Dokument ta' sessjoni

 

9.12.2009                                                                                                                B7‑0187/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Véronique De Keyser, Thijs Berman, Ana Gomes, Richard Howitt

f'isem il-Grupp S&D

 

B7‑0187/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008 dwar ir-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fil-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo[1],

 

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo: il-ġlied fiz-zoni tal-fruntiera tal-Lvant[2],

 

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-Kivu ta' Fuq[3],

 

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Novembru 2007 tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP u l-UE dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikulari fil-lvant u l-impatt fuq ir-reġjun,

 

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar ir-rispons tal-UE għas-sitwazzjonijiet ta' fraġilità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[4],

 

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2007 bl-isem "Lejn reazzjoni tal-UE għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità – l-involviment f’ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità u l-paċi ( COM(2007)0643 ) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni anness miegħu ( SEC(2007)1417 ),

 

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Ottubru 2005 dwar ir-Riżultati tas-Samit Dinji tal-2005, u b'mod partikolari l-paragrafi 138 sa 140 dwar ir-responsabilità tal-ħarsien tal-popolazzjonijiet,

 

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2009 dwar ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar,

 

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-RDK,

 

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, 1856(2008) dwar il-mandat tal-MONUC,

 

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

 

A.     billi l-ġlied bejn l-armata tal-Kongo, it-truppi ribelli tal-Ġeneral Laurent Nkunda li tneħħa mill-armata, u l-ġellieda tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tal-Irwanda (FDLR) kif ukoll it-truppi tal-Armata ta' Reżistenza Lord (LRA) tal-Uganda ġab tbatija kbira għall-popolazzjonijiet ċivili tar-reġjun tal-provinċji tal-Lvant tar-RDK għal bosta xhur,

 

B.     billi mill-1998 'l hawn il-kunflitt li qed jolqot l-RDK qatel 5 400 000 persuna, u billi qed ikompli jkun il-kawża, b’mod dirett jew indirett, ta' 45,000 mewta kull xahar,

 

C.     billi skont ir-rapporti tal-UNHCR hemm madwar 1,460,000 persuna li sfat sposta (IDPs) fir-RDK, li minnhom 980,000 huma fil-Kivu ta' Fuq,

D.     billi l-organizzazzjonijiet umanitarji huma bħalissa responsabbli għal 200 000 refuġjat fil-kampijiet madwar il-belt ta' Goma u jagħtu stima li jista' jkun hemm sa miljun persuna ċivili mistoħbija fil-foresti sabiex jaħarbu mill-vjolenza; billi s-sitwazzjoni fil-kampijiet tar-refuġjati għadha sejra għall-agħar,

 

E.     billi l-Missjoni tan-NU fir-RDK (MONUC) għandha mandat, skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, biex tuża l-mezzi kollha meħtieġa ħalli toħloq deterrent għal kull tentattiv ta' użu tal-forza min-naħa ta' gruppi armati barranin jew Kongoliżi, li jkunu jheddu l-proċess politiku, u biex tiżgura l-ħarsien tal-pajżani li jkunu f'theddida imminenti ta' vjolenza fiżika,

 

F.     billi l-operazzjonijiet militari sa minn Jannar 2009, inkluża l-Operazzjoni Kimia II, wasslu għad-diżarm ta’ 1,243 kombattent tal-FDLR (minn total stmat ta’ 6,000), minkejja li l-FDLR għadu għaddej bir-reklutament u għandu l-ħila jinizja attakki qerrieda fuq il-pajżani,

 

G.     billi s-suldati tal-armata Kongoliża sfaw implikati fil-mewt ta’ aktar minn 500 pajżan sa mill-bidu tal-Operazzjoni Kimia II u billi għadhom sejrin l-istupri, ir-reklutament forzat tal-pajżana u t-tfal reklutati bħala suldati u l-abbużi gravi tal-jeddijiet tal-bniedem fil-partijiet tal-lvant tar-RDK, kemm mit-truppi ribelli, il-kombattenti tal-FDLR kif ukoll l-armata Kongoliża nnifisha,

 

H.     billi l-President Kabila talab li sat-30 ta’ Ġunju 2010 jkunlu sottomess pjan għall-irtirar tat-truppi MONUC,

 

I.      billi l-UNHCR irrappurtat li mewġa ġdida ta’ ġlied wasslet 21,800 persuna, l-aktar mill-etnija Munzaya, jabbandunaw djarhom f’Dongo u l-madwar biex isibu rifuġju fir-Repubblika tal-Kongo[5],

 

J.      billi l-armata Kongoliża għad għandha riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji limitati biex twettaq il-kompiti tagħha fil-provinċji tal-lvant tar-RDK, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' dixxiplina qalb ir-rangi tagħha, li jissokta jtellifha fir-rwol tagħha li tħares il-popolazzjoni u tirripristina l-paċi,

