Dokument ta' sessjoni
23.11.2009 B7‑0168/2009
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-Samit tal-FAO u s-Sigurtà tal-Ikel
James Nicholson
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit tal-FAO u s-Sigurtà tal-Ikel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KE,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar prezzijiet tal-għalf u tal-ikel li qed jogħlew[1], kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[2],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Novembru 2007 dwar l-avvanz fl-agrikoltura Afrikana – Proposta għall-iżvilupp agrikolu u s-sigurtà tal-ikel fl-Afrika[3],
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ( COM(2008)0450 ),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem Nindirizzaw l-isfidi taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel - direzzjonijiet għall-azzjoni tal-UE ( COM(2008)0321 ),
– wara li kkunsidra l-Politika Agrikola Komuni u r-Rapport dwar is-Sigurtà Globali tal-Ikel (rapport McGuinness) ( 2008/2153(INI) ),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit Dinji tal-Ikel tal-1996,
– wara li kkunsidra t-'Tbassir Agrikolu 2008-2017' maħruġ mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD),
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien Agrikolu, ix-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Iżvilupp (IAASTD),
– wara li kkunsidra r-riżultat tar-riforma 'Verifika tas-Saħħa' tal-Politika Agrikola Komuni,
– wara li kkunsidra n-negozjati tad-WTO dwar r-Rawnd tal-Iżvilupp ta’ Doha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit Dinji dwar is-Sigurtà tal-Ikel f'Ruma mis-16 sat-18 ta' Novembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-populazzjoni dinjija hija mistennija taqbeż id-9 biljuni fl-2050 u d-domanda globali għall-ikel hija mistennija tirdoppja fl-istess żmien; billi l-FAO qed tistenna li l-produzzjoni agrikola globali ser teħtieġ żieda ta' 70 % bejn issa u dak iż-żmien; billi jeħtieġ li dan jinkiseb bl-użu ta' inqas ilma u pestiċidi u b'inqas disponibbiltà ta' art agrikola minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima,
B. billi l-Unjoni Ewropea hija d-donatur ewlieni globali fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, iżda fuq livell internazzjonali, il-parti tal-għajnuna ddedikata għall-agrikoltura kompliet tonqos b’mod kostanti mis-snin tmenin, u b’mod partikolari, l-għajnuna li ġejja mill-UE,
C. billi l-kriżi attwali tolqot l-aktar lill-familji bi dħul baxx kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fid-dinja li qed tiżviluppa, fejn il-proporzjon tad-dħul tal-familji li jintefaq fuq l-ikel jirrappreżenta bejn 60% u 80% tad-dħul totali, imqabbel mal-medja tal-UE ta’ anqas minn 20%,
D. billi l-Unjoni Ewropea tibqa’ produttur ewlieni tal-ikel, b'17% tal-produzzjoni dinjija tal-qamħ, 25% tal-produzzjoni dinjija tal-ħalib, 13 % tal-produzzjoni dinjija tat-tjur, 20% tal-produzzjoni dinjija tal-majjal u 30% mill-produzzjoni dinjija taċ-ċanga; billi l-UE hija wkoll importatur kbir ta’ prodotti agrikoli, li għandha livell ta’ provvista ħafna aktar baxx mil-limitu ta’ awtosuffiċjenza f’bosta prodotti bażiċi agrikoli,
E. billi l-prezz għoli tal-għalf tal-annimali jżid fl-ispejjeż ta’ produzzjoni, li tinvolvi riskju li tonqos il-produzzjoni ta’ prodotti ta’ trobbija meta t-talba tagħhom qed tiżdied u huwa previst li tibqa' sejra hekk, b’mod partikolari fl-ekonomiji emerġenti,
F. billi ċ-ċaqliq drammatiku tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi jista’ jsir fattur iktar aċċentwat u regolari tas-suq dinji; billi l-prezzijiet ogħla tal-ikel mhux awtomatikament jiġu jirriżultaw fi dħul ogħla għall-azjendi agrikoli, speċjalment minħabba l-ħeffa li biha jiżdiedu l-ispejjeż għall-fatturi agrikoli u minħabba ż-żieda fid-diverġenza li qed tiżviluppa bejn il-produttur u l-prezzijiet għall-konsumatur,
G. billi l-istokkijiet dinjija tal-ikel naqsu għal livelli baxxi b'mod kritiku, minn provvista ta’ ikel għal sena wara t-Tieni Gwerra Dinjija għal stokk ta’ 57 ġurnata fl-2007 u għal 40 ġurnata biss fl-2008,
H. billi, dawn u fatturi oħra kellhom konsegwenzi immedjati u serji għal għadd sostanzjali ta’ persuni; billi, globalment, il-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel għaddset miljuni ta’ nies aktar ’l isfel fil-faqar u l-ġuħ; billi dawn l-iżviluppi taw bidu għal irvellijiet u tqanqil mad-dinja kollha, u ddestabbilizzaw pajjiżi u reġjuni madwar id-dinja;
I. billi, skont l-istimi attwali ġejjin minn organizzazzjonijiet li qed jiġġieldu l-ġuħ dinji, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, persuna waħda minn kull ħamsa bħalissa mhijiex mitmugħa biżżejjed u qed tbati minn ġuħ kroniku, u kuljum 'il fuq minn 30 000 tifel u tifla fid-dinja jmutu bil-ġuħ u bil-faqar,
J. billi s-saħħa hija kundizzjoni għall-iżvilupp u l-prosperità ekonomika, minħabba li l-problemi tas-saħħa joħolqu piż soċjali u ekonomiku enormi għall-familji u s-soċjetà, u billi aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb, kundizzjonijiet tajbin għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ikel huma importanti ħafna fil-promozzjoni tas-saħħa madwar id-dinja,
K. billi l-agrikoltura tipprovdi impjieg u għajxien għal iktar minn 70% tal-forza tax-xogħol fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għal iktar minn 80% f’ħafna pajjiżi Afrikani u b’konsegwenza t’hekk, il-politiki għall-iżvilupp rurali huma essenzjali biex ikunu miġġielda l-faqar u l-ġuħ b’mod effettiv,
L. billi l-Unjoni Ewropea tradizjonalment tiffinanza madwar 10% tal-kooperazzjoni dinjija tal-iżvilupp, minbarra l-kontributi tal-Istati Membri, li hi ċifra kkonfermata mill-kontribut attwali permezz tal-istrumenti tal-KE (ta' madwar EUR 1.8 biljun: EUR biljun permezz tal-faċilità l-ġdida għar-reazzjoni rapida għall-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-kumplament permezz tal-istrumenti disponibbli attwalment għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja),
M. billi, skont l-FAO, hemm bżonn li jiġu investiti EUR 30 biljun kull sena biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel għal popolazzjoni dinjija li se tilħaq 9 biljun sal-2050,
N. billi ftehimiet internazzjonali u reġjonali attwali wrew li mhumiex kapaċi jinnormalizzaw il-provvista u l-kummerċ tas-suq, l-iktar minħabba li għadhom jeżistu ostakli sinifikanti għall-kummerċ internazzjonali fis-settur tal-agrikultura, kif ġie enfasizzat fil-miżuri ta' protezzjoni li ttieħdu minn bosta pajjiżi bħala reazzjoni għaż-żieda riċenti fil-prezzijiet tal-ikel; billi din iż-żieda riċenti tal-prezzijiet tal-ikel għandha tallarma daqsxejn lill-gvernijiet madwar id-dinja biex il-produzzjoni agrikola ma titqiesx bħala fatt ovvju u li l-ostakli mhux raġjonevoli għall-kummerċ jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għan-nuqqas ta' effiċjenza fil-forniment globali ta' prodotti agrikoli,
