Dokument ta' sessjoni

 

17.2.2010                                                                                                                B7‑0123/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar it-13-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti

Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Franziska Katharina Brantner, Hélène Flautre, Nicole Kiil-Nielsen

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B7‑0123/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-13-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar l-iżvilupp tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti , inkluż r-rwol tan-UE[1], kif ukoll dawk tas-16 ta' Marzu 2006 dwar ir-riżultati tan-neġozjati tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar it-62 Sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem[2], tad-29 ta' Jannar 2004 dwar r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti[3], tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti[4], tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-riżultati tas-Samit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti tal-14-16 ta' Settembru 2005[5], u tas-7 ta' Mejju 2009 dwar ir-rapport annwali rigward id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2008 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/RES/60/251 li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–   wara li kkunsidra s-sessjonijiet regolari u speċjali preċedenti tal-UNHRC, kif ukoll sessjonijiet preċedenti tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR),

–   wara li kkunsidra it-13-il sessjoni li ġejja tal-UNHCR li se ssir f'Marzu 2010 u t-tmien sessjoni tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR) li se ssir bejn it-3 u l-14 ta' Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-UNHRC li għandha ssir fl-2011,

–   wara li kkunsidra l-bidliet istituzzjonali li saru bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verżjoni li toħroġ mit-Trattat ta’ Lisbona,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea u wieħed mill-elementi ewlenin tal-unità u tal-integrità Ewropea[7],

B.  billi, minkejja n-nuqqasijiet tiegħu, il-UNHRC huwa pjattaforma unika li tispeċjalizza fid-drittijiet universali tal-bniedem u forum speċifiku li jittratta d-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tan-NU,

C. billi r-reviżjoni tal-UNHRC se timxi fuq żewġ binarji, b'mod li l-istatus tal-korp se jiġi diskuss fi New York waqt li l-proċeduri f'Ġinevra; billi għadd ta' inizjattivi u laqgħat informali mistennijin isiru matul is-sena li ġejja,

D. billi l-irwol tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali kiber fid-deċenji li għaddew, u l-inklużjoni ta' strateġija ġdida fis-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna tista' tkun strument ta' għajnuna għall-Unjoni ħalli taġixxi b'mod aktar effettiv biex tilqa' l-isfidi b'mod koerenti, konsistenti u effiċjenti,

E.  billi delegazzjoni mis-Sottokumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewopew se tmur Ġinevra matul it-13-il sessjoni tal-UNHRC, kif sar fis-snin ta' qabel għas-sessjoniet tal-UNHRC, u qabel dan, għal dawk tal-predeċessur tal-UNHRC, il-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem

Il-ħidma tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem

1.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex jopponu b'mod attiv kwalunkwe tentattiv li jhedded il-kunċetti tal-universalità, l-indiviżibilità u l-interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll tentattivi msejsa fuq bażi allegata ta’ valuri kulturali u reliġjużi li jdgħajfu l-protezzjoni tal-individwi minn dawn il-kunċetti;

2.  Iwissi kontra l-ippolitiċizzar estrem tal-UNHRC, għax dan ma jippermettix it-twettiq tal-mandat tiegħu; jenfasizza l-importanza ta' riżoluzzjonijiet maħsuba għal pajjiżi speċifiċi sabiex jiġi ttrattat il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; f'dan il-rigward, jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' "mozzjonijiet ta' ebda azzjoni" u jesprimi d-diżappunt tiegħu rigward l-użu ta' din il-proċedura matul il-11-il Sessjoni Speċjali tal-Kunsill, li waqqaf l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni finali konsistenti u koerenti li setgħet tittratta s-sitwazzjoni fis-Sri Lanka;

3.  Jilqa' l-organizzazzjoni, fuq l-inizjattiva tal-Brażil, tat-13-il Sessjoni Speċjali dwar Haiti, li l-għan tagħha kien li ssir fokalizzazzjoni fuq l-integrazzjoni ta' approċċ għad-drittijiet tal-bniedem fl-isforzi ta' rkupru wara t-terremot devastanti, u l-aspetti innovattivi ta' din is-sessjoni, bħall-fatt li ssir sessjoni speċjali wara li jkun hemm diżastru naturali u l-involviment ta' aġenziji speċjalizzati tan-NU bħala mezz sabiex tingħata bażi esperta għad-diskussjoni; jiddispjaċih li r-riżoluzzjoni li ġiet adottata ma rnexxilhiex tappoġġa l-irwol importanti tal-Espert Indipendenti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Haiti fil-għoti ta' linjigwida dwar l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-isforzi usa' tan-NU u inizjattivi mmexxija minn donaturi ta' appoġġ għal Haiti, u jistieden lill-Istati Membri tan-NU sabiex jagħtu segwitu għal din is-sessjoni billi jinkoporaw l-approċċ tad-drittijiet tal-bniedem fl-isforzi usa' tan-NU ta' appoġġ għal Haiti;

4.  Jiddispjaċih li l-UNHRC ma kinitx kapaċi tittratta b’mod suffiċjenti u propizju sitwazzjonijiet serji oħrajn relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jikkundannaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jistinkaw ħalli jinħolqu mekkaniżmi dedikati tal-UNHRC maħsuba biex iwieġbu l-kriżijiet tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afghanistan, f'Guinea, fl-Iran, fil-Yemen u fl-Iraq;

5.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu rigward il-kunċett ta' ‘malafama tar-reliġjonijiet’ u, filwaqt li jirrikonoxxi l-bżonn li tiġi ttrattata bis-sħiħ il-problema tad-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi, iqis li l-inklużjoni ta' dan il-kunċett fil-Protokoll dwar standards kumplimentari fuq ir-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-forom kollha ta' diskriminazzjoni mhix azzjoni xierqa; jistieden lill-Istati Membri tan-NU biex jimplimentaw bis-sħiħ l-istandards eżistenti rigward il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon;

6.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni tagħhom, għax fin-nuqqas ta' dan tiddgħajjef il-pożizzjoni tal-UE fil-UNHRC;

7.  Jilqa’ b'sodisfazzjon it-tiġdid tal-impenn mill-Istati Uniti fil-korpi tan-NU, u l-ħatra sussegwenti tagħhom bħala membru tal-UNHRC, kif ukoll il-ħidma kostruttiva tagħhom favur il-libertà tal-espressjoni fis-64 Assemblea Ġenerali tan-NU u fuq il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-segwitu tal-konferenza reviżorja ta’ Durban; jistieden lill-Istati Uniti u lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropew jikkoperaw bis-sħiħ fuq tali inizjattivi fil-ġejjieni;

8.  Huwa mħasseb bil-kandidatura tal-Iran fl-elezzjonijiet għall-UNHRC li ser isiru f'Mejju 2010; itenni l-oppożizzjoni tiegħu għall-kunċett ta’ ‘folja ġdida’ fl-elezzjonijiet tal-UNHRC, jitlob li jkun hemm elezzjonijiet kompetittivi fil-gruppi reġjonali kollha u jħeġġeġ lill-UE tagħmel kulma tista’ ħalli tevita li fl-UNHRC jiġu eletti pajjiżi li għandhom imgħoddi mill-iżjed problematiku fejn għandhom x'jaqsmu id-drittijiet tal-bniedem;

9.  Calls on the EU and its Member States to push for UNHRC candidates to be required to declare in their pledges their cooperation with Special Procedures in line with their own terms of reference;

10. Jitlob li tiġi ssorveljata b’mod effettiv l-implimentazzjoni attwali tal-Proċeduri Speċjali u tar-rakkomandazzjonijiet tal-korpi tal-Trattat fil-qafas tal-proċess tar-Reviżjoni Perjodika Universali għal kull pajjiż;

11. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jippreservaw b’ħilithom kollha l-mandati ta’ Proċeduri Speċjali speċifiċi; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU fil-Myanmar u li jkun hemm mandat ġdid speċifiku għall-pajjiż fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, meta titqies is-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar tad-drittijiet;

12. Jilqa' l-'Istudju konġunt dwar il-prattiki globali fir-rigward tad-detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu' li se jiġi diskuss waqt it-13-il sessjoni; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġawh u biex jipprovdu segwitu adegwat għar-rapport, b'konformità mal-pożizzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni, speċjalment ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Frar 2009[8] u tal-14 ta' Frar 2007[9] dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri;

13. Jistieden lill-UE biex tipparteċipa b’mod attiv fis-sessjonjiet li ġejjin tar-Reviżjoni Perjodika Universali sabiex tiżgura li jkun hemm proċedura ġusta u riżultat li jappoġġja u jaġixxi fuq il-Proċeduri Speċjali tan-NU u fuq il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-korpi tat-Trattat, inkluż billi tipprovdi l-għajnuna teknika neċessajra biex tinkiseb l-implimentazzjoni tagħhom;

Is-segwitu tar-Rapport Goldtone dwar il-missjoni għas-sejba tal-fatti

14. Jisħaq li l-osservanza tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi internazzjonali umanitarja mill-partijiet kollha u fi kwalunkwe ċirkostanza tibqa' kundizzjoni preliminari essenzjali għall-kisba ta' paċi ġusta u dewwiema fil-Lvant Nofsani, bejn l-Iżraeliti u l-Palestinjani b'mod partikolari; ifakkar fir-responsabilità tal-komunità internazzjonali biex tiżgura r-responsabilizzazzjoni f'każi ta’ ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi internazzjonali umanitarja; iqis li proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani li jkun effettiv jirrikjedi r-responsabilizzazzjoni u l-ġustizzja;

15. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Istati Membri biex jaħdmu ħalli jkun hemm pożizzjoni komuni b'saħħitha tal-UE rigward is-segwitu tal-Rapport Goldstone dwar il-missjoni għas-sejba tal-fatti dwar il-kunflitt f’Gaża u fl-Iżrael t’isfel, li b'mod pubbliku titlob l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha u li jkun hemm min iwieġeb għall-ksur kollu tal-liġi internazzjonali, inklużi d-delitti allegati tal-gwerra, u tħeġġeġ liż-żewġ naħat biex iwettqu investigazzjonijiet li jissodisfaw l-istandards internazzjonali ta' indipendenza, imparzjalità, trasparenza, prontezza u effikaċja, b'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/64/L.11, u li l-persuni kollha responsabbli għad-delitti allegati jiġu responsabilizzati; iqis li l-investigazzjonijiet mibdija s’issa miż-żewġ naħat ma jissodisfawx dawk ir-rekwiżiti;

16. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Istati Membri biex jissorveljaw b’mod attiv l-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-Rapport Goldstone billi jikkonsultaw ma' missjonijiet esterni tal-UE u ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-post f'dan il-qasam;

Ir-reviżjoni tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem

17. Jenfasizza l-ħtieġa ta' proċess ta' reviżjoni trasparenti u komprensiv, filwaqt li jitqiesu l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati rilevanti l-oħra kollha;

18. Jenfasizza li r-reviżjoni tal-UNHRC m'għandhiex twaqqfu milli jkompli x-xogħol sustantiv tiegħu dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

19. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, fid-dawl tal-ewwel lagħqa li ġejja tal-grupp ta’ ħidma dwar ir-reviżjoni tal-UNHRC imwaqqaf bir-Riżoluzzjoni A/HRC/12/L.28, biex jaqblu fuq pożizzjoni komuni dwar din il-kwistjoni kif ukoll dwar strateġija ta’ nnegozzjar effiċenti u proattiva;

20. Jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ewropew sabiex iħejji rakkomandazzjoni lill-Kunsill sabiex jipprovdi fiż- żmien meħtieġ kontribut għall-pożizzjoni tal-UE dwar r-reviżjoni li jmiss;

21. Jesprimi l-pożizzjoni tiegħu, filwaqt li jirrikonoxxi l-bżonn għal dibattitu iktar komprensiv, li r-reviżjoni għandha żżomm l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), tissalvagwardja u, jekk ikun possibbli, issaħħaħ il-Proċeduri Speċjali kif ukoll tiggarantixxi l-possibilità li l-UNHRC jindirizza ksur speċifiku tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta’ riżoluzzjonijiet u mandati speċifiċi għall-pajjiż; jirrikonoxxi d-diskussjonijiet dwar il-modi kif jissaħħaħ il-UNHRC mingħajr ma jinfetaħ il-pakkett tal-bini tal-istituzzjoni;

22. Iqis li r-reviżjoni tal-2011 tal-UNHRC tista' sservi ta' opportunità sabiex jiżdied il-valur miżjud tar-Reviżjoni Perjodika Universali; jenfasizza b'mod partikulari l-bżonn li tiġi żgurata l-konformità tar-rakkomandazzjonijiet finali proposti mill-Istati matul ir-reviżjoni mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u jagħmel il-punt ta' kemm huwa importanti mekkamniżmu ta' segwitu orjentat lejn ir-riżultati;

23. Jirrikonoxxi d-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar ir-relazzjoni bejn il-UNHRC u t-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali kif ukoll dwar is-sħubija fil-UNHRC; itenni l-opinjoni tiegħu li dawn iż-żewġ korpi huma komplimentari u jemmen li, filwaqt li l-parteċipazzjoni universali hija garantita permezz tal-istatus ta’ membru u dak ta’ osservatur, kompożizzjoni iżgħar tal-Kunsill tista' wkoll tgħin biex id-deċiżjonijiet tal-UNHRC jiffokaw b'mod akter operattiv;

L-involviment tal-UE

24. Jirrikonoxxi l-involviment attiv tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fix-xogħol tal-UNHRC u jifraħ lil Belġju għas-suċċess li nkiseb s'issa mill-presidenza tiegħu;

25. Jirrikonoxxi l-isforzi attivi tal-UE biex tipparteċipa f’kooperazzjoni transreġjonali u tieħu l-inizjattiva f’dan ir-rigward, imma jitlob biex dawn l-isforzi jiġu intensifikati;

26. Iqis li l-istruttura istituzzjonali l-ġdida tal-UE toffri opportunità biex jiżdiedu l-koerenza, il-viżibilità u l-kredibilità tal-azzjonijiet tal-UE fil-UNHRC; jistieden, f’dan ir-rigward, lir-Rappreżentant Għoli/lill-Viċi President tal-Kummissjoni biex tiżgura li jittiedħu passi prattiċi biex jiġi implimentat it-Trattat ta’ Lisbona, sabiex jiġi evitat perjodu tranżizzjonali twil wisq li jxekkel il-kredibilità tal-Unjoni;

27. Jagħti mandat lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għat-13-il sessjoni tal-UNHRC biex tesprimi t-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni, jistieden lid-delegazzjoni biex tagħmel rapport dwar iż-żjara tagħha lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jikkunsidra li huwa xieraq li tibqa' tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għas-sessjonijiet rilevanti tal-UNHRC;

o

o o

28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-64 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.

 

 

[1] Testi Adottati, P6_TA(2009)0021
[2] Testi Adottati, P6_TA(2006)0097
[3] Testi Adottati, P5_TA(2004)0037
[4] Testi Adottati, P6_TA(2005)0237
[5] Testi Adottati, P6_TA(2005)0362
[6] Testi Adottati, P6_TA(2009)0385
[7] L-Artikoli 2, 3(5) u 6 tat-Trattat UE.
[8] Testi Adottati, P6_TA(2009)0073
[9] Testi Adottati, P6_TA(2007)0032