Dokument ta' sessjoni

 

12.5.2010                                                                                                                B7‑0265/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-Konferenza ta' Analiżi dwar l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, f'Kampala, l-Uganda

Laima Liucija Andrikienė, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Cristian Dan Preda, Filip Kaczmarek, László Tőkés

f'isem il-Grupp PPE-DE

Richard Howitt, Ana Gomes, Véronique De Keyser, Maria Eleni Koppa

f'isem il-Grupp S&D

Marietje Schaake

f'isem il-Grupp ALDE

Barbara Lochbihler, Heidi Hautala, Eva Joly

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Marie-Christine Vergiat, Helmut Scholz

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B7‑0265/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Konferenza ta' Analiżi dwar l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, f'Kampala, l-Uganda

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea tal-Istati Partijiet, adottata fit-8 laqgħa plenarja tagħha, fis-26 ta' Novembru 2009[1], li tlaqqa' l-Konferenza ta' Analiżi dwar l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali f'Kampala, l-Uganda, mill-31 ta' Mejju sal-11 ta' Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu dwar il-Konferenza ta' Analiżi, u b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni ICC-ASP/7/Res.2 dwar il-proċedura għan-nomina u l-ħatra tal-imħallfin, il-prosekutur u l-viċi prosekuturi tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Novembru 1998[2], tat-18 ta' Jannar 2001[3], tat-28 ta' Frar 2002[4], tal-4 ta' Lulju 2002 dwar l-abbozz ta' Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Membri tas-Servizzi Amerikani (ASPA)[5] u tas-26 ta' Settembru 2002[6], kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008[7],

–   wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta' Lulju 2002,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Lulju 2002 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali mill-Presidenza tal-Kunsill f'isem l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-importanza mogħtija kemm mill-QKI kif ukoll mill-UE lill-konsolidament tal-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, kif ukoll iż-żamma tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u kif previst fl-Artikolu 21(2)(b) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-fatt li l-Kunsill tal-UE adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali fis-16 ta' Ġunju 2003[8], li tiddikjara li d-delitti serji fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-QKI huma ta' preokkupazzjoni għall-Istati Membri kollha, li huma determinati li jikkoperaw għall-prevenzjoni ta' tali delitti u li jtemmu l-impunità ta' min iwettaqhom, u li għandha l-għan li tappoġġja l-funzjonament effikaċi tal-Qorti u li ttejjeb l-appoġġ universali għall-Qorti billi tippromwovi l-akbar parteċipazzjoni possibbli fl-Istatut,

–   wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni għal segwitu tal-Pożizzjoni Komuni ffinalizzat mill-UE fl-4 ta' Frar 2004[9] għall-koordinament tal-attivitajiet tal-UE, l-universalità u l-integrità tal-Istatut ta' Ruma u l-indipendenza u l-funzjonament effikaċi tal-QKI,

–   wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-UE ta' sett ta' 'Prinċipji ta' Gwida'[10] li jistabbilixxu parametri ta' referenza minimi li għandhom jitħarsu mill-Istati Partijiet tal-QKI jekk jidħlu fi ftehimiet bilaterali ta' non kunsinna,

–   wara li kkunsidra d-diversi deċiżjonijiet[11] adottati mill-Kunsill tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà bil-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra f'livell nazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma li jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw u jippromwovu l-attività tal-Unjoni u tal-Istati Membri kontra l-impunità u jiġġieldu kontra d-delitti tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, u 'f'dak il-kuntest jippromwovu l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri [...] u l-QKI',

–   wara li kkunsidra l-progress konsiderevoli li sar mill-ħatra tal-ewwel imħallfin u l-ewwel prosekutur tal-QKI, u wara li kkunsidra l-fatt li l-Qorti bħalissa qed twettaq investigazzjonijiet f'ħames pajjiżi (il-Kenja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, is-Sudan/id-Darfur, l-Uganda u r-Repubblika Ċentru-Afrikana),

–   wara li kkunsidra l-fatt li l-Konferenza ta' Analiżi tal-QKI hija mument opportun ta' riflessjoni dwar il-progess tal-Qorti u l-ħidma tagħha għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti armati, b'referenza partikolari għar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Spjega tal-Istatut ta' Ruma li jiddefinixxi l-ġuriżdizzjoni tal-QKI, li tirrikonoxxi l-istupru, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni sfurzata, it-tqala sfurzata, l-isterilizzazzjoni sfurzata, jew 'kull forma oħra ta' vjolenza sesswali ta' serjetà paragunabbli' bħala delitti kontra l-umanità,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-Konferenza ta' Analiżi dwar l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, f'Kampala, l-Uganda,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE tappoġġja b'mod qawwi lill-QKI u tippromwovi l-universalità, u tiddefendi l-integrità, tal-Istatut ta' Ruma bil-għan li tħares u ssaħħaħ l-indipendenza, il-leġittimità u l-effikaċja tal-proċess ġudizzjarju internazzjonali,

B.  billi l-kisba tal-usa' ratifika u implimentazzjoni possibbli tal-Istatut ta' Ruma kienet ukoll għan tal-UE matul in-negozjati mkabbra kif ukoll fil-proċess ta' adeżjoni ta' Stati Membri ġodda tal-UE,

C. billi l-UE sistematikament qed tipprova tinkludi klawsola tal-QKI fil-mandati ta' negozjar u fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi,

D. billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha, huwa parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni u wieħed mill-pedamenti tal-unità u tal-integrità Ewropea[12],

E.  billi r-rwol tal-UE bħala attur dinji kiber fid-deċennji riċenti,

F.  billi r-Rappreżentanti Speċjali tagħha jippromwovu l-politiki u l-interessi tal-UE f'reġjuni u f'pajjiżi fejn hemm l-inkwiet u għandhom rwol attiv fl-isforzi biex jiġu kkonsolidati l-paċi, l-istabilità u l-istat tad-dritt,

G. billi, f'April 2006, l-UE saret l-ewwel organizzazzjoni reġjonali li ffirmat ftehim mal-QKI dwar il-koperazzjoni u l-għajnuna[13],

H. billi l-UE tat aