Dokument ta' sessjoni

 

9.12.2009                                                                                                                B7‑0188/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija b'talba għal tweġiba orali B7‑0232/2009

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-prospettivi għall-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA) wara s-Seba' Konferenza Ministerjali tad-WTO

Georgios Papastamkos, Daniel Caspary, Tokia Saïfi

f'isem il-Grupp PPE

Robert Sturdy

f'isem il-Grupp ECR

 

B7‑0188/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prospettivi għall-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA) wara s-Seba' Konferenza Ministerjali tad-WTO

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tar-Rawnd ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar is-sospensjoni tar-Rawnd ta’ Doha tad-WTO u l-futur tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp[2],

–   wara li kkunsidra l-impenn mill-mexxejja dinjija tal-G20 fis-samits riċenti li jżommu status quo u li ma joħdux miżuri li jintroduċu ostakli għall-kummerċ u l-investiment u li jirrettifikaw kwalunkwe miżura bħal din immedjatament,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tas-Seba' Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ġinevra (30 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru 2009),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-Rawnd ta' Doha għall-Iżvilupp tnieda fl-2001 bil-għan li joħloq opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ, issaħħaħ ir-regoli kummercjali multilaterali, jindirizza l-iżbilanċi attwali fis-sistema kummerċjali, filwaqt li jiżgura li l-kummerċ jaqdi l-iżvilupp sostenibbli, b'enfasi fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDCs),

B.  billi l-kummerċ internazzjonali ġie affettwat b'mod partikolarment qawwi mill-kriżi ekonomika, filwaqt li l-flussi kummerċjali naqsu saħansitra b'mod aktar sinifikanti mill-produzzjoni globali,

C. billi jekk ikun hemm titjib fir-regoli tad-WTO dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u dwar kwistjonijiet oħrajn relatati mal-kummerċ, dan ikun vantaġġuż għall-membri kollha tad-WTO minħabba li titjieb iċ-ċertezza legali, jonqsu l-ispejjeż ta' tranżazzjonijiet kummerċjali u jiġi evitat l-użu abbużiv,

D. billi l-isem "Unjoni Ewropea" ntuża għall-ewwel darba fid-WTO fis-sessjoni ta' ħidma tal-1 ta' Diċembru 2009 waqt is-Seba' Konferenza Ministerjali, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona,

1.  Itenni l-impenn tiegħu favur is-sistema ta’ kummerċ multilaterali u d-WTO bħala l-organizzazzjoni li tiggarantixxi sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli; jemmen li d-WTO għandha rwol ċentrali biex jiġi żgurat li jkun hemm ġestjoni aħjar tal-globalizzazzjoni u tqassim aktar ġust tal-benefiċċji tagħha;

2.  Huwa tal-fehma li, fil-kriżi ekonomika attwali, ir-regoli u l-impenji tad-WTO impedixxew b’mod sostanzjali li l-Istati Membri jirrikorru għal miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ, filwaqt li ppermettew li jkun hemm flessibilità fl-adozzjoni ta' miżuri għall-irkupru ekonomiku;

3.  Iħeġġeġ lill-Membri tad-WTO biex jibqgħu impenjati b'mod attiv kontra l-protezzjoniżmu fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali u l-ftehimiet futuri kollha tagħhom;

4.  Jirrikonoxxi l-progress li sar fl-Aġenda ta' Doha għall-Izvilupp mill-Konferenza Ministerjali ta' Ħong Kong 'l hawn; jinnota l-impenn muri matul l-aħħar Konferenza Ministerjali f'Ġinevra;

5.  Jappoġġja b'mod qawwi l-konklużjoni tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp fuq il-bażi ta' riżultat komprensiv, ambizzjuż u bbilanċjat tan-negozjati, għall-benefiċċju kemm tat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp madwar id-dinja kollha, kif ukoll tal-kredibilità tas-sistema kummerċjali multilaterali; jemmen li konklużjoni b’suċċess tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp tista’ tkun parametru importanti biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku madwar id-dinja kollha wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm pożizzjoni soda ta' negozjar immirata lejn aċċess għas-suq ġenwinament imsaħħaħ għall-prodotti u s-servizzi Ewropej kemm fl-ekonomiji żviluppati kif ukoll f'dawk emerġenti;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonforma b’mod strett mal-mandat għan-negozjar mogħti lilha mill-Kunsill, li jiffissa r-riforma tal-PAK li tlestiet diġà bħala l-limitu għall-azzjoni tagħha, sakemm jinkisbu konċessjonijiet ekwivalenti mill-imsieħba kummerċjali tagħha, u sabiex tiddefendi bil-qawwa l-pożizzjoni tal-UE dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi;

