Dokument ta' sessjoni
18.11.2009 B7‑0147/2009
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija b’talba għal tweġiba orali B7‑0222/2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura
dwar is-sħubija ekonomika u kummerċjali Ewro-Mediterranja qabel it-tmien Konferenza Ministerjali tal-Kummerċ tal-Euromed – Brussell – id-9 ta' Diċembru 2009
Metin Kazak, Niccolò Rinaldi, Marielle De Sarnez, Robert Rochefort, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sħubija ekonomika u kummerċjali Ewro-Mediterranja qabel it-tmien Konferenza Ministerjali tal-Kummerċ tal-Euromed – Brussell – id-9 ta' Diċembru 2009
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona tat-28 ta' Novembru 1995 li stabbiliet sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran (SEMCs),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2003, bit-titolu "It-Tkabbir tal-Ewropa – Viċinanza: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħna" ( COM(2003)0104 ), id-dokument ta' strateġija tiegħu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tat-12 ta' Mejju 2004 ( COM(2004)0373 ), il-Komunikazzjoni tiegħu lill-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2004 dwar il-proposti tiegħu favur pjanijiet ta' azzjoni fil-qafas tal-PEV ( COM(2004)0795 ), il-pjanijiet ta' azzjoni għall-Iżrael, il-Ġordan, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, it-Tuneżija u l-Libanu, u r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u t-Tuneżija[2], l-Iżrael[3], il-Marokk[4], il-Ġordan[5], l-Eġittu[6], il-Libanu[7] u l-Alġerija[8], min-naħa l-oħra, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-PLO (għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana)[9]; wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (96/142/KE)[10],
– wara li kkunsidra l-ftehim ta' kummerċ ħieles, magħruf bħala l-Ftehim ta' Agadir, iffirmat mill-Ġordan, l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Marokk fil-25 ta' Frar 2004,
– wara li kkunsidra s-Samit ta' Pariġi tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern Ewro-Mediterranji tat-13 ta' Lulju 2008, li ħoloq l-Unjoni għall-Mediterran (UfM),
– wara li kkunsidra s-sitt Konferenza Ministerjali tal-Kummerċ tal-Euromed tal-21 ta' Ottubru 2007 f'Lisbona,
– wara li kkunsidra s-seba' Konferenza Ministerjali tal-Kummerċ tal-Euromed tat-2 ta' Lulju 2008 f'Marsilja,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Uffiċjali Għolja tal-Kummerċ tal-Euromed tal-11 ta' Novembru 2009 fi Brussell,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-politika Ewro-Mediterranja u b'mod partikolari dik tal-15 ta' Marzu 2007 dwar it-twaqqif ta' żona ta' kummerċ ħieles Ewro-Mediterranja u dik tad-19 ta' Frar 2009 dwar il-proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Konferenza ta' Barċellona tal-1995 tat bidu għal proġett ambizzjuż ħafna, jiġifieri l-ħolqien ta' rabtiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali ġodda u aktar mill-qrib bejn ix-xtut tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Mediterran; billi jinħtieġ lil-Proċess ta' Barċellona jissaħħaħ malajr permezz tat-twaqqif taż-żona ta' kummerċ ħieles,
B. billi l-Unjoni għall-Mediterran, li għandha terġa' tagħti l-ħajja lill-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranja permezz ta' proġetti konkreti u viżibbli, għadha ma ġietx stabbilita għalkollox; billi ma kienx hemm laqgħat tal-Euromed skedati bejn Jannar u Lulju 2009 minħabba l-gwerra fil-medda ta' Gaża,
C. billi l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li kellha ssir f'Istanbul fl-24 u l-25 ta' Novembru 2009 kellha tiġi posposta minħabba bojkot mill-istati Għarab, li pprotestaw kontra l-pożizzjoni Iżraeljana fil-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani,
D. billi l-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran iridu jneħħu kull ostaklu politiku u ekonomiku li bħalissa qiegħed ifixkel il-proċess ta' integrazzjoni fiż-żona kollha sabiex ikun hemm kollaborazzjoni aktar utli fosthom,
