Dokument ta' sessjoni

 

9.12.2009                                                                                                                B7‑0191/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0230/2009 u B7‑0231/2009

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar it-titjib meħtieġ fil-qafas legali tal-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001

Heidi Hautala

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B7‑0191/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-titjib meħtieġ fil-qafas legali tal-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-artikoli tagħha li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet li saru fid-9 ta' Novembru 2009 lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar it-titjib meħtieġ fil-qafas legali tal-aċċess għad-dokumenti wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ( O-0123/2009 – B7‑0231/2009 , O-0122/2009 – B7‑0230/2009 ), u wara li kkunsidra d-dibattitu fis-sessjoni plenarja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni 'tqiegħed il-persuna fil-qalba tal-attivitajiet tagħha, billi tistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u billi toħloq żona ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja' (Preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), u billi 'kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, tkun xi tkun l-għamla tagħhom' (Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali),

B.  billi t-Trattat ta' Lisbona mmodifika mhux biss il-bażi legali tar-Regolament li jirregola l-aċċess għad-dokumenti, iżda wkoll il-kuntest legali li r-Regolament għandu jopera fih, b'mod partikulari fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ċ-ċittadin[1],

C. billi din ir-relazzjoni minn issa 'l quddiem għandha tkun imfassla fuq il-prinċipji demokratiċi mniżżla fit-Titolu II l-ġdid tal-TEU, li jgħid li 'l-Unjoni għandha tosserva l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ugwali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tagħha' (Artikolu 9) u li 'kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin.' (Artikolu 10(3)),

D. billi l-integrazzjoni sħiħa tal-Komunità Ewropea fl-UE, kif ukoll it-tneħħija tar-reġim intergovernattiv li kien għadu japplika għall-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, kienu mmexxija 'l quddiem mir-rieda tal-Istati Membri 'li jkomplu jkabbru l-funzjonament demokratiku u effiċjenti tal-istituzzjonijiet',

E.  billi issa, skont dan il-qafas legali ġdid, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE u mhux biss il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (li diġà kienu marbuta mill-Artikolu 255 tat-Trattat KE ta' qabel) għandhom jagħmlu l-ħidma tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ (Artikolu 15(1) tat-TFEU),

F.  billi skont it-TEU l-ġdid u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja[2], it-trasparenza u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili huma kundizzjonijiet essenzjali għall-promozzjoni tat-tmexxija tajba tal-istituzzjonijiet tal-UE, bħalma hi 'l-effikaċja tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet',

G. billi skont il-prinċipji bażiċi tad-demokrazija ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu jafu l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li jsegwuh, u billi skont dawn il-prinċipji t-tisħiħ fit-trasparenza għandu jkun iggarantit mill-istituzzjonijiet tal-UE u mir-rappreżentanti tal-Istati Membri meta jkunu qed jaġixxu bħala membri tal-Kunsill qabel, matul u wara l-proċess leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet, biex iċ-ċittadini tal-UE u l-parlamenti nazzjonali jkollhom fehim komprensiv dwar min qed jagħmel xiex u għaliex u biex ikunu jistgħu jissorveljaw l-attivitajiet tar-rappreżentanti tagħhom,

H. billi l-Istituzzjonijiet tal-UE 'għandhom jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jsemmgħu l-fehmiet tagħhom u li jiskambjawhom fil-pubbliku fl-oqsma ta' azzjoni kollha tal-Unjoni' u 'għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili' (Artikolu 11(1) u (2) tat-TEU),

I.   billi t-Trattat ta' Lisbona jsejjaħ għal iżjed titjib fit-trasparenza u fl-aċċess pubbliku għad-dokumenti, u billi l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà għenet ħafna fil-kjarifika ta' diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, sabiex dawn issa jkunu jistgħu jiġu interpretati b'mod konformi mal-interpretazzjoni li kien ta l-Parlament fir-rigward tal-aċċess iżjed faċli għad-dokumenti meta r-Regolament kien ġie adottat; billi l-Parlament m'hu ser iħalli l-ebda tentattiv leġiżlattiv mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill biex jonqos l-aċċess pubbliku għad-dokumenti jew biex jitreġġa' lura d-dritt taċ-ċittadini għall-kisba tal-informazzjoni,

J.   billi l-prinċipji tal-ħidma fil-miftuħ u tat-trasparenza għandhom imexxu mhux biss il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet iżda wkoll il-mod kif jitfassal test u kif ikun it-test ikun akkumpanjat mill-informazzjoni kollha meħtieġa biex jissodisfa l-kriterji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà, fl-interess taċ-ċittadini tal-UE u tal-parlamenti nazzjonali, u billi dan għandu japplika wkoll għall-ġudikatura; billi t-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti għandu jkun iggarantit fir-rigward tal-mod kif ikunu implimentati l-politiki tal-UE fil-livelli kollha u tal-mod kif jintużaw il-fondi tal-UE,

K. billi l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-ħidma li ssir fil-miftuħ u b'trasparenza 'tikkontribwixxi lejn l-għoti ta' aktar leġittimità lill-istituzzjonijiet fil-fehma taċ-ċittadini Ewropej u ttejjeb il-fiduċja tagħhom fihom billi tippermetti li jkun hemm dibattitu bil-miftuħ dwar id-diverġenzi bejn opinjonijiet differenti'. Fil-fatt, huwa pjuttost in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ dibattitu li jistgħu jqajmu dubji f’moħħ iċ-ċittadini, mhux biss fir-rigward tal-legalità ta’ att iżolat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-intier tiegħu' (Każi Konġunti C-39/05 u C-52/05, Paragrafu 59),