1. Jinnota li s-sigurtà tal-ikel u l-awtosuffiċjenza mhumiex l-istess ħaġa u li, filwaqt li għandhom jiġu mħeġġa sforzi għaż-żieda ta' produzzjoni madwar id-dinja, il-provvista effiċjenti ta' oġġetti agrikoli lill-konsumaturi madwar id-dinja għandha tibqa' prijorità importanti;
2. Jinnota li l-agrikoltura, flimkien mal-kummerċ, il-migrazzjoni u s-sajd huma eżempji ta' oqsma ta' politika tal-UE li għandhom effetti diretti fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u għalhekk għandna dejjem nagħmlu ħilitna biex niżguraw li huma tajbin għall-iżvilupp kemm jista' jkun biex tkun żgurata l-koerenza tagħhom mal-kooperazzjoni tal-iżvilupp;
3. Jenfasizza li mijiet ta' miljuni ta' nies fqar jgħixu f'postijiet li huma suxxettibbli għal diżastri naturali u li għandu jitqies ukoll l-impatt ta' dawn id-diżastri fuq il-produzzjoni agrikola; jinnota li t-tisħin globali jista' jżid fil-frekwenza u d-daqs tal-effett ta' diżastri bħal dawn, li potenzjalment jista' jwassal għal problemi ikbar ta' saħħa, produzzjoni tal-ikel u ilma, kif ukoll migrazzjoni fuq skala kbira u theddid għas-sigurtà; jenfasizza li l-ġestjoni tar-riskji ta' diżastri għandha tkun parti integrali għall-ippjanar tal-iżvilupp, minflok li tkun biss kwistjoni umanitarja;
4. Jenfasizza li l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel, saħħa tajba, u ilma tajjeb għax-xorb u kundizzjonijiet tajbin għall-ħarsien tas-saħħa kollha huma prijoritajiet importanti fit-tfassil ta' politiki ta' żvilupp, minħabba li dawn il-fatturi kollha huma kundizzjonijiet għall-iżvilupp u l-prosperità ekonomika;
5. Jinnota li l-effetti ta' nuqqas ta' investiment fit-tul fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali dan l-aħħar iktar żdiedu minħabba l-kriżi tal-ikel, dik finanzjarja u ekonomika, fost fatturi oħra; jenfasizza li, filwaqt li twettqu xi passi, l-isforzi globali s'issa ma kinux suffiċjenti għall-ksib tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju u l-impenji tas-Samits Dinjija tal-Ikel; jinnota li l-passi għandhom isiru b'mod kollettiv biex din ix-xejra terġa' lura fid-direzzjoni opposta;
6. Jinnota li s-sigurtà globali tal-ikel hija kwistjoni tal-akbar urġenza għall-Unjoni Ewropea u jitlob li jkun hemm azzjoni immedjata u konsisteni biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-UE u fil-livell globali; iqis li huwa importanti li jintgħaraf il-valur tal-kulturi ta' biedja u ikel kollha tad-dinja; jenfasizza li l-ikel għandu jkun disponibbli bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi;
7. Jitlob lill-partijiet kollha jaħdmu flimkien biex jiżguraw li r-Rawnd ta' Doha jista' jintemm b'suċċess, u jqis li ftehim fuq livell multinazzjonali huwa importanti ħafna għal suċċess fl-iżvilupp tal-oqsma tal-agrikoltura fid-dinja li għadha qed tiżviluppa;
8. Jenfasizza l-irwol tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) bħala mezz biex tiġi żgurata l-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni Ewropea; jemmen li l-PAK ipprovdiet liċ-ċittadini tal-UE bi provvista żgura tal-ikel, minbarra l-ħarsien u t-titjib tal-ambjent rurali u l-istandards tal-produzzjoni tal-ikel fl-UE li huma l-ogħla fid-dinja;
