Dokument ta' sessjoni

 

1.2.2010                                                                                                                  B7‑0064/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-eżitu tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 15)

Corien Wortmann-Kool, Karl-Heinz Florenz, Richard Seeber, Peter Liese, Vera Pilar del Castillo, Romana Jordan Cizelj, Sirpa Pietikäinen, Theodoros Skylakakis, Maria Da Graça Carvalho,

f’isem il-Grupp PPE

B7‑0064/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 15)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta’ Kyoto għall-UNFCCC,

–   wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet (COP 15) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) u l-ħames Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP 5) li saret f'Kopenħagen, fid-Danimarka, mis-7 sat-18 ta’ Diċembru 2009, u l-Ftehim li finalment ġie ffirmat,

–   wara li kkunsidra l-pakkett dwar il-klima u l-enerġija adottat mill-Parlament fis-17 ta' Diċembru 2008, b'mod partikulari d-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra[1] u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu rigward it-tibdil fil-klima, u b’mod partikulari dawk tal-4 ta’ Frar 2009 dwar ‘l-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima’[3] u tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar ‘Strateġija tal-UE favur ftehim komprensiv dwar il-bidla fil-klima f'Kopenħagen u l-finanzjament xieraq tal-politika dwar il-bidla fil-klima’[4],

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali ta’… lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 15) ( O-0000/2009 – B7-0000/2009 , O-0000/2009 – B7 - 0000/2009),

–   wara li kkunsidra s-seduta ta’ smigħ tal-15 ta’ Jannar 2010 tal-Kummissarju nnominat għall-Azzjoni dwar il-Klima, is-Sa Connie Hedegaard,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Eżitu tas-Samit ta’ Kopenħagen dwar it-tibdil fil-klima, magħmula fl-20 ta’ Jannar 2010,

–   wara li kkunsidra l-Konferenza li jmiss; il-COP-16, li se ssir fil-Messiku,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi n-negozjati dwar ftehim internazzjonali komprensiv dwar it-tibdil fil-klima għal wara l-2012 li kellhom jiġu konklużi f’Diċembru 2009 f’Kopenħagen spiċċaw bi Ftehim diżappuntanti li ma ssodisfax l-aspettattivi tal-UE,

B.  billi l-Ftehim ma kien jinkludi l-ebda ftehim li jorbot u l-ebda objettivi fuq żmien fit-tul,

C. billi l-inklużjoni espliċita tal-objettiv ta’ 2 °C fil-Ftehim tista’ titqies bħala pass storiku,

D. billi l-figuri tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet li ġew proposti mill-partijiet ma kinux biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv ta’ 2°C u billi l-impenji attwalment imwiegħda mill-pajjiżi differenti ma jistgħu bl-ebda mod jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tnaqqis tas-CO2 ddikjarati mill-IPCC li jgħidu li l-emissjonijiet tas-CO2 sal-2050 m’għandhomx ikunu ta’ aktar minn 700 sa 800 biljun tunnellata;

E.  billi l-ekonomiji emerġenti u dawk li qed jiżviluppaw kif ukoll l-Istati Uniti rrikonoxxew ir-responsabilità konġunta tagħhom u għarfu l-ħtieġa tagħhom li jimpenjaw rwieħom għal azzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet,

F.  billi l-UE ma kinitx kapaċi tesprimi r-rwol ewlieni tagħha ta’ mexxej fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u lanqas biss kienet involuta fin-negozjati finali flimkien mal-Istati Uniti, maċ-Ċina, mal-Indja, mal-Brażil u mal-Afrika t’Isfel dwar l-abbozz aħħari tal-Ftehim,

G. billi l-eżitu ta’ Kopenħagen ħalla n-negozjati internazzjonali dwar il-Klima pendenti u x-xhur li ġejjin se jkunu kruċjali sabiex tittieħed ħarsa kritika fuq ix-xhur li għaddew u b’hekk jingħelbu l-ostakli attwali fil-proċess,