 

K.     billi, skont ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU (OCHA), fl-2009 b’kollox seħħew 108 attakk kontra l-operaturi umanitarji, inklużi omiċidji, ħtif, serq ta’ vetturi u beni oħra, b'awment nett apparagun tal-2008,

 

L.     billi bosta organizzazzjonijiet umanitarji sfaw kostretti jissospendu l-attivitajiet tagħhom u li fil-Kivu ta’ Fuq l-operaturi umanitarji jinsabu fl-impossibilità li jilħqu mill-anqas 70% tal-persuni fi stat ta’ neċessità,

 

M.    billi biex titjieb b’mod sinifikattiv is-sanità u titnaqqas ir-rata tal-mortalità, fir-RDK in ġenerale, u b’mod partikolari fil-provinċji tal-lvant, se jkunu neċessarji snin ta’ impenn sostenut u investimenti finanzjari kbar, kemm min-naħa tal-Gvern Kongoliż kemm min-naħa tal-komunità internazzjonali, minkejja l-kriżi finanzjarja globali,

 

1.      Jitlob li jintemmu minnufih il-vjolenzi u l-vjolazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem fiz-zoni tal-lvant tar-RDK; jisħaq dwar in-neċessità ta' impenn ulterjuri biex jieqfu l-azzjonijiet tal-gruppi armati barranin, u b'mod partikolari tal-FDLR, fil-parti tal-lvant tal-pajjiż; jistieden lill-gvernijiet tar-RDK u tal-Istati l-oħrajn fir-reġjun jieħdu l-miżuri neċessarji biex dan kollu jinkiseb;

 

2.      Għadu mħasseb sew bid-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fiz-zon tal-lvant tar-RDK – wara l-atroċitajiet kommessi mill-FDLR, mil-LRA imma wkoll mill-armata Kongoliża kontra l-popolazzjoni lokali –, bir-rapporti reċenti li skonthom suldati Kongoliżi qatlu deliberatament almenu 270 pajżan fl-ibliet ta’ Nyabiondo u Pinga, fil-Kivu ta’ Fuq, bħalma wkoll bl-iskontri reċenti li fir-reġjuni tal-punent wasslu lil 21,800 persona jabbandunaw djarhom f’Dongo u fil-madwar;

 

3.      Huwa mħasseb partikolarment għall-parteċipazzjoni tal-MONUC fl-operazzjoni Kimia II maġenb l-armata Kongoliża u dwar ir-rapporti reċenti ta’ koinvolġiment tal-MONUC fl-atroċitajiet; jirrikonoxxi b’danakollu li l-preżenza tal-MONUC għadha neċessarja u jitlob li jkun jsir kulma hu possibbli ħalli jiżvolġi bis-sħiħ il-mandat tiegħu li jħares lill-persuni minaċċjati; jistieden, għal dan l-objettiv, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jagħti l-appoġġ tiegħu lill-MONUC biex isaħħaħlu l-kapaċitajiet operattivi u jiddefinilu aħjar il-prijoritajiet tiegħu, li bħalissa huma 41;

 

4.      Jiddeplora bl-isħaħ mod il-massakri, ir-reati kontra l-umanità u l-vjoleni sesswali kontra nisa u xebbiet li għadhom jitwettqu fil-provinċji tal-lvant; jitlob, f’dan il-kuntest, lill-awtoritajiet kompetenti kollha jadottaw miżuri immedjati biex iwasslu lill-awturi ta’ dawn ir-reati quddiem il-ġustizzja u mill-ġdid jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu b’urġenza dawk il-provvedimenti kollha li jwasslu għall-prevenzjoni effettiva ta’ kull attakk ulterjuri kontra l-popolazzjoni ċivili tal-provinċji tal-lvant tar-RDK;

 

5.      Jappella lill-atturi kollha jintensifikaw il-battalja kontra l-impunità u jaffermaw l-istat tad-dritt, b’mod partikolari billi jissielet kontra l-istupri ta’ nisa u xebbiet u r-reklutament ta’ tfal bħala suldati; jitlob lill-Gvern tar-RDK biex jiżgura li dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali jinżammu responsabbli u biex jikkopera bis-sħiħ mal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

 

 

6.      Jisħaq dwar in-neċessità li tkun ikkumbattuta l-korruzzjoni u jittieħdu quddiem il-ġustizzja l- membri tal-forzi armati Kongoliżi responsabbli mill-vjolazzjonijiet tal-jeddijiet tal-bniedem, u jisħaq fuq ir-rwol kruċjali li l-MONUC għandha f’dan permezz tal-ippjanar u t-twettiq flimkien tal-operazzjonijiet kif ukoll permezz ta' mekkaniżmi adegwati ta' responsabilità għall-abbużi u s-serq tal-pagi tas-suldati;

