Dokument ta' sessjoni

 

18.11.2009                                                                                                              B7‑0142/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-marka tal-oriġini

Carl Schlyter

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B7‑0142/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-marka tal-oriġini

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li japplika skema ta’ preferenzi ta’ tariffi ġeneralizzati[1],

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern[2],

–    wara li kkunsidra l-Artikolu IX u l-Artikolu XXIV:5 tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT 1994),

–    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità[3] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993[4] li jiprovdi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità, bis-sistema ta’ regoli tal-oriġini mhux preferenzjali tal-Komunità Ewropea,

–    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 tat-28 ta’ Marzu 1983 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazji tad-dwana[5],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Frar 2009 dwar it-titjib tar-rwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-6 ta' Lulju 2006 dwar l-immarkar tal-oriġini,

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bil-miktub tal-11 ta’ Diċembru 2007 dwar il-marka tal-oriġini ta’ ċerti prodotti impurtati minn pajjiżi terzi,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi attwalment, l-UE m’għandhiex dispożizzjonijiet armonizzati jew prattiki uniformi dwar il-marka tal-oriġini fl-UE; billi d-disparitajiet bejn ir-regolamenti fis-seħħ fl-Istati Membri kif ukoll in-nuqqas ta’ regoli Komunitarji ċari f’dan il-qasam qed iwasslu għal qafas legali frammentarju,

B.   billi l-miżuri nazzjonali li jimponu l-marka tal-oriġini fuq il-prodotti impurtati minn Stati Membri oħra huma projbiti, filwaqt li m’hemmx limitazzjoni bħal din fuq il-marka tal-oriġini obbligatorju fuq dawk il-prodotti impurtati minn pajjiżi terzi,

C.  billi xi sħab kummerċjali kbar tal-UE, bħall-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Kanada daħħlu rekwiżiti obbligatorji dwar il-marka tal-oriġini,

D   billi, fl-Aġenda ta' Lisbona, l-UE għamlet objettiv għaliha nnifisha biex issaħħaħ l-ekonomija tal-UE billi, fost oħrajn, ittejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-UE fl-ekonomija dinjija; billi ekonomija bbażata fuq is-suq u globalizzata b’mod kompetittiv, tista’ titqies li tkun leali biss jekk tkun mibnija fuq assunzjonijiet u valuri soċjali u ambjentali komuni, u meta topera b’regoli ċari kemm għall-produtturi kif ukoll għall-esportaturi u għall-importaturi,

E.   billi l-iskema tal-marka tal-oriġini se jkollha l-għan li tippermetti lill-konsumaturi tal-UE li jkunu jafu sew il-pajjiż tal-oriġini tal-prodotti li jixtru; billi b’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw dawk il-prodotti ma’ standards soċjali, ekonomiċi u sikuri li ġeneralment ikunu assoċjati ma’ dak il-pajjiż, fil-każ li ma jintlaħaqx qbil dwar l-istandards li jorbtu fil-qafas tar-regoli internazzjonali tal-kummerċ,

F.   billi l-proposta li tiddaħħal sistema obbligatorja tal-marka tal-oriġini fl-UE hija ristretta għal numru limitat ta’ prodotti impurtati, bħal ma huma t-tessuti, il-ġojjellerija, il-ħwejjeġ, iż-żraben, il-ġilda, il-lampi u l-apparat tad-dawl, il-ħġieġ, iċ-ċeramika u l-basktijiet tan-nisa, fejn ir-rekwiżit “made in” jagħti informazzjoni siewja għall-għażla finali tal-konsumatur,

G.  billi huwa importanti li jiġi żgurat trattament ugwali bejn il-produtturi tas-sieħba l-kbar tagħna li implimentaw il-marka tal-oriġini,

H.  billi bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew se jkunu fuq l-istess livell rigward dan is-suġġett; billi se tkun applikabbli l-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont l-Artikolu 207 tat-Trattat ta’ Lisbona,

1.   Itenni li l-protezzjoni tal-konsumatur teħtieġ regoli trasparenti u konsistenti inklużi l-indikazzjonijiet tal-oriġini;

2.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu l-passi neċessarji sabiex jiġi żgurat trattament ugwali mas-sieħba fil-kummerċ li implimentaw ir-rekwiżiti tal-marka tal-oriġini;

3.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwaqqfu sistemi ta' sorveljanza doganali u mekkaniżmi ta' infurzar xierqa;

4.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżommu approċċ Komunitarju konsistenti dwar din il-kwistjoni sabiex jippermettu lill-konsumaturi tal-UE jirċievu informazzjoni aktar sħiħa u preċiża; iqis il-marka tal-oriġini obbligatorja bħala pass importanti lejn informazzjoni aktar sħiħa dwar standards ta’ produzzjoni ta’ pproċessar soċjali u ambjentali;

5.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintervjeni bil-qawwa, flimkien mal-Istati Membri, biex tiddefendi d-drittijiet u l-aspettattivi tal-konsumaturi kull fejn hemm evidenza ta' marki tal-oriġini frodulenti jew li jiżvijaw minn manifatturi jew importaturi barra mill-UE;

6.   Iqis il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jintroduċi indikazzjonijiet obbligatorji tal-pajjiż tal-oriġini ta’ ċerti prodotti impurtati minn pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea (“il-marka tal-oriġini”) bħala bażi essenzjali biex jintlaħaq objettiv ta’ trasparenza u informazzjoni xierqa kemm għall-konsumatur kif ukoll bħala konsistenza fir-regoli ta' kummerċ internazzjonali; bħala t-tieni pass iqis l-importanza li titkabbar il-lista tal-prodotti msemmija fir-regolament għall-prodotti maġġuri tal-konsumatur kollha impurtati;

7.   Iqis li mill-1 ta’ Diċembru 2009, taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja stipulati fit-Trattat ta’ Lisbona, il-konsultazzjoni u l-iskambju ta’ ideat bejnu u bejn il-Kunsill għandhom jibdew formalment u li m’għandu jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal aktar dewmien;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tbiddilx il-proposta tagħha u terġa’ tippreżentaha lill-Parlament skont l-Artikolu 207 tat-Trattat ta' Lisbona, immedjatament wara li jidħol fis-seħħ it-trattat;

9.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

 

[1] ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.
[2] ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
[3] ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.
[4] ĠU L 253, 11.10.1993, p.1.
[5] ĠU L 105, 23.4.1983, p. 1.