E. billi r-relazzjonijiet kummerċjali Ewro-Mediterranji qed jikbru b'rata stabbli u l-UE tidher li hi “s-sieħba kummerċjali naturali” tar-reġjun, b'46.6% tat-total tal-esportazzjonijiet fil-Mediterran,
F. billi t-total tal-kummerċ mal-UE fir-reġjun tal-Mediterran laħaq EUR 246.7 biljun fl-2008, li jirrappreżenta madwar 8% tat-total tal-kummerċ estern tal-UE, b'bilanċ pożittiv ta' EUR 15.3 biljun favur l-UE,
G. billi l-UE hija investitur barrani kbir fir-reġjun (barra l-Iżrael), u billi l-investimenti tagħha laħqu r-rekord ta' EUR 15.3 biljun fl-2006, qabel reġgħu naqsu fl-2007,
H. billi l-kummerċ fis-servizzi kulma jmur qiegħed jikber, b'bilanċ pożittiv li qiegħed ikompli jikber favur il-pajjiżi tal-Mediterran (l-aktar permezz tat-turiżmu) u li laħaq ir-rekord ta' EUR 11.6 biljun fl-2006,
I. billi, minkejja dawn iċ-ċifri, il-livell ta' kummerċ u ta' investiment tal-UE fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran jibqa' inqas minn dak li kien mistenni, u billi l-kummerċ fil-prodotti kif ukoll fis-servizzi ma kienx diversifikat biżżejjed, meta wieħed iqis il-potenzjal tar-reġjun Ewro-Mediterranju u li s-sħab tal-UE tan-Nofsinhar tal-Mediterran ftit li xejn qegħdin jiġbdu investimenti; billi l-investimenti barranin diretti (FDIs) għadhom baxxi ħafna f'dan ir-reġjun meta jitqabblu ma' reġjuni oħra fid-dinja; u billi hemm differenzi kbar bejn pajjiż u ieħor fil-kapaċità tagħhom li jiġbdu l-FDIs,
J. billi l-integrazzjoni ekonomika reġjonali Nofsinhar-Nofsinhar, minkejja xi inizjattivi sinifikanti bħall-Ftehim ta' Agadir, għad baqgħalha biex tinkiseb u billi, għaldaqstant, il-flussi kummerċjali Nofsinhar-Nofsinhar huma sottożviluppati u jammontaw għal madwar 6% tal-kummerċ totali tagħhom,
K. billi l-produtturi tat-tessuti, ħwejjeġ u żraben qegħdin jitilfu ħafna mis-sehem tas-suq tagħhom minħabba l-fatt li s-swieq saru globalizzati u minħabba l-kompetizzjoni qawwija mill-Asja,
L. billi l-Unjoni Ewropea ffirmat ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' sħabha kollha tan-Nofsinhar tal-Mediterran, bl-eċċezzjoni tas-Sirja u tal-Libja; billi n-negozjati mas-Sirja għal ftehim ta' assoċjazzjoni ġew konklużi, iżda l-iffirmar tiegħu kien pospost mis-Sirja; u billi l-Kummissjoni bdiet negozjati mal-Libja,
M. billi l-approċċ bilaterali, li hu komponent ta' proċessi bħal dawn u konsegwenza tad-differenzi kulturali, soċjali, ekonomiċi u politiċi speċifiċi bejn il-pajjiżi involuti, għandu jitmexxa u jkun appoġġat b'viżjoni aktar globali u bi pjan għar-relazzjonijiet fost is-sħab differenti u għaldaqstant għandu jitwaħħad mal-approċċ reġjonali,
N. billi l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja żiedu mal-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali li diġà jeżistu fil-pajjiżi sħab tal-UE, b'mod partikolari rigward il-problema tal-qgħad,
1. Jenfasizza l-importanza strateġika li tiġi stabbilita Żona ta' Kummerċ Ħieles tal-Euromed, li għandha tagħti kontribut sinifikanti għall-paċi, il-prosperità u s-sigurtà fir-reġjun kollu u għaldaqstant tappoġġa dawk il-miżuri u l-isforzi maħsuba biex ineħħu x-xkiel u l-ostakli; jenfasizza li s-suċċess tas-sħubija Ewro-Mediterranja u taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles b'mod partikolari, jirrikjedi sforz sostnut mill-partijiet kollha flimkien;
2. Iqis li f'dawn l-aħħar għaxar snin, ġrajjiet politiċi kbar u mhux ippjanati, bħall-kunflitt fil-Lvant Nofsani, kellhom impatt negattiv konsiderevoli fuq il-progress u l-iżvilupp tas-sħubija Ewro-Mediterranja u ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles, u dan huwa wkoll il-kawża tad-dewmien fl-implimentazzjoni tagħha; jiddeplora l-fatt li minħabba dawn l-istess raġunijiet politiċi, tħassret l-aħħar laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Euromed, u l-Unjoni għall-Mediterran mhix miexja 'l quddiem,