 

7.      Jissottolinja l-importanza li l-kmandanti u s-suldati tal-armata Kongoliżi jiġu sottoposti għal verifiki rigorużi; jilqa’, f’dan il-kuntest, id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill dwar l-azzjoni komuni marbuta mal-missjoni ta’ konsulenza u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà, imsejħa EUSEC RD Congo; tenni li biex tkun riformata l-armata Kongoliża u titjieb id-dixxiplina huma indispensabbli t-taħriġ u s-salarji dekorużi;

 

8.      Jistenna li l-awtoritajiet Kongoliżi jimxu mal-impenn tagħhom li jorganizzaw l-elezzjonijiet lokali ppjanati u li jiggarantixxu li jiġu ffinanzjati; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħmlu kulma hu possibbli biex isostnu l-proċess elettorali, biex jagħtu sostenn għalbiex jiġu affrontati l-problemi tal-governance, in-nuqqas ta’ trasparenza, u l-vjolazzjoni tal-jeddijiet ċivili u politiċi fil-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Kongoliżi;

 

9.      Iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar u lill-komunità internazzjonali sabiex jibdew djalogu bl-iskop li jikkordinaw l-isforzi biex titwaqqaf il-vjolenza fil-partijiet tal-Lvant tar-RDK, b'attenzjoni speċjali għar-rikonċiljazzjoni, is-sigurtà tal-persuni, ir-responsabilizzazzjoni ġudizzjarja aħjar, u r-ritorn u l-integrazzjoni ta' refuġjati u persuni spostati internament;

 

10.    Jilqa’ bi pjaċir il-progress miksub fir-reġjun grazzi għat-titjib fir-relazzjonijiet diplomatiċi bilaterali bejn ir-RDK u r-Rwanda; jistieden liż-żewġ pajjiżi jimplimentaw fis-sħiħ l-akkordji ta' paċi ta' Najrobi u Goma kif ukoll l-akkordju ta' Ihusi tat-23 ta’ Marzu 2009;

 

11.    Jisħaq dwar l-importanza tal-Konferenza internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar u tal-Komunità Ekonomika tal-Pajjiżi tal-Lagi l-Kbar fil-kontribut għall-paċi u fil-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun; jinkoraġġixxi għalhekk il-proġetti ta' żvilupp transfronterjali mar-Rwanda bħala parti mill-qafas tal-Komunità Ekonomika tal-Pajjiżi tal-Lagi l-Kbar;

 

12.    Jiddepolora l-atti ta’ vjolenza kulma jiżdiedu fil-konfront tal-persunal tal-organizzazzjonijiet tal-assistenza, li għandhom riperkussjonijiet peżanti fuq is-sitwazzjoni umanitarja fil-post; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' Kivu tat-Tramuntana biex iniedu investigazzjoni ta' kull inċident individwali u jitlob li tizdied immedjatament il-protezzjoni;

 

13.    Jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament akbar u kontinwat fl-assistenza umanitarja fir-RDK tal-lvant, minħabba l-għadd kulma jmur jiżdied tal-persuni spostati internament u l-kondizzjonijiet kulma jiddeterjoraw; għal dan il-fini, jagħti l-appoġġ tiegħu għall-appell imniedi fit-30 ta’ Novembru 2009 min-NU, flimkien ma’ 380 organizzazzjoni tal-assistenza u NGO ħalli jinġabru $ 7.1 biljun għall-ħidma umanitarja fl-2010; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jagħtu s-sehem tagħhom;

 

14.    Għadu mħasseb dwar il-kummerċ illegali mill-gruppi ribelli fil-minerali u riżorsi naturali oħra fil-Lvant tar-RDK; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex f'taħditiet mal-gvernijiet tar-RDK u l-pajjiżi ġirien jinsistu dwar l-implimentazzjoni ta' sistemi effettivi ta' traċċabilità u provi tal-oriġini tar-riżorsi naturali;

 

15.    Jikkundanna bil-qawwa kollha, barra minhekk, il-kundanna għall-piena kapitali ta' ċittadin Brittanniku u ieħor Norveġiż, Tjostolv Moland u Joshua French, f’Kinshasa fit-3 ta’ Diċembru; jeżiġi li s-sentenza tagħhom tkun irrevokata u li jgħaddu minn proċess ġudizzjarju ġust;

 

16.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Sotto Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur ta' Għajnuna ta' Emerġenza, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar.

[1] Testi adottati ta' dik id-data, P6_TA(2008)0563
[2] Testi adottati ta' dik id-data, P6_TA(2008)0526
[3] Testi adottati f'dik id-data, P6_TA(2008)0072
[4] Testi adottati ta' dik id-data, P6_TA(2007)0540
[5]4 http://www.unhcr.org/4af9522a9.html