L.  billi l-miżuri legali, finanzjarji u operattivi tant mistennija issa għandhom jittieħdu sabiex id-dokumenti rilevanti kollha li jkollhom x'jaqsmu ma' proċedura leġiżlattivi speċifika jsiru aċċessibbli b'mod ċar u fil-ħin, kemm jekk joriġinaw minn dipartimenti interni u kemm jekk joriġinaw minn gruppi esterni interessati, u billi din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli fuq websajt tal-Internet interistituzzjonali li tqabbad ma' xulxin il-bażijiet tad-data interni tal-Istituzzjonijiet (bħall-websajt EUR-LEX tal-OPOCE li għadha kif ittejbet); billi fid-dawl ta' dan kollu r-regolamenti interni għandhom ikunu emendati minnufih u l-ftehimiet interistituzzjonali għandhom ikunu nnegozjati bla dewmien abbażi tal-Artikolu 295 tat-TFEU,

M. billi r-responsabilitajiet l-ġodda tal-Unjoni Ewropea, u b'mod speċjali tal-Parlament Ewropew, f'oqsma bħall-ftehimiet internazzjonali rigward il-koperazzjoni ġuridika u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, jeħtieġu qafas legali rivedut fir-rigward tal-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li għandu jinkludi sorveljanza sħiħa mill-Parlament Ewropew bħala r-rappreżentant taċ-ċittadini tal-Ewropa,

1.  Iqis li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu jiġi aġġornat b'mod urġenti sabiex isir 'Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni', b'mod speċjali billi:

(a)  jitwessa' l-ambitu tiegħu ħalli jkopri l-istituzzjonijiet, l-uffiċċji u l-aġenzija kollha tal-UE li bħalissa m'humiex koperti, bħall-Kunsill Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-Eurojust;

(b)  jiġu emendati d-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' proċeduri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi abbażi tad-definizzjonijiet il-ġodda li hemm fit-Trattati;

(c)  isir aġġornament, abbażi tal-każistika riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, tar-regoli li jirrigwardaw b'mod speċjali t-trattament ta' dokumenti, informazzjoni u data interni, ħalli jiġi żgurat aċċess usa' għall-fehmiet tas-Servizz Legali li jkunu tfasslu fil-qafas tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, għal dokumenti u informazzjoni li jirrigwardaw lill-Istati Membri meta dawn jaġixxu bħala membri tal-Kunsill - inklużi l-atti, il-proposti u l-emendi mressqa, it-traskrizzjonijiet tal-laqgħat tagħhom, il-pożizzjonijiet u l-voti mitfugħa fil-Kunsill, inklużi fil-gruppi ta' ħidma u l-gruppi ta' esperti tiegħu - il-protezzjoni tad-data personali u tal-interessi kummerċjali, il-kontenut tal-bażijiet tad-data tal-istituzzjonijiet, eċċ;

(d)  l-għoti ta' aċċess xieraq għall-informazzjoni disponibbli fl-istituzzjonijiet tal-UE li jippermetti li ssir valutazzjoni oġġettiva tal-implimentazzjoni tar-regoli, l-atti, il-miżuri u l-programmi tal-UE fl-Istati Membri; l-iżgurar li tingħata t-trasparenza finanzjarja fir-rigward ta' informazzjoni dettaljata li tirrigwarda l-baġit tal-UE, l-implimentazzjoni tiegħu u l-benefiċjarji tal-fondi u tal-għotjiet tal-UE;

(e)  jiġu stabbiliti, fi proċedura trasparenti u b'konformità sħiħa mal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, il-prinċipji u r-ristrizzjonijiet ġenerali abbażi ta' interessi pubbliċi jew privati li jillimitaw l-aċċess għad-dokumenti kklassifikati bħala 'Sigritissimi', 'Sigrieti' jew 'Kunfidenzjali', sabiex jiġu protetti l-interessi essenzjali tal-UE (b'mod partikulari s-sigurtà, id-difiża u kwistjonijiet militari);

(f)  issir definizzjoni tal-prinċipji li jistgħu jiġu żviluppati permezz ta' ftehimiet interistituzzjonali abbażi tal-Artikolu 295 tat-TFEU bil-ħsieb li ssir implimentazzjoni kkoordinata tar-regolament il-ġdid dwar leġiżlazzjoni aħjar;

2. Jiddeplora l-fatt li, minkejja t-talbiet ċari li għamel fil-11 ta' Marzu 2009:

    -     l-Kummissjoni ma ppreparat l-ebda verżjoni modifikata tal-proposta leġiżlattiva tagħha COM(2008)0090 u li fit-2 ta' Diċembru 2009, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, approvat komunikazzjoni ( COM(2009)0665 ) li aġġornat biss il-bażi legali tal-proposta oriġinali u evitat kwalunkwe modifika tal-kontenut tagħha;

    -     l-Kunsill ma għamel l-ebda dibattitu politiku jew ħa xi passi konkreti biex jikkonforma mal-proposti tal-PE (li wħud minnhom issa huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat il-ġdid) u kkuntenta ruħu biss billi jadatta r-regoli interni tiegħu b'mod minimu;

3.  Jistieden lill-Presidenza attwali u lil dik li jmiss biex tniedi djalogu interistituzzjonali immedjat fuq livell politiku bil-ħsieb li jitfassal ir-regolament il-ġdid li jirregola l-aċċess għad-dokumenti kemm jista' jkun malajr;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

[1] Opinjoni tas-Servizz Legali tal-PE tal-10 ta' Ottubru 2009, paragrafu 3.
[2] Kif qalet il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-każ Turco (każi konġunti C-39/05 P u C-52/05 P), 'it-trasparenza (...) tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f'sistema demokratika'.