3. Jinnota li l-Ministri tal-Kummerċ Ewro-Mediterranji se jiddiskutu miżuri biex jindirizzaw id-dgħjufija attwali fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi tal-Euromed, Pjan Direzzjonali ġdid għall-Kummerċ Ewro-Mediterranju u mekkaniżmu ġdid għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment fir-reġjun; iqis li l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni eżistenti għandhom jitwessgħu lil hinn mill-kummerċ fil-prodotti biex ikopru l-agrikoltura, is-servizzi, l-investiment u kwistjonijiet regolatorji, id-drittijiet tal-propjetà intellettwali u l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku kif ukoll strumenti ta' difiża għall-kummerċ, sabiex isiru ftehimiet komprensivi ta' kummerċ ħieles;
4. Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-pajjiżi sħab tal-UE tan-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex jiżviluppaw il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar, bħall-Ftehim Ekonomiku ta' Agadir iffirmat mill-Eġittu, il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija, u jitlob lill-pajjiżi l-oħra jingħaqdu mal-Ftehim sabiex ikomplu jiżviluppaw inizjattivi ta' integrazzjoni li jimpenjaw ruħhom fihom is-sħab tal-UE tan-Nofsinhar tal-Mediterran u sabiex jisfruttaw is-sinerġiji mal-approfondiment tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji bejn il-pajjiżi tal-Mediterran u l-UE; jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE iridu jirrispondu pożittivament għal talbiet għal għajnuna teknika sabiex tkun promossa l-integrazzjoni ekonomika Nofsinhar-Nofsinhar;
5. Iqis li s-sistema tal-akkumulazzjoni tal-oriġini għandha tissaħħaħ billi hi għodda doganali siewja għat-tnedija mill-ġdid tal-kummerċ fiż-żona, u li r-regoli tal-oriġini għandhom jiġu aġġornati u simplifikati sabiex jitqiesu l-interessi tas-sħab tal-Euromed; jitlob, għaldaqstant, li ftehim reġjonali dwar is-sistema Pan-Ewro-Mediterranja tal-akkumulazzjoni tal-oriġini jkun ġie konkluż fl-2010;
6. Ifakkar fil-ħtieġa li tissaħħaħ is-sħubija Tramuntana-Nofsinhar, biex tinżamm il-kompetittività fil-produzzjoni u l-kummerċ Ewro-Mediterranju tat-tessuti u l-ħwejjeġ, u biex ikunu promossi l-attivitajiet fil-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran li jkollhom valur miżjud aktar għoli, imsejjes fuq il-kreattività u l-innovazzjoni, u mhux biss fuq l-esternalizzazzjoni tan-negozju;
7. Jisħaq fuq il-ħtieġa li titrawwem is-sigurtà tal-investiment fir-reġjun tal-Mediterran, permezz ta' sistema li tikkoordina strateġiji mmirati lejn l-SMEs li tkopri diversi oqsma: is-salvagwardja, il-finanzjament, l-informazzjoni u n-netwerking tal-SMEs;
8. Ifakkar fil-ħtieġa li jinħoloq Bank Ewro-Mediterranju għall-Investiment u l-Iżvilupp, li jiġbor fih donaturi miż-żewġt ixtut tal-Mediterran u li jkun jista' jiġbed l-investimenti barranin diretti li r-reġjun Ewro-Mediterranju jeħtieġ;
9. Iqis li l-proposta l-ġdida biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-faċilitazzjoni tal-investiment Ewro-Mediterranju hija pass sinifikanti lejn iċ-ċentralizzazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni permezz ta' netwerk uniku, li għandu jippermetti lill-operaturi ekonomiċi li jkollhom stampa komprensiva tal-kundizzjonijiet għall-kummerċ u l-investiment fir-reġjun; jenfasizza li l-istrument għandu jikkomplementa n-netwerks eżistenti;
10. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-fond "Inframed" (stabbilit mill-"Caisse des dépôts" Franċiża, il-"Cassa depositi e prestiti" Taljana, l-"EFG Hermes" Eġizzjana u l-"Caisse de dépôt et de gestion" Marokkina) li tħabbar fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran bħala fond ta' investiment fit-tul li jiffinanzja proġetti infrastrutturali;
11. Huwa tal-fehma li, għalkemm il-kundizzjonijiet għadhom ma ġewx identifikati, iż-żona ta' kummerċ ħieles għandha tkun ikkomplementata permezz tal-introduzzjoni gradwali, suġġetta għal kundizzjonijiet, tal-moviment ħieles tal-ħaddiema, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew u r-riflessjonijiet attwali tal-komunità internazzjonali dwar ir-rabtiet bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp; jisħaq fuq l-importanza u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasferimenti ta' flus li jgħaddu l-ħaddiema migranti, sabiex l-użu tagħhom ikun massimizzat fl-ekonomija lokali; iqis li l-għoti tal-viżi għandu jkun iffaċilitat għall-parteċipanti fis-sħubija Ewro-Mediterranja, l-istudenti, l-istaff universitarju u l-parteċipanti soċjoekonomiċi;
