Dokument ta' sessjoni

 

18.11.2009                                                                                                              B7‑0153/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0210/2009

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ falliment tal-linja tal-ajru

Mathieu Grosch, Artur Zasada

f'isem il-Grupp PPE

Saïd El Khadraoui

f'isem il-Grupp S&D

Dirk Sterckx

f'isem il-Grupp ALDE

Michael Cramer, Frieda Brepoels

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B7‑0153/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ falliment tal-linja tal-ajru

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija orali tal-15 ta’ Ottubru 2009 lill-Kummissjoni dwar il-kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ falliment tal-linja tal-ajru ( O-0089/09 – B7‑0210/2009 ),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2027/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tirregola ċerti aspetti tan-negozju tal-vaganzi kollox kompriż u tipprevedi kumpens xieraq u r-ripatrijazzjoni tal-konsumaturi fil-każ ta’ falliment tal-kumpaniji tal-vaganzi kollox kompriż,

B.  billi r-Regolament (KE) Nru 2027/97 jistabbilixxi n-natura tar-responsabilità tat-trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti u arranġamenti ta’ kumpens għall-passiġġieri,

C. billi r-Regolament (KE) Nru 785/2004 jistipula r-rekwiżiti tal-assigurazzjoni li għandhom jiġu ssodisfati mit-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani,

D. billi r-Regolament (KE) Nru 261/2004 jipprevedi kumpens u assistenza għall-passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu abbord jew li t-titjiriet tagħhom jitħassru jew jittardjaw b’ħin twil,

E.  billi r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jistabbilixxi regoli finanzjarji stretti għall-operaturi tal-ajruplani,

F.  billi kien hemm tkabbir sostanzjali matul dawn l-aħħar għaxar snin fl-għadd ta’ kumpaniji ta’ trasport bl-ajru bl-irħis relattivament żgħar li jtiru lejn destinazzjonijiet popolari għall-vaganzi kif ukoll fl-għadd ta’ passiġġieri li huma jġorru,

G. billi kien hemm 77 falliment fis-settur tal-avjazzjoni matul l-aħħar disa’ snin, li wħud minnhom wasslu biex eluf ta’ passiġġieri tħallew l-art fid-destinazzjonijiet tagħhom u ma setgħux jużaw il-parti tar-ritorn tal-biljett tal-ajru tagħhom,

1.  Jinnota li l-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati fir-rigward tal-fallimenti tal-linji tal-ajru;

2.  Ifakkar li l-Kummissjoni wettqet studju importanti tad-diffikultajiet li jikkonċernaw il-fallimenti tal-linji tal-ajru u tal-impatt tagħhom fuq il-passiġġieri u għaddiet ir-riżultati tiegħu lill-Parlament fi Frar 2009;

3.  Jinnota s-sejbiet ta’ dan l-istudju u l-firxa ta’ possibilitajiet li huwa jeżamina;

4.  Ifakkar, f’dan ir-rigward, li hemm numru ta’ possibilitajiet li l-Kummissjoni tista’ ssegwi sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-passiġġieri tal-linji tal-ajru falluti, inkluża assigurazzjoni obligatorja għal-linji tal-ajru, arranġament ta’ assigurazzjoni volontarja għall-passiġġieri li l-linji tal-ajru jkunu meħtieġa li jipproponu lill-passiġġieri, u t-twaqqif ta’ fond ta’ garanzija;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilità ta’ proposta leġiżlattiva u tippreżentaha sal-1 ta’ Lulju 2010, jekk tqis li din tkun xierqa, li jkollha l-objettiv speċifiku li tipprevedi l-għoti ta' kumpens lill-passiġġieri tal-linji tal-ajru li jfallu u li tistabbilixxi arranġamenti finanzjarji u amministrattivi, inkluż il-prinċipju tar-responsabilità reċiproka għall-passiġġieri tal-linji tal-ajru kollha li jtiru fl-istess direzzjoni b’sits vojta, li jiżguraw ir-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri li jitħallew l-art f’ajruport li ma jkunx dak ta’ fejn joqogħdu fil-każ li tfalli l-linja tal-ajru; jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-pakketti ta’ vjaġġi (90/314/KE), tipproponi estensjoni għar-ripatrijazzjoni jew il-bdil tal-itinerarju għall-passiġġieri kkonċernati;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-possibilità li dawn il-miżuri jiġu estiżi għal-linji tal-ajru li ma baqgħux joperaw u li kkawżaw lill-passiġġieri inkonvenjenzi simili għal dawk ikkawżati minn kumpaniji li jfallu;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-possibilità tal-ħelsien rapidu tal-ajruplani ssekwestrati mill-entitajiet regolatorji nazzjonali sabiex dawn l-ajruplani jkunu jistgħu jintużaw biex il-passiġġieri li jitħallew l-art jittieħdu lura f’pajjiżhom;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.