9. Jenfasizza li mill-2007, il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi agrikoli varjaw immensament u li min-nofs l-2007 sa nofs l-2008, il-prezzijiet żdiedu f'daqqa, u ġew segwiti minn żieda f'daqqa tal-prezzijiet tal-konsumatur; jinnota li din iż-żieda f'daqqa fil-prezzijiet bażiċi tal-prodotti bażiċi ġiet segwita mill-ewwel minn tnaqqis f'daqqa fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi;
10. Jinnota bi tħassib iż-żieda fil-prezzijiet tal-fatturi agrikoli (żidiet fil-prezzijiet tal-fertilizzanti, żrieragħ u fjuwil), li rriżultat f’żieda fl-ispejjeż li ma ġietx ikkumpensata bl-istess mod għall-bdiewa kollha (b’mod partikolari fis-settur tat-trobbija) u li naqqret b’mod sinifikanti kwalunkwe żieda potenzjali fid-dħul tal-azjendi agrikoli li seħħet minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u tal-ikel, u b’hekk tnaqqas l-istimulu għaż-żieda fil-produzzjoni; jinsab imħasseb li żidiet drammatiċi fil-prezzijiet tal-fatturi jistgħu jirriżultaw f'anqas użu u potenzjalment fi tnaqqis tal-produzzjoni, li jista’ biss jagħmel il-kriżi tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja agħar;
11. Jafferma mill-ġdid li l-azjendi agrikoli tal-UE jipproduċu 17% tal-qamħ dinji, 25% tal-ħalib dinji u 30% taċ-ċanga dinjija; jenfasizza li ż-żamma ta' azjendi agrikoli vijabbli fl-UE tkun tal-akbar importanza għall-provvista dinjija tal-ikel fis-snin li ġejjin, partikolarment meta jitqiesu l-effetti probabbli tat-tibdil fil-klima, bir-riżultat li l-UE tkun waħda mir-reġjuni agrikoli l-iktar importanti fid-dinja;
12. Jiġbed l-attenzjoni għall-kawżi strutturali fuq medda itwal taż-żmien involuti fiż-żieda riċenti fil-prezzijiet ta' prodotti bażiċi agrikoli, inkluża ż-żieda regolari fid-domanda globali u t-tnaqqis kontinwu fl-investiment fl-agrikoltura produttiva; jinnota li, fost dawn il-fatturi, iż-żieda fil-prezz tal-enerġija, u b’mod partikolari fil-prezz taż-żejt kellha impatt ewlieni fuq il-produzzjoni agrikola dinjija (billi żiedet l-ispejjeż tal-produzzjoni fl-azjendi agrikoli u dawk tat-tqassim tal-ikel) u fuq is-sitwazzjoni ta’ kriżijiet tal-ikel fil-pajjiżi foqra (minħabba l-prezz tat-trasport tal-ikel ġewwa dawn il-pajjiżi);
13. Iqis li, biex wieħed jitma' populazzjoni dinjija li hi mistennija taqbeż id-9 biljuni sal-2050, il-produzzjoni agrikola jkollha tiżdied b'70% bejn issa u dak iż-żmien filwaqt li għandhom jintużaw inqas art, ilma u pestiċidi;
14. Jenfasizza li l-PAK għandha tiġi adattata iktar biex tlaħħaq mat-tħassib tas-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u fuq il-livell dinji, biex jiġi żgurat li l-bdiewa jkunu jistgħu jibbenefikaw aħjar minn żieda fid-domanda fuq il-livell globali;
15. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni internazzjonali kif ukoll il-ħtieġa li jiġu evitati miżuri unilaterali mhux konformi mal-liġi internazzjonali u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u dawk li jipperikolaw is-sigurtà tal-ikel;
16. Jirrikonoxxi l-opinjoni tal-FAO li l-pajjiżi li huma importaturi netti tal-ikel huma dawk l-aktar milquta miż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u li ħafna minn dawn il-pajjiżi huma l-anqas żviluppati fid-dinja; jerġa jafferma l-fatt li l-faqar u d-dipendenza fuq ikel importat huma kawżi ewlenin għan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel;