1.  Jiddispjaċih għad-dgħufija tal-Ftehim li ntlaħaq fil-COP-15; jagħraf, madankollu, li dan jirrappreżenta bażi suffiċjenti għall-progress lejn it-tħejjija u s-suċċess tas-COP-16 li jmiss minħabba li fih ċerti elementi pożittivi, bħall-kunsens ġenerali li t-tisħin globali jiġi limitat għal 2°C aktar mil-livell preindustrijali, u jipprevedi reviżjoni ta’ dan l-objettiv u tal-azzjonijiet skont dan il-Ftehim sal-2015, b’referenza għall-possibilità li jiġu studjati mezzi alternattivi sabiex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm taħt il-1.5°C;

2.  Jilqa’ l-impenn tal-ekonomiji emerġenti sabiex inaqqsu l-emissjonijiet, kif ukoll ir-referenzi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jridu jippreżentaw rapporti nazzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom skont metodu ta’ verifika;

3.  Jinnota li l-Ftehim isemmi fond annwali ta’ USD 100 biljun mill-pajjiżi żviluppati sal-2020 u s-somma ta' USD 30 biljun għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw matul it-tliet snin li ġejjin (2010-2012), biex jgħinu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-istabbiliment ta’ fond klimatiku ekoloġiku għall-klima li jkun ta’ sostenn għall-proġetti li għandhom x’jaqsmu mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sakemm il-forom kollha ta’ finanzjament ikunu mmoniterjati;

4.  Jaqbel mat-twaqqif ta’ mekkaniżmu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jirriżultaw mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u għat-tisħiħ tal-assorbiment tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-foresti, u l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu ta’ Teknoloġija li jħaffef l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, u jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għar-rwol tas-swieq biex ikabbru l-effettività f’sens ta’ nefqa tal-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni;

5.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu fir-rigward tal-azzjoni dwar l-adattament, speċjalment f’dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma partikolarment vulnerabbli (speċjalment l-LDCs, l-istati li qed jiżviluppaw li huma gżejjer żgħar, u l-Afrika);

6.  Jiddispjaċih li minħabba raġunijiet ta’ politika interna, l-Istati Uniti u ċ-Ċina ma kinux lesti li jaċċettaw ftehim aktar ambizzjuż u li, flimkien ma’ xi pajjiżi terzi oħra (Kuba, in-Nikaragwa, is-Sudan u l-Venezwela) huma adottaw strateġija li biha mblukkaw in-negozjati internazzjonali bil-għan li jevitaw impenji stretti u li jorbtu, minkejja d-dinamika politika qawwija li kien hemm f’Kopenħagen;

7.  Huwa tal-fehma li jekk jitkompla d-dibattitu dwar miżuri, bħall-aġġustamenti fiskali fil-fruntieri jew sanzjonijiet oħra, dan ikun qiegħed biss jaggrava n-nuqqas ta’ qbil attwali u ma jgħin xejn sabiex jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-klima;

8.  Jiddispjaċih li l-Ftehim ta’ Kopenħagen ma jsemmi xejn dwar ftehim internazzjonali dwar l-avjazzjoni u t-tbaħħir, iżda jinnota li d-dokumenti legali li dwarhom kien hemm qbil f’Kopenħagen iżommu l-kwistjoni fl-aġenda, u jtenni l-wegħda tiegħu li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u mit-tbaħħir jiddaħħlu fi ftehim internazzjonali;

9.  Jiddispjaċih li l-UE naqset li żżomm ir-rwol tagħha ta’ mexxej fil-qafas internazzjonali, u jħeġġeġ lill-UE sabiex titgħallem mill-eżitu tal-COP-15 u, bil-għan li tinkiseb presenza Ewropea aktar magħquda, aktar deċiżiva u aktar influwenti, tikkunsidra mill-ġdida l-istrateġija tagħha sabiex iżżomm ir-rwol tagħha ta’ mexxej fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

