Dokument ta' sessjoni

 

19.10.2009                                                                                                              B7‑0118/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0213/2009

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-bini tad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni

Heidi Hautala, Eva Joly, Franziska Katharina Brantner, Barbara Lochbihler, Hélène Flautre, Judith Sargentini, Ulrike Lunacek

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B7‑0118/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bini tad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b’mod partikulari l-Artikolu 21 tiegħu,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 11 u 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 177, 300 u 310 tat-Trattat KE,

 

–   wara li kkunsidra l-ftehimiet kollha bejn l-UE u pajjiżi terzi u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija f’dawn il-ftehimiet,

 

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea mħabbra fi Strasburgu fit-12 ta' Diċembru 2007,

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU bit-titolu "Dikjazzjoni tal-Millennju tan-NU", tat-8 ta' Settembru 2000 (A/RES/55/2),

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, "Promozzjoni u Konsolidazzjoni tad-Demokrazija", tal-4 ta' Dicembru 2000, (A/RES/55/96),

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, ‘Eżitu tas-Samit Dinji 2005’, tal-15 ta’ Settembru 2005, (A/RES/60/1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-23 ta' Marzu 2005 bit-titolu “It-tisħiħ tal-irwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali, subreġjonali u oħrajn u l-arranġamenti għall-promozzjoni u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija’ (A/RES/59/201),

 

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna u l-Osservazzjoni tal-UE waqt l-Elezzjonijiet ( COM (2001)0191 ),

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2001 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna u l-Osservazzjoni tal-UE waqt l-Elezzjonijiet,

 

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-irwol tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi ( COM(2001)0252 ),

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2002 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi terzi,

 

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea tat-12 ta' Diċembru 2003,

 

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Governanza u l-Iżvilupp" ( COM(2003)615 ),

 

–   wara li kkunsidra r-rapport tiegħu ( A5-0219/2004 ) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni,

 

–   wara li kkunsidra l-Konsensus tal-2005 tal-Unjoni Ewropea dwar l-Iżvilupp,

 

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-2005 ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna u l-Programm ta’ Azzjoni ta' Akkra (2008),

 

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Il-Governanza fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp - Lejn approċċ armonizzat fl-Unjoni Ewropea" ( COM(2006)421 ),

 

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (EIDHR - Strument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem),

 

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-Uffiċċju għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari,

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Mejju 2008 bit-titolu ‘il-missjonijiet tal-UE ta’ osservazzjoni ta’ elezzjonijiet: l-objettivi, il-prattiki u l-isfidi tal-ġejjieni’,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2009 bit-titolu ‘Appoġġ għall-Governanza Demokratika - Lejn qafas imsaħħaħ tal-UE’,

 

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija tat-30 ta' Settembru 2009 lill-Kummissjoni dwar il-bini tad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni ( O-0093/2009 - B7‑0213/2009 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem huma valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha, u, billi kienu integrali għall-proċess tal-integrazzjoni Ewropea sa mill-bidu,

B.  billi t-trattati bażiċi tal-Unjoni Ewropea jenfasizzaw l-impenn sod għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen ta' "preżenza ta’ istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tal-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom" kienu element kruċjali fil-proċess tat-tkabbir,

C.  billi l-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet kollha tal-bniedem huma kundizzjoni bażika għall-eżistenza ta’ soċjetà demokratika, kif affermat mill-ġdid fir-riżoluzzjoni 59/201 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

D.  billi l-fehim wiesa’ tad-demokrazija wassal għall-integrazzjoni b’suċċess tad-drittijiet ċivili, politiċi kif ukoll tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali fl-UE, kif stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u ż-żewġ Patti internazzjonali rilevanti, u kellu rwol importanti fil-kisba ta’ stabilità u ġid b’mod li d-dinja qatt ma kienet rat,

E.  billi skont Artikolu 11 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), wieħed mill-għanijiet tal-Politika Komuni tal-Affarijiet Barranija u tas-Sigurtà huwa ‘li tiżviluppa u tikkonsolida d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali’,

F.  billi l-Artikolu 21 tat-Trattat ta’ Lisbona jgħid li ‘l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha’ u li ‘l-Unjoni għandha tassigura koerenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politiki l-oħra tagħha’,