17. Hu allarmat bil-kriżi finanzjarja globali attwali; jistieden lill-Kummmissjoni biex tanalizza l-effetti tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur agrikolu u biex tikkunsidra proposti biex tiġi żgurata l-istabilità tas-settur, inkluż il-kwistjoni tal-aċċess għas-self u l-garanziji tal-kreditu;
18. Jemmen li l-PAK għandha tibqa' l-element importanti tal-politika tas-sigurtà tal-ikel tal-UE issa u wara l-2013; huwa tal-opinjoni li sistema ekoloġika li taħdem, artijiet fertili, riżorsi tal-ilma stabbli u ekonomija rurali polivalenti huma indispensabbli għas-sigurtà tal-ikel fit-tul;
19. Jerġa jafferma li s-sigurtà tal-ikel hija responsabbiltà nazzjonali u li kwalunkwe pjanijiet għall-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà tal-ikel għandhom jiġu artikulati, mfassla u mmexxija fuq livell nazzjonali u fil-pussess tan-nazzjonijiet, u mibnija skont konsultazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin kollha; jenfasizza li s-sigurtà tal-ikel għandha prijorità għolja u għandha tiġi riflessa fil-programmi u l-baġits nazzjonali;
20. Jappoġġa r-riċerka għall-ikel u l-agrikoltura, inkluż riċerka għall-adattament u t-taffija tat-tibdil fil-klima, u l-aċċess għal riżultati u teknoloġiji ta' riċerka fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali; iħeġġeġ sistemi ta' riċerka nazzjonali, b'mod partikolari fl-Afrika, għall-qsim tal-informazzjoni u l-aqwa prattiċi; jitlob aċċess għall-għarfien; jitlob għal titjib fil-kwalità tal-istatistika agrikola nazzjonali u twissija bikrija u sistemi ta' previżjonijiet li jiġbdu l-attenzjoni għan-nuqqas potenzjali ta' sigurtà tal-ikel u l-vulnerabilità, biex b'hekk tkun ipprovduta bażi soda għall-politika u l-istrateġiji agrikoli;
21. Itenni l-impenn tiegħu lejn l-investiment fit-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-agrikoltura u l-produzzjoni tal-azjendi agrikoli;
22. Jenfasizza l-importanza ta' riċerka finanzjata minn fondi pubblici li tgħin biex tippromwovi s-sigurtà tal-ikel; jitlob li jkun hemm investiment fir-riċerka mhux biss f’teknoloġiji ġodda individwali iżda wkoll f’sistemi ta’ biedja komprensivi li se jservu l-għan ta' sigurtà tal-ikel għal perjodu ta’ żmien twil; jenfasizza f’dan ir-rigward l-irwol ta’ pijunier li jista’ jilgħab f'dan il-qasam, pereżempju, permezz ta’ pjattaforma teknoloġika tal-UE għar-riċerka agrikola ekoloġika;
23. Iqis li wieħed mill-ostakli serji għaż-żieda fil-produzzjoni agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa n-nuqqas ta’ aċċess mill-bdiewa żgħar għas-self u l-mikrokrediti biex jinvestu fi żrieragħ, fertilizzanti u mekkaniżmi ta’ irrigazzjoni aħjar; jenfasizza, barra minn dan, il-kwistjoni tal-garanziji tas-self, li f’ħafna każi mhumiex disponibbli; jistieden lill-Bank Ewropew għall-Investiment biex jara kif jista' jipprovdi programmi għall-produtturi lokali tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’garanziji tas-self li jappoġġaw l-aċċess għall-kreditu u l-mikrokreditu;
24. Jagħraf in-numru dejjem jonqos ta' bdiewa żgħażagħ; jitlob għal iktar appoġġ biex iħeġġeġ liż-żgħażagħ jaħdmu fil-qasam tal-agrikoltura u jtenni li hemm għajnuna finanzjarja disponibbli għalihom;
25. Jemmen li hemm ħtieġa ta' iktar riċerka agrikola, sabiex tiżdied il-produttività sostenibbli tal-azjendi agrikoli, u jitlob lill-Istati Membri jisfruttaw l-opportunitajiet offerti lilhom f'dan ir-rigward mis-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.