10. Jemmen li hemm lezzjonijiet x’jittieħdu mill-eżitu tal-COP-15, sabiex ikunu jistgħu jinkisbu riżultati ta’ suċċess fil-COP-16 fil-Messiku aktar tard din is-sena;

11. Jenfasizza li approċċi ġodda u globali, bħall-approċċ baġitarju, iridu jiġu mitħaddta u jipprovdu ispirazzjoni ġdida lid-dibattitu; barra minn hekk jemmen li dawn l-approċċi l-ġodda fil-politika dwar it-tibdil fil-klima jridu jikkombinaw l-effiċjenza ekonomika u sħubija globali fl-iżvilupp, u fl-istess ħin jitolbu kont lill-pajjiżi kollha, inklużi l-ekonomiji emerġenti, tar-responsabilità klimatika;

12. Jinsab konvint li jekk l-Ewropa tinvesti f’ġejjieni sostenibbli, hija tista’ tasal għal soluzzjonijiet li fl-istess ħin jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-klima, għas-sigurtà tal-enerġija u għal tnaqqis fid-dipendenza enerġetika, għall-effiċjenza fir-riżorsi, għall-kompetittività industrijali u għall-ħolqien tal-impjiegi;

13. Huwa tal-fehma li tinħtieġ komunikazzjoni aħjar tal-possibilitajiet li joffri l-ħarsien tal-klima, inkluż sabiex jiġi żgurat it-tkabbir fil-ġejjieni, u sabiex il-pajjiżi li għadhom mhumiex żviluppati daqs l-UE jiġu megħjuna sabiex ma jagħmlux l-istess żbalji li għamlu l-pajjiżi tal-UE;

14. Jinsisti li l-UE, iggwidata mill-prinċipju tas-solidarjetà għandha, minn banda ġġib flimkien is-sħab fi spirtu ġdid ta’ rispett reċiproku u ta’ responsabilità, filwaqt li min-naħa l-oħra ssaħħaħ l-approċċ “minn isfel għal fuq” (eż. is-sħubijiet pubbliċi-privati, l-investiment f’teknoloġiji ġodda u fir-riċerka, u miżuri li jippromwovu s-sħubijiet klimatiċi – li jkunu orjentati lejn it-teknoloġija, l-innovazzjoni jew lejn l-enerġija – flimkien maċ-Ċina, mal-Indja u ma’ ekonomiji emerġenti oħrajn) sabiex jinħoloq impuls ġdid miċ-ċittadini;

15. Jenfasizza li l-element l-aktar importanti sabiex l-UE tikseb suċċess huwa li titkellem b’vuċi waħda sabiex titqies b’mod xieraq mill-partijiet l-oħra fin-negozjati u sabiex titqies bħala interlokutur ewlieni jew talanqas interlokutur tal-istess importanza;

16. Jirrakkomanda li l-UE għandha tkun irrappreżentata minn negozjatur wieħed fil-konferenzi fil-ġejjieni sabiex tiġi enfasizzata l-pożizzjoni komuni tal-Ewropa;

17. Jenfasizza li, sabiex l-Ewropa tilħaq l-objettivi li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima u fl-istess ħin tiżgura l-provvista tal-enerġija, jinħtieġ li jitħeġġu s-sorsi kollha tal-produzzjoni tal-enerġija li jirrispettaw il-klima; iqis bħala essenzjali li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu l-investiment f’teknoloġiji nodfa, f’riċerka li għandha x’taqsam mal-enerġija u fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi sabiex jissaħħu l-kredibilità tal-UE u r-rwol ewlieni tagħha fuq livell internazzjonali;