G.  billi filwaqt li s-sistemi demokratiċi ivarjaw fis-sura u fl-għamla, kif inhu l-każ fi ħdan l-UE, id-demokrazija hija valur universali li l-prinċipji jew l-elementi essenzjali tiegħu huma mħaddna f'għadd numeruż ta' dikjarazzjonijiet u konvenzjonijiet internazzjonali. Dawn l-elementi, kif definiti miż-żewġ riżoluzzjoniet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, A/RES/55/96 (2000) u A/RES/59/201 (2005), jinkludu:

•    ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, bħal-liberta tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea paċifika, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-opinjoni,

•    id-dritt ta' parteċipazzjoni fit-tmexxija ta' affarijiet pubbliċi, b'mod dirett jew permezz ta' rappreżentanti magħżula b'mod ħieles, id-dritt li wieħed jivvota u jiġi elett permezz ta' elezzjonijiet ħielsa regolari u ġenwini b'suffraġju ugwali u universali u permezz ta' votazzjoni sigrieta li tiggarantixxi l-espressjoni ħielsa tar-rieda tal-poplu,

•    sistema pluralista ta' partiti u organizzazjonijiet politiċi,

•    ir-rispett għall-istat tad-dritt,

•    is-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura,

•    it-trasparenza u r-responsabilità fl-amministrazzjoni pubblika,

•    midja ħielsa, indipendenti u pluralista,

H. billi, hekk mistqarr fid-Dikjarazzjoni tal-Millennju, il-governanza demokratika u parteċipattiva bbażata fuq ir-rieda tal-poplu hija l-aħjar mod biex jiġi żgurat id-dritt tal-irġiel u n-nisa li jgħixu ħajjithom u jrabbu 'l uliedhom b'dinjità, mingħajr ma jsofru l-ġuħ u mingħajr il-biża' ta’ vjolenza, oppressjoni jew inġustizzja,

I.   billi l-kapaċità tal-irġiel u tan-nisa li jipparteċipaw b'mod indaqs fil-ħajja politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija prerekwiżit tad-demokrazija vera,

J.   billi d-demokrazija, l-iżvilupp u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kollha, inklużi d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, huma interdipendenti u jsaħħu 'l xulxin b’mod reċiproku,

K. billi d-demokrazija hija marbuta wkoll b'mod ċar mas-sigurtà, kif rikonoxxut mill-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà, li tgħid li it-tixrid tal-governanza tajba, l-appoġġ tar-riforma politika u soċjali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter, l-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem huma l-aqwa mezzi sabiex tissaħħaħ l-ordni internazzjonali’,

L.  billi l-Unjoni Ewropea għandha firxa wiesgħa ta' strumenti u għodda, mid-djalogu politiku u l-inizjattivi diplomatiċi għal strumenti speċifiċi ta' koperazzjoni teknika u finanzjarja, li bihom tappoġġja d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha,

M. billi l-istrumenti finanzjarji esterni tal-Unjoni Ewropea, bħall-Istrument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew għall-Pajjiżi Ġirien u għall-Isħubija (ENPI) u l-Istrument għall-Istabilità (IfS), kollha jipprovdu skop sinifikanti għall-governanza demokratika, appoġġ istituzzjonali u għajnuna għall-bini tal-kapaċitajiet,

N. billi l-Ftehima ta’ Cotonou toffri kemm djalogu politiku kif ukoll koperazzjoni teknika u finanzjarja għall-pajjiżi tal-ACP permezz tal-Fond Ewropew tal-Iżvilupp (EDF), u billi din il-ftehima fiha klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija li hija meqjusa bħala wieħed mill-elementi essenzjali tagħha, flimkien ma’ mekkaniżmu għall-konsultazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni qabel is-sospensjoni temporanja tal-ftehima,

O. billi l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) huwa strument ewlieni ta' għajnuna finanzjarja fil-kuntest tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, billi għandu ambitu globali, jista' jaħdem mingħajr il-kunsens tal-pajjiż ospitanti, u jappoġġja direttament lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u billi l-missjonijiet tal-UE għal osservazzjoni tal-elezzjonijiet, iffinanzjati mill-EIDHR, huma parti essenzjali mill-kontribut tal-UE għall-bini ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, li jinkludu, b’mod partikulari, is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet tagħha ta’ osservazzjoni ta’ elezzjonijiet,

P.  billi hemm bżonn ta' ħarsa ġenerali aħjar u analiżi fil-fond tal-appoġġ għad-demokrazija li bħalissa qed tipprovdi l-UE, inkluża evalwazzjoni tal-effettività tar-riżultati li l-għodod u l-istrumenti wesgħin tal-UE għall-appoġġ tad-demokrazija madwar id-dinja jiksbu fil-pajjiżi mseħbin, u l-mod li bih dawn l-istrumenti u atturi differenti joperaw u jorbtu ma' xulxin,

Q. billi r-rapport tal-PE tal-2004 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Governanza u l-Iżvilupp enfasizza "l-importanza li jitwettqu riformi parlamentari u elettorali, lil hinn mill-istabbiliment ta' sistemi elettorali b'diversi partiti, sabiex tkun żgurata attività politika aktar estensiva u effettiva fost il-popolazzjoni"[1],

1.  Huwa wkoll tal-fehma li hemm il-ħtieġa kbira ta' qafas aktar koerenti u uniformi sabiex l-appoġġ tal-UE għall-bini tad-demokrazija fid-dinja kollha jkun aktar effettiv;

2.  Iqis, fl-istess waqt, li l-koerenza u l-effettività tal-azzjoni esterna tal-UE jiddependu mill-bini ta’ għarfien u kunsens madwar l-UE dwar l-importanza ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem meta mqabbla ma’ prijoritajiet oħra;

3.  Jilqa' l-isforzi magħmula mill-Presidenzi tal-UE tal-passat u tal-preżent fir-rigward ta’ inizjattiva, li tkopri aktar minn pilastru wieħed, għall-bini tad-demokrazija fl-azzjonijiet esterni tal-UE bil-għan li tirfina l-politika tagħha, issaħħaħ l-azzjoni tagħha u tikkoordina aħjar l-isforzi tagħha, u jenfasizza l-ħtieġa ta’ azzjoni sostenibbli f'dan il-qasam bħala parti mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill li jridu jiġu adottati f'Novembru 2009; u jenfasizza, f’dan ir-rigward, li uħud mill-prinċipji ewlenin, bħat-trasparenza, l-aċċess għad-dokumenti, il-konsultazzjoni u r-responsabilità, għandhom jitqiesu kif xieraq mill-Kunsill meta jindirizza din il-kwistjoni;

4.  Jirrakkomanda li l-konklużjonijiet tal-Kunsill jinkludu suġġerimenti konkreti u prattiċi għat-titjib tal-koordinazzjoni tal-appoġġ demokratiku fi ħdan l-istrumenti tal-UE tal-politika barranija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-iżvilupp; f’dan l-ispirtu, jistieden lill-Presidenza attwali tal-UE sabiex tipproponi metodoloġija standard sabiex tiżgura li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ikunu element ta’ qofol li jikkonċerna s-setturi kollha fl-istrumenti kollha politiċi, kuntrattwali u finanzjarji esterni; u jtenni li l-adozzjoni ta’ Strateġija tal-Pajjiż dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li titqies bħala dokument ta’ riferenza li jistabbilixxi l-prijoritajiet speċifiċi għal kull pajjiż f’dan il-qasam u integrata fil-politiki u l-istrumenti esterni rilevanti kollha tal-UE mal-pajjiż terz ikkonċernat, jista’ jsaħħaħ b’mod sustanzjali l-konsistenza, il-koordinazzjoni u l-effettività tal-azzjoni esterna tal-UE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE sabiex, fit-tfassil tas-servizz il-ġdid ta’ azzjoni esterna, jiżguraw b’mezzi istituzzjonali, li jkun hemm integrazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem u tal-bini tad-demokrazija fl-oqsma kollha politiċi, u sabiex jitgħallmu mill-proċessi u l-esperjenzi eżistenti bil-ħsieb li dawn jissarrfu fi progress reali;

6.  Itenni li d-demokratizzazzjoni, il-proċess elettorali u l-governanza tajba mhumiex biss għanijiet fihom infushom, iżda huma vitali wkoll għat-tnaqqis tal-faqar, għall-iżvilupp sostenibbli, għall-paċi u l-istabilità; Kif muri mill-progress tal-integrazzjoni interna tal-UE, id-demokrazija tgħin biex twassal mhux biss drittijiet politiċi u ċivili, iżda wkoll drittijiet ekonomiċi, kulturali u soċjali, inkluża s-solidarjetà;

7.  Huwa tal-fehma li t-tidħil tad-demokrazija u tal-proċessi demokratiċi f'pajjiżi terzi joffri l-aqwa prospetti għall-iżvilupp ta' politiki effettivi marbuta ma' kwistjonijiet globali li jikkonċernaw ukoll liċ-ċittadini tal-UE. Is-sistemi demokratiċi jistgħu, per eżempju, jiġġieldu aħjar il-kriminalità transnazzjonali u t-traffikar u jħarsu l-ambjent; jenfasizza, fl-istess waqt, li l-kredibilità tal-azzjoni esterna tal-Unjoni hija indispensabbli għall-appoġġ b’suċċess għall-iżvilupp demokratiku fil-pajjiżi barranin; u, f’dan l-ispirtu, jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-politiki interni tal-UE, bħal dawk li jiġġieldu t-terroriżmu jew dawk dwar l-ażil jew il-migrazzjoni, jiggarantixxu r-rispett sħiħ għall-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjonijiet rilevanti tan-NU;

8.  Jirrakkomanda li, sabiex tissaħħaħ l-azzjoni konġunta madwar id-dinja għall-promozzjoni tad-demokrazija, l-UE għandha tapprova pubblikament id-definizzjoni tad-demokrazija tal-2005 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU bħala l-punt ta' referenza għall-ħidma tagħha favur id-demokratizzazzjoni;

9.  Jenfasizza li d-demokrazija ma tistax tiġi esportata jew imposta minn barra, u jisħaq dwar l-impenn kontinwu tal-UE favur il-prinċipju ta’ sjieda tal-istrateġiji u l-programmi ta’ żvilupp, tal-pajjiżi msieħba. Madankollu, dawn il-proċessi jistgħu jkunu appoġġjati mid-diversi strumenti tal-UE, adattati għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull pajjiż;

10. Jipproponi li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jipproċedu b'analiżi komprensiva u ddettaljata tal-forom kollha tal-appoġġ tal-UE għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, f'kampjun ta' pajjiżi msieħba, bil-ħsieb li jitressqu rakkomandazzjonijiet prattiċi;

11. Jirrakkomanda li l-Kunsill u l-Kummissjoni jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u l-Aġenda ta' Akkra għal Azzjoni dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna fil-ħidma tagħhom ta' appoġġ għad-demokrazija. u jissuġġerixxi, b’mod partikolari, li jiddaħħlu evalwazzjonijiet konġunti tal-UE dwar id-demokrazija, programmazzjoni u qsim tal-piżijiet konġunti tal-UE sabiex jiżdiedu l-impatt u l-viżibilità tal-ħidma tal-UE ta' appoġġ għad-demokrazija;

12. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni sistematikament iddaħħal taqsima dwar il-qagħda tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-Dokumenti ta’ Strateġija Nazzjonali tal-Pajjiżi, u tintegra d-dimensjoni tal-appoġġ għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-programmi ta’ koperazzjoni mal-pajjiżi msieħba kif ukoll fl-istrumenti politiċi u finanzjarji l-oħra kollha;

13. Jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni mtejba tal-attivitajiet imwettqa skont l-istrumenti finanzjarji esterni differenti, u li tkun esplorata bis-sħiħ il-komplementarjetà bejn l-istrumenti ġeografiċi u dawk tematiċi; iqis li, sabiex ikun aktar effettiv f’dan il-qasam, l-isforzi kollha għandhom ikunu akkumpanjati wkoll minn koordinazzjoni mtejba fost id-donaturi tal-UE; huwa tal-istess fehma li l-Kummissjoni għandha tesplora l-possibilità li tappoġġja l-proġetti tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għad-demokrazija li għandhom l-għan li jikkonsolidaw l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili u li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem;

14. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwettqu konsultazzjoni wiesgħa u komprensiva mal-partijiet interessati kollha tal-UE u ta' pajjiżi terzi, b’enfasi speċjali fuq l-NGOs u fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-atturi lokali, reġjonali u istituzzjonali, qabel ma jniedu inizjattivi ġodda ta' bini tad-demokrazija;

15. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex sistematikament tinvolvi l-partijiet kollha interessati, inklużi l-NGOs u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u speċjalment lill-parlamenti tal-pajjiżi msieħba, fit-tħejjija, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni, ta’ strumenti speċifiċi għall-pajjiż bħal ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiż ikkonċernat kif ukoll id-Dokumenti ta' Strateġija Nazzjonali għall-Pajjiżi;

16. Jenfasizza l-ħtieġa li l-appoġġ tal-UE għad-demokrazija jkun komprensiv, filwaqt li jindirizza l-kwistjonijiet kollha koperti mir-riżoluzzjoni tal-2005 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u għal approċċ fuq tul ta' żmien twil fit-twettiq ta’ dan l-appoġġ;

17. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-kontribut pożittiv tal-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-UE fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi, it-tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, u, b’mod partikulari, fit-tisħiħ tal-proċessi elettorali fid-dinja kollha, iżda jisħaq fuq il-ħtieġa li tkun żgurata politika post-elettorali koerenti bbażata fuq is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet mressqa minn dawn il-missjonijiet, bis-sehem tas-soċjetà ċivili, fejn l-appoġġ għall-iżvilupp ikun konsistenti mal-prinċipji demokratiċi u l-valuri tal-governanza demokratika; u huwa tal-fehma li, f’dan il-kuntest, aktar hemm probabilità li l-missjonijiet tal-UE ta’ osservazzjoni tal-elezzjonijiet ikollhom impatt meta dawn ikunu bbażati fuq approċċ elettorali fuq żmien fit-tul u jkunu parti minn strateġija ġenerali li tinvolvi s-soċjetà ċivili fil-fażijiet kollha ta' dan il-proċess;

18. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibbaża aktar fuq il-koperazzjoni b’suċċess man-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni ta’ elezzjonijiet u sabiex iżżid il-bini ta’ strateġiji u t-tfassil ta’ proġetti komuni man-NU u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali oħra, bħall-OSCE u l-Unjoni Afrikana, fir-rigward tal-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

19. Jenfasizza li l-isforzi ta’ bini tad-demokrazija tal-UE għandhom sistematikament jinkludu attenzjoni speċjali fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u midja ħielsa, indipendenti u pluralista billi jiffinanzjaw proġetti prijoritarji f’dawn l-oqsma;

20. Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' strateġija speċifika li tappoġġja parlamenti ġodda li jkunu ġew eletti demokratikament bil-ħsieb li jiġu msaħħa b’mod permanenti d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba;

21. Jikkonferma d-determinazzjoni tiegħu sabiex jgħin fit-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi billi jżid l-involviment tiegħu fl-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, bħala segwitu għall-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-UE u l-bini tal-kapaċità parlamentari; jitlob f'dan ir-rigward lill-Uffiċċju tiegħu għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari (OPPD) sabiex jippreżenta pjan ta' azzjoni komprensiv lill-kumitati parlamentari rilevanti, li għandu neċessarjament jinkludi mekkaniżmu ċar għall-kooperazzjoni ma' delegazzjonijiet interparlamentari u kumitati parlamentari konġunti;

22. Jinkuraġġixxi lid-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex jaħdmu bħala imsieħba mal-OPPD meta jkunu qed jikkunsidraw jew iniedu programmi ta' appoġġ parlamentari;

23. Jirrakkomanda li jiddaħħal pjan ta’ azzjoni fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru, u li tiġi pprogrammata reviżjoni, sal-aħħar tal-2010, tal-progress li jkun sar; u jistieden lill-Presidenzi attwali u li ġejjin tal-UE sabiex jippreżentaw ir-riżultati tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u tar-Relazzjonijiet Esterni lill-kumitati parlamentari rilevanti;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

[1] A5-0219/2004 .