12. Huwa tal-fehma li l-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, għandu jsaħħaħ il-forom eżistenti ta' kooperazzjoni fil-kuntest tal-Euromed sabiex il-pajjiżi kollha msieħba jkollhom il-possibilità li jipparteċipaw fil-programmi reġjonali u fil-politiki korrispondenti tal-UE fuq il-bażi tal-prijoritajiet u l-objettivi ffissati bi qbil komuni; ifakkar li huwa importanti li jkompli jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-programmi Komunitarji għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tat-taħriġ professjonali (l-iskambju ta' studenti, eċċ.);
13. Jisħaq fuq il-potenzjal tal-Unjoni għall-Mediterran li jkollha impatt pożittiv fuq il-Proċess ta' Barċellona; jiġbed l-attenzjoni li d-definizzjoni, fil-qafas stabbilit f'Pariġi f'Lulju 2008, ta' proġetti sinifikanti f'setturi strateġiċi, bħall-bini ta' infrastruttura ġdida, il-kooperazzjoni bejn l-SMEs, il-komunikazzjonijiet u l-isfruttar ta' sorsi ta' enerġija li tiġġedded, għandha tkun ta' kontribut għall-iżvilupp u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-investimenti Ewro-Mediterranji; ifakkar ukoll li huwa essenzjali li tinstab soluzzjoni għall-paċi fil-Lvant Nofsani, iżda li l-kunflitti fir-reġjun m'għandhomx ikunu ta' tfixkil biex jitwettqu impenji oħrajn li jkun sar qbil dwarhom; iħeġġeġ biex jibqgħu jsiru l-laqgħat skedati fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran u li jiġi stabbilit segretarjat permanenti f'Barċellona;
14. Jenfasizza wkoll li l-approċċi bilaterali m'għandhomx ifixklu l-approċċ reġjonali multilaterali; hu tal-fehma li, filwaqt li jiffavorixxi l-kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-sħab l-aktar avvanzati, u b'rispett xieraq għall-karatteristiċi politiċi, kulturali u soċjali speċifiċi tagħhom, il-Kummissjoni għandha żżomm mal-prinċipju ta' negozjati bejn reġjun u ieħor;
15. Iħeġġeġ l-użu tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ fir-reġjun tal-Mediterran; jilqa' b’sodisfazzjon il-progress li sar dan l-aħħar bl-Inizjattiva Industrijali DESERTEC għall-iżvilupp tal-potenzjal enormi tal-enerġija mix-xemx fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq; jenfasizza li l-azzjoni tal-UE rigward il-proġett DESERTEC trid tkun koerenti u tagħti kontribut attiv lill-iżvilupp tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani;
16. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma bir-reqqa lill-Parlament Ewropew dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni mas-Sirja, li l-iffirmar tiegħu reċentement ġie pospost mis-Sirja; iqis li hemm xi tħassib dwar jekk il-Libja għandhiex terġa' tidħol f'negozjati għal ftehim ta' assoċjazzjoni u, b'mod aktar ġenerali, fil-Proċess ta' Barċellona u l-Unjoni għall-Mediterran; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma sewwa, iddaħħal u tikkonsulta l-Parlament Ewropew fil-fażijiet kollha tan-negozjati;
17. Iqis li l-Pjan Direzzjonali propost mill-Kummissjoni hu strument vijabbli għat-tnedija mill-ġdid tal-Proċess ta' Barċellona u l-Unjoni għall-Mediterran fis-snin li ġejjin, u għaldaqstant jistieden lill-Ministri tal-Kummerċ tal-Euromed biex japprovawh fil-laqgħa ministerjali tagħhom tad-9 ta' Diċembru 2009; jistieden lill-Uffiċjali Għolja tal-Kummerċ Ewro-Mediterranju biex fis-snin li ġejjin jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u jipproponu t-tibdil meħtieġ, u jitlob li jinżamm infurmat b'dawn il-miżuri;
18. Jisħaq fuq is-sehem tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) fi ħdan is-sħubija bħala l-korp demokratiku li jgħaqqad flimkien lill-membri parlamentari miż-żewġt ixtut tal-Mediterran madwar it-tliet pilastri tal-Proċess ta' Barċellona; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-EMPA, il-Kummissjoni u l-Kunsill fil-qasam ekonomiku;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kapijiet ta' Stat u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja.