Dokument ta' sessjoni

 

19.10.2009                                                                                                              B7‑0097/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-istat ta' progress tal-SIS II u l-VIS

Carlos COELHO, Simon BUSUTTIL

f'isem il-Grupp EPP

Claude MORAES

f'isem il-Grupp S&D

 

Sarah LUDFORD

f'isem il-Grupp ALDE

Timothy Kirkhope

f'isem il-Grupp ECR

 

B7‑0097/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istat ta' progress tal-SIS II u l-VIS

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fis-6 ta' Diċembru 2001 il-Kummissjoni ngħatat il-mandat li tiżviluppa l-SIS (Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen) tat-tieni ġenerazzjoni, li kellha tidħol fis-seħħ f'Marzu 2007,

B.  billi l-Parlament Ewropew adotta r-Regolament[1] li jistabbilixxi l-bażi legali għall-SIS II f'Ottubru 2006,

C. billi d-diversi problemi u d-dewmien fissru li s-sistema l-ġdida għadha ma bdietx titħaddem, u billi tqajmu dubji dwar il-vijabilità tal-proġett,

D. billi numru ta' pajjiżi, inklużi l-Irlanda, ir-Renju Unit, Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Liechtenstein, mhux se jkunu inkorporati fis-sistema SIS sakemm tinstab soluzzjoni,

E.  billi l-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Intern tal-4 u l-5 ta' Ġunju 2009 adotta sett ta' konklużjonijiet dwar l-orjentament il-ġdid tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II), filwaqt li ddeċieda li l-iżvilupp tas-sistema għandu jkompli fuq il-bażi tal-proġett eżistenti tal-SIS II iżda bix-xenarju alternattiv ta' SIS I+ bħala soluzzjoni ta' riżerva,

F.  billi se jkollhom isiru żewġ testijiet tekniċi (hekk imsejħa testijiet 'milestone'), bl-ewwel wieħed fl-aħħar tal-2009 u bit-tieni fis-sajf tal-2010,

G. billi l-previżjoni attwali hi li l-SIS II mhux se tkun tista' tibda titħaddem qabel l-aħħar kwart tas-sena tal-2011,

H. billi l-Parlament Ewropew adotta r-Regolament[2] li jistabbilixxi l-bażi legali għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) f'Ġunju 2007,

I.   billi t-twaqqif tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża, ibbażata fuq l-istess pjattaforma teknika u żviluppata mill-istess kuntrattur bħas-sistema SIS II, ukoll hija prijorità għall-UE,

J.   billi l-VIS ukoll qed ikollha dewmien, peress li d-data tal-bidu tal-użu fl-aħħar tal-2009 mhux se tintlaħaq u peress li l-bidu tat-tħaddim jaf jiġi pospost lil hinn minn Settembru 2010 minħabba ċerti problemi fit-twaqqif tal-VIS ċentrali mill-Kummissjoni u fir-rigward tat-tħejjijiet fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri,

1.  Jenfasizza l-fatt li t-twaqqif tal-SIS II xorta għadha prijorità għall-Parlament Ewropew u li għandha tibda taħdem malajr kemm jista' jkun, b'mod li tintroduċi ħafna titjib u funzjonalitajiet ġodda, kif previst fil-bażi legali, biex tissaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u jiġu garantiti kontrolli effiċjenti tal-fruntieri fil-fruntieri esterni, filwaqt li jiġu żgurati t-tlestija u l-koerenza tal-acquis ta' Schengen;

2.  Jesprimi tħassib serju dwar id-dewmien fil-bidu tat-tħaddim kemm tas-sistema tal-SIS II kif ukoll dik tal-VIS;

3.  Jitlob li jiġi infurmat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill dwar ir-riżultati tat-test tekniku 'milestone' 1, li hu ppjanat li se jsir fit-22 ta' Diċembru, immedjatament wara li jitlesta, u li jiġi infurmat mingħajr dewmien dwar il-passi futuri li għandhom jittieħdu;

4.  Jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa fir-rigward tal-proċess ta' implimentazzjoni, anke fir-rigward tal-aspetti finanzjarji, u jitlob li jiġi infurmat, bħala koleġiżlatur, dwar jekk l-hekk imsejħa testijiet 'milestone' 1 u 2 għadhomx fl-ambitu tal-kuntratt preżenti ta' żvilupp tal-SIS II jew jekk hux se jkollhom jiġu trattati bħala rekwiżiti addizzjonali, u liema spejjeż żejda huma previsti f'dan il-każ;

5.  Jitlob li jkun jaf jekk ġewx imposti xi penali fuq il-kuntrattur għad-dewmien u l-iżbalji tekniċi li wasslu għall-falliment tat-testijiet preċedenti u, jekk dan huwa l-każ, x'kien l-ammont tagħhom; jitlob, barra minn hekk, li jkun infurmat dwar l-ispejjeż żejda involuti f'dan id-dewmien u f'dawn l-iżbalji tekniċi f'termini tal-bżonn li jitwettqu t-testijiet il-ġodda u l-iskeda ta' żmien estiża għall-bidu tat-tħaddim tal-SIS II;

6.  Jitlob li jsiru sforzi komuni u kkoordinati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jiġi evitat li jirrepeti ruħu fir-rigward tal-VIS l-istess xenarju li seħħ fir-rigward tal-iżvilupp tal-SIS II;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħtu spjegazzjoni mmotivata tar-raġunijiet li għalihom għad għandhom fiduċja fil-kuntrattur attwali u fl-abilità tiegħu li jirnexxielu jmexxi 'l quddiem b'suċċess u mingħajr aktar dewmien is-sistemi VIS u SIS II;

8.  Jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jinvolvu lill-Parlament Ewropew fi kwalunkwe deċiżjoni relatata mal-iżvilupp tal-SIS II u l-VIS, b'mod partikolari jekk ir-riżultati tat-testijiet ma jkunux sodisfaċenti, biex b'hekk ikun hemm bidla fid-direzzjoni fir-rigward kemm tal-proġett tal-SIS II kif ukoll dak tal-VIS, u li tista' tinkludi t-tħassir tal-kuntratt attwali mal-kumpanija responsabbli għalihom;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmilha ċara jekk kwalunkwe tħassir tal-kuntratt iwassalx b'mod awtomatiku, fil-każ tal-proġett SIS II, biex tiġi implimentata s-soluzzjoni ta' riżerva jew ta' kontinġenza, u biex tispjega l-effetti li jista' jkun hemm fuq il-proġett VIS;

10. Jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu jinżamm infurmat b'mod kostanti dwar l-istat ta' progress fir-rigward tal-bidu tat-tħaddim tal-SIS II u l-VIS;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat rilevanti tiegħu biex jimmoniterja din il-kwistjoni mill-qrib u biex jipprepara riżoluzzjoni ta' segwitu għall-plenarja hekk kif żviluppi ġodda jitolbu hekk, u l-aktar tard wara t-tlestija tat-test 'milestone' 1;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] Regolament (KE) Nru 1987/2006
[2] Regolament (KE) Nru 767/2008