8.  Jitlob li jkun hemm riżultati ambizzjużi fin-negozjati dwar l-aċċess għas-suq mhux agrikolu (NAMA), li garantixxu opportunitajiet reali ġodda ta’ aċċess għas-suq permezz ta’ tnaqqis sostanzjali fir-rati applikati, filwaqt li jippermettu trattament speċjali u divrenzjat; jiffavorixxi t-twettiq ta’ inizjattivi settorjali fl-oqsma ta' interess ta' esportazzjoni għall-UE;

9.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi avvanzati li qed jiżviluppaw biex jerfgħu r-responsabilità tagħhom bħala protagonisti ekonomiċi globali u jagħtu konċessjonijiet paragunabbli mal-livell ta' żvilupp u kompetittività (settorjali) tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-kummerċ kemm bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, kif ukoll bejn il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw;

10. Jitlob li jkun hemm divrenzjar xieraq fost pajjiżi avvanzati u oħrajn li qed jiżviluppaw, u skambju tal-aħjar prattiki fosthom u mal-pajjiżi żviluppati;

11. Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu sabiex l-iżvilupp jitqiegħed fil-qalba tal-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp, u jistieden lill-pajjiżi żviluppati, kif ukoll lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw aktar avvanzati, sabiex jiksbu l-għanijiet stipulati fid-Dikjarazzjoni ta’ Doha ħalli jiżguraw li r-rawnd kummerċjali attwali jkun rawnd ta’ żvilupp;

12. Jitlob lill-pajjiżi żviluppati u lil dawk li qed jiżviluppaw aktar avvanzati biex isegwu l-inizjattiva Kollox barra l-Armi tal-UE, li toffri aċċess għas-suq mingħajr l-ebda dazju u mingħajr l-ebda kwota għal-LDCs; jenfasizza wkoll l-importanza ta' qafas imsaħħaħ għall-Għajnuna għall-Kummerċ u ta’ assistenza teknika adegwata sabiex jiġu megħjuna l-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

13. Jitlob li jkun hemm intensifikazzjoni tat-taħditiet fil-qasam tas-servizzi, fejn l-objettiv li qed tfittex l-UE huwa l-ftuħ ulterjuri tas-swieq kollha, filwaqt li jinżammu l-objettivi ta’ politika nazzjonali tal-Membri tad-WTO u d-dritt tagħhom li jirregolaw is-servizzi pubbliċi, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

14. Jitlob li jkun hemm koperazzjoni msaħħa bejn id-WTO u organizzazzjonijiet u entitajiet internazzjonali oħrajn bħall-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura (FAO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp (UNDP) u l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD), sabiex jiġi żgurat appoġġ reċiproku u konsistenza bejn l-interessi kummerċjali u dawk mhux kummerċjali; f’dan il-kuntest jappoġġja l-isforzi li jimmiraw għall-adozzjoni ta’ standards internazzjonali u koperazzjoni regolatorja;

15. Jinnota li hija meħtieġa riflessjoni dwar riforma istituzzjonali tad-WTO, imfassla sabiex jitjieb l-operat tagħha kif ukoll il-leġittimità demokratika u r-responsabilità diretta tagħha; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza ta’ dimensjoni parlamentari għad-WTO, b’mod partikulari fir-rigward tal-Parlament Ewropew minħabba ir-rwol il-ġdid tiegħu fil-qasam tal-Politika Kummerċjali Komuni;

16. Jappoġġja t-tisħiħ tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bilaterali u reġjonali (WTO-plus) eżistenti u l-konklużjoni ta’ oħrajn ġodda biex jikkumplementaw il-qafas multilaterali;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti, lid-Direttur Ġenerali tad-WTO u lill-President tal-Unjoni Inter-Parlamentari.

 

[1] Testi adottati f’dik id-data, P6_TA(2006)0123
[2] Testi adottati f’dik id-data, P6_TA(2008)0471