18. Jaqbel mal-fehma li apparti n-negozjati dwar objettivi speċifiċi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, il-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika bħala kontribut sostanzjali u mhux għali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima għandu jkun enfasizzat b’mod aktar ċar fuq livell internazzjonali; jinsab konvint li ftehim internazzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika għandu jkun parti mir-riżultat tat-taħdidiet dwar il-klima li se jsiru fil-Belt tal-Messiku;

19. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri sabiex ma jaċċettawx impenji unilaterali a skapitu tal-kompetittività tal-industriji tal-UE; iqis bħala essenzjali li pajjiżi industrijalizzati oħra barra l-UE jaċċettaw li jagħmlu sforzi simili, kif ukoll li l-ekonomiji emerġenti u li qed jiżviluppaw jimpenjaw rwieħhom favur tnaqqis raġonevoli; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-objettivi ta’ tnaqqis iridu jkunu jistgħu jitkejlu, jiġu kkomunikati u verifikati;

20. Jappella għal diskussjoni fil-fond dwar l-aħjar għażla ta’ strumenti biex jintlaħqu l-objettivi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fuq livell globali, inkluż verifika kritika tal-pożizzjonijiet tal-UE f’dan il-kuntest; minkejja dan, jemmen li għandha tingħata preferenza għall-applikazzjoni tal-istrumenti bbażati fuq is-suq, peress li dawn l-istrumenti jippermettu li l-objettivi mandatorji ta’ tnaqqis jintlaħqu filwaqt li jitħallas l-anqas prezz soċjali possibbli;

21. Iħeġġeġ lill-pajjiżi żviluppati biex jinvestu iktar fir-riċerka fil-qasam ta' teknoloġiji ġodda u avvanzati għal proċessi ta' produzzjoni li jirrispettaw il-klima u li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija; iqis bħala essenzjali għall-Ewropa li tagħti l-eżempju billi żżid b’mod sostanzjali n-nefqa ddedikata għar-riċerka dwar it-teknoloġiji li jirrispettaw il-klima fi ħdan il-Programm ta’ Qafas tar-Riċerka;

22. Jipproponi, fil-qafas tal-azzjonijiet internazzjonali komuni maħsuba sabiex jitnaqqsu b’mod effikaċi l-emissjonijiet tas-CO2, li jiġi żviluppat approċċ settorjali “minn isfel għal fuq” globali fir-rigward tal-industriji li jikkunsmaw ammonti kbar ta’ enerġija; jirrimarka li b’dan l-approċċ, l-objettivi ta’ emissjonijiet għal dawn l-industriji fid-dinja, kif ukoll it-trasferiment tat-teknoloġija bħala strument ta’ stimolu, wrew li kienu ferm effettivi f’pajjiżi bħall-Ġappun u issa qed jibdew jiġu żviluppati mis-Sħubija Asja-Paċifiku;

23. Iqis li s-Samit dwar it-Tibdil Klimatiku fil-belt tal-Messiku se joffri opportunità eċċellenti biex jiġi ffirmat ftehim biex tiġi żviluppata politika ta’ approċċ settorjali “minn isfel għal fuq” globali dwar l-industriji li jikkunsmaw ammonti kbar ta’ enerġija; iqis li ftehim internazzjonali bħal dan għandu jinkludi s-sehem indispensabbli tal-Istati Uniti, taċ-Ċina, tal-Indja u tal-Brażil;

24. Jenfasizza li hija ta’ importanza fundamentali li l-UE żżomm l-objettivi ambizzjużi tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil klimatiku u li żżomm id-dispożizzjonijiet tagħha dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll il-mekkaniżmu bbażat fuq is-suq u l-ETS, iżda li għandha tkun lesta li tkun aktar flessibbli fir-rigward tal-progress mill-Protokoll ta’ Kyoto lejn impenji possibbli minn pajjiżi oħrajn ibbażati fuq il-volontarjat, sakemm dawn ukoll jieħdu miżuri prattiċi biex inaqqsu l-emissjonijiet b’mod sinifikanti;

