Dokument ta' sessjoni
29.4.2010 B7‑0246/2010
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan
imressqa minn Heidi Hautala, Bart Staes, Nicole Kiil-Nielsen u Ulrike Lunacek
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan u l-Asja Ċentrali, b'mod partikolari, dik tat-12 ta' Mejju 2005,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Catherine Ashton dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan tat-8 ta' April 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tas-26 ta’ April 2010,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali adottata mill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Kirgiżistan li daħal fis-seħħ fl-1999,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija Regjonali tal-Komunità Ewropea għall-Għajnuna għall-Asja Ċentrali għall-perjodu 2007-2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi huwa fl-interess tal-popli kemm tal-Asja Ċentrali u kemm tal-Unjoni Ewropea li jaraw li jkun hemm progress lejn stabilità u livelli ogħla ta' żvilupp demokratiku u uman, sikurezza umana u tkabbir sostenibbli fir-reġjun kollu,
B. billi l-Kirgiżistan huwa membru tal-OSKE u fi ħdan dan il-qafas huwa impenjat li jirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u li jimplimenta l-istandards demokratiċi tal-OSKE,
C. billi Kurmanbek Bakiyev, li tela' fil-kariga l-ewwel darba f'Lulju 2005 wara r-Rivoluzzjoni tat-Tulipan, reġa' ġie elett is-sena li għaddiet għal mandat ieħor bħala president f'elezzjoni li osservaturi indipendenti qalu kienet imċappsa bi frodi massiva; billi wara l-ewwel impenji demokratiċi tiegħu t-tmexxija ta' Bakiyev saret awtoritarja u ripressiva u r-reġim tiegħu ġie sostanzjalment meqjus bħala korrott u mtebba' b'abbużi ta' poter,
D. billi fis-7 ta' April truppi Kirgiżi intervenew bl-użu ta' balal, gass tad-dmugħ u stun grenades kontra folla ta' protestanti li nġabru quddiem l-uffiċċju presidenzjali f'Bixkek u wara attakkaw bini tal-gvern bħala demostrazzjoni kontra żieda qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku u tat-tisħin li ħalliet 84 mejta u aktar minn 500 midruba;
E. billi l-President Bakiyev kien imġiegħel jaħrab mill-belt kapitali u postu ttieħed minn gvern interim immexxi mill-kap tal-oppożizzjoni Roza Otunbayeva li ħarġet digriet dwar is-suċċessjoni tal-poter u ordni ta' konformità mal-kostituzzjoni tal-Kirgiżistan u xoljiet il-parlament,
F. billi wara li pprova jistipula l-kundizzjonijiet għar-riżenja tiegħu ġimgħa wara l-irvell Bakiyev ħalla l-pajjiż lejn il-Kazakistan skont ftehim neguzjat bejn ir-Russja, l-Istati Uniti u l-Kazakistan; billi Bakiyev iddikjara pubblikament li kien iffirma ittra ta' riżenja minħabba l-pressjoni li saret fuqu u fuq il-familja tiegħu u li minkejja r-riżenja tiegħu huwa kien għadu l-president leġittimu tal-Kirgiżistan sakemm il-Parlament jeżonerah mid-dmirijiet tiegħu,
G. billi fit-13 ta' April il-Qorti Kostituzzjonali tal-Kirgiżistan sabiex tiżgura l-istabilità u tevita l-konfrontazzjoni bejn il-forzi politiċi ġiet imġiegħla tagħti widen għat-talbiet tal-gvern interim tal-pajjiż li l-qorti tixxolja,
H billi s-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan għadha instabbli u kien hemm irvelli ġodda etniċi fis-subborgi ta' Bixkek fid-19 ta' April li ħallew 5 mejta u 30 midruba u li jisfidaw l-isforzi tal-gvern interim biex jerġa' jkun hemm l-ordni; billi f’Jalalabad il-partitarji ta' Bakiyev ħatru gvernatur pro-Bakiyev wara li ħadu f'idejhom uffiċċju governattiv reġjonali,
I. billi l-Gvern tal-Federazzjoni Russa adotta pakkett ta' 50 miljun dollaru bħala għajnuna ekononika għall-Kirgiżistan, flimkien mat-trasport ta' petrol u diesel għall-żmien il-ħsad fir-rebbiegħa,
J. billi l-Asja Ċentrali hija kkaratterizzata b’mod konsiderevoli minn faqar u numru kbir ta’ theddidiet għas-sigurtà tal-bniedem, kif ukoll minn governanza ħażina, awtoritarjaniżmu qawwi u nuqqas ta’ mezzi legali biex wieħed jesprimi skuntentizza u jipproċedi lejn bidla politika; billi dan jista’ jirriżulta fit-trawwim ta’ movimenti Islamiċi radikali sigrieti u fit-tkabbir mgħaġġel ta’ tali movimenti fl-ifqar pajjiżi,
K. billi l-UE għandha tħares dejjem l-impenn tagħha li tintegra d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt f'kull ftehim ma' stati terzi u li tippromwovi riformi demokratiċi permezz ta' politiki koerenti li jsaħħu l-kredibilità tagħha bħala attur reġjonali,
1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha tal-avvenimenti traġiċi;
