UNFCCC li huma addizzjonali għall-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp;

Iż-żamma tal-ftuħ u t-tnedija mill-ġdid tal-kummerċ

40. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn sabiex ikun hemm għeluq ambizzjuż u ekwilibrat tar-Rawnd ta’ Żvilupp ta’ Doħa, kif ukoll l-skadenza ċara ffissata mis-Samit tal-G20 għall-2010; jiddispjaċih, madankollu, li l-mexxejja ma semmewx li l-urġenza li jingħalaq ir-rawnd żdiedet minħabba l-fatt li l-akbar vittmi tal-kriżi huma l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; għaldaqstant jappella lill-mexxejja sabiex ma jinsewx l-għan aħħari tal-iżvilupp ta’ dan ir-rawnd meta jiltaqgħu għall-konferenza ministerjali tad-WTO f’Ġinevra lejn l-aħħar ta’ Novembru;

41. Jinnota l-impenn mġedded tal-G20 sabiex jiġġieled il-protezzjoniżmu, iżda jenfasizza li l-qawmien mill-ġdid tal-kummerċ dinji huwa biss parti mit-tweġiba għall-irkupru tat-tkabbir dinji;

42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunill, lill-Kummissjoni, lill-mexxejja tal-G20, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

 

 

[1] Testi adottati, P6_TA(2009)0330
[2] Testi adottati, P6_TA(2009)0123
[3] Testi adottati, P6_TA(2009)0042
[4] Testi adottati, P6_TA(2009)0121