25. Jenfasizza l-fatt li – fid-dawl tal-impenn tal-pajjiżi l-oħra, iddikjarat fil-31 ta’ Jannar – l-UE għandha tikkomunika aħjar ir-rieda tagħha li timxi lejn tnaqqis ta’ 30 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, sakemm il-pajjiżi l-oħra jkunu lesti li jimpenjaw ruħhom li jieħdu miżuri adegwati wkoll, abbażi tal-prinċipju ta’ ‘responsabilità komuni iżda differenzjata’ u, fuq livell aktar ġenerali, l-UE għandha twettaq skrutinju dwar jekk id-dipendenza fuq impenji volontarji nazzjonali hiex strateġija globali xierqa, kemm f’termini ta’ ambizzjoni kif ukoll ta’ saħħa ta’ eżekuzzjoni;

26. Jagħraf li waħda mill-isfidi ewlenin tal-ġejjieni mhix biss it-tnaqqis fis-CO2 iżda wkoll l-użu aktar effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi naturali, li se tkun kwistjoni importanti fil-ġejjieni qarib;

27. Iqis li l-laqgħat bilaterali bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għad-dibattitu u jiffaċilitaw il-fehim bejn il-partijiet; għaldaqstant biħsiebu jagħmel dawn il-laqgħat qabel il-bidu tan-negozjati uffiċjali sabiex jikkontribwixxi b’mod aktar sinifikanti biex ikun hemm l-aħjar eżitu possibbli tan-negozjati;

28. Jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq ‘diplomazija għall-klima’ ġdida fl-UE u li jissaħħew l-alleanzi mal-pajjiżi l-aktar b’saħħithom fid-dinja kif ukoll mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma aktar progressivi, bħall-Brażil, il-Messiku, il-Kosta Rika u l-Maldive; huwa wkoll tal-fehma li sabiex jissaħħew il-proċessi ta’ negozjati tal-ġejjieni, l-UE teħtieġ li tgħin sabiex jiġi żgurat li jkun hemm fluss aħjar tal-informazzjoni u rispons aħjar, l-aktar fir-rigward ta’ gruppi eteroġeni bħall-G-77, kif ukoll fi ħdan dawn il-gruppi;

29. Iħeġġeġ lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima sabiex jirrevedi l-metodi ta’ ħidma tan-negozjati internazzjonali, l-aktar fir-rigward tar-rwol tal-mexxejja nazzjonali u tal-pożizzjonijiet mħabbra pubblikament qabel ma jkunu ntemmu n-negozjati, sabiex jiżgura li l-abbozzi ta’ testi li dwarhom irid isir qbil jitħejjew b’mod adegwat minn qabel u li l-partijiet fin-negozjati jkollhom is-setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjoni meħtieġa sabiex il-proċess ikun aktar effikaċi u effettiv;

30. Jappella għal rabta aktar mill-qrib bejn il-politiki tal-UE li jikkonċernaw l-affarijiet esterni u l-miżuri dwar il-klima; jinsab konvint li t-tibdil fil-klima għandu jingħata importanza kbira fl-aġenda tal-azzjoni esterna tal-UE; u għaldaqstant iħeġġeġ lill-UE sabiex titkellem b’vuċi waħda sabiex iżżomm ir-rwol tagħha ta’ mexxej fin-negozjati li ġejjin u sabiex, fil-laqgħa ta’ livell għoli tal-COP-16, tkun rappreżentata mis-Sur Barroso, President tal-Kummissjoni, mill-Baronessa Ashton, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u s-Sa Hedegaard, Kummissarju għall-Azzjoni dwar il-Klima;

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, bit-talba li din tiġi ċċirkulata mal-partijiet kollha involuti li mhumiex relatati mal-UE.

 

[1] ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63.
[2] ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.
[3] Testi adottati, P6_TA(2009)0042
[4] Testi adottati, P6_TA(2009)0121