2. Jistieden lill-partijiet kollha biex itemmu l-vjolenza, jħaddnu r-rażan u jagħmlu kull sforz sabiex jinbeda djalogu ġenwin immirat lejn il-kisba tal-istabilità u li jipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-ritorn paċifiku għal ordni kostituzzjonali demokratika;
3. Jitlob investigazzjoni internazzjonali mmexxija min-NU dwar dawn l-avvenimenti sabiex jiġu identifikati r-responsabilitajiet u n-nuqqasijiet u tiġi pprovduta assistenza lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Kirgiżistan sabiex iressqu l-qorti l-awturi tal-krimini u jiżguraw ir-rispett u l-imparzjalità tal-proċeduri ġudizzjarji;
4. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-ewwel passi meħuda mill-gvern proviżorju biex terġa’ tiġi stabbilita d-demokraizja, b’mod partikolari, fir-rigward tal-pjanijiet li tiġi abbozzata kostituzzjoni ġdida li tikkoreġi r-reviżjoni ta’ Bakiyev li kienet poġġiet poter eċċessiv f’idejn il-presidenza u jitlob li jsiru elezzjonijiet ġodda malli jintlaħqu l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti u tkun ġiet adottata u implimentata l-leġiżlazzjoni neċessarja;
5. Jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, it-tħabbira tal-gvern interim li se jagħmel referendum dwar il-kostituzzjoni l-ġdida fis-27 ta’ Ġunju u elezzjonijiet ġenerali ġodda fl-10 ta’ Ottubru;
6. Iħeġġeġ lill-gvern interim biex jagħmel kull sforz sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal sistema effettiva u trasparenti li tista' xxejjen id-dominanza tal-politika tal-klanns u tistimula l-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku;
7. Jinnota li r-Rivoluzzjoni tat-Tulipan tal-2005 ħolqot aspettattivi kbar ta’ riformi demokratiċi fis-soċjetà tal-Kirgiżistan li ma mmaterjalizzawx, anke minħabba n-nuqqas ta’ koerenza u assertività tal-politika tal-UE fir-rigward ta’ dan il-pajjiż; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ma jitilfux opportunità oħra u jsibu modi biex jassistu lill-gvern interim tal-Kirgiżistan u jgħinu lill-awtoritajiet sabiex isusu għal riformi demokratiċi u jtejbu l-ħajjiet tan-nies permezz tal-iżvilupp nazzjonali u r-responsabilizzazzjoni taċ-ċittadini b’kooperazzjoni mal-partijiet interessati kollha u s-soċjetà ċivili tal-Kirgiżistan;
8. Jinnota li n-nuqqas kbir ta' riżorsi naturali u l-vulnerabilità tal-Kirgiżistan jagħmluh dipendenti ħafna fuq appoġġ estern; jinnota wkoll li fil-viċinat tiegħu hemm nuqqas serju ta’ mudelli ta’ governanza demokratika u li tiffunzjona tajjeb u ta’ żvilupp soċjali pożittiv; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-assistenza internazzjonali se tkun ta’ importanza kruċjali;
9. Jistieden lir-Rappreżentant Speċjali għall-Asja Ċentrali tal-VP/RGħ biex isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni, jipprovdi assistenza u jiffaċilita l-bidu mill-ġdid tad-djalogu bejn il-komponenti kollha tas-soċjetà tal-Kirgiżistan; iħeġġu, fl-istess ħin, biex jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib man-NU bil-għan li tissejjaħ konferenza tad-donaturi internazzjonali li fiha jiġu indirizzati l-problemi umanitarji u l-bżonnijiet bażiċi tal-Kirgiżistan u tiġi pprovduta l-għajnuna neċessarja għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jeżaminaw b’urġenza jekk jeżistux jew jistgħux jinħolqu l-kundizzjonijiet għat-tnedija ta’ programm internazzjonali koordinat ġdid u kbir ta' għajnuna għall-Kirgiżistan, filwaqt li ma jonqsux li jqisu bl-importanza dovuta kemm huwa b’saħħtu l-impenn reali għad-demokratizzazzjoni tal-gvern proviżorju tal-Kirgiżistan u kemm jidher li huwa nadif dan il-gvern;
11. Jitlob li jsir użu estensiv mill-istrument għall-Istabilità u jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji proposti dwar ir-riallokazzjoni ta' fondi skont l-Istrument ta' Kooperazzjoni fl-Iżvilupp biex tiżgura li fiż-żmien qasir kif ukoll f'dak medju, ir-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni ġdida fil-Kirgiżistan tista' tkun ta' daqs adegwat;
12. Jistenna bil-ħerqa r-reviżjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun u jitlob li jsiru sforzi sabiex din issir aktar kredibbli, konkreta u koerenti;
13. Jenfasizza li għandhom isiru aktar sforzi sabiex jiġi evitat li l-Kirgiżistan isir żona ta' konfrontazzjoni bejn protagonisti akbar reġjunali u jħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni sabiex isibu mezzi biex jagħmlu mill-pajjiż żona ta' kooperazzjoni fost l-atturi prinċipali fl-interess tal-popolazzjoni kollha tal-Kirgiżistan;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-OSKE, u lill-parlamenti tal-Federazzjoni Russa, tal-Istati Uniti u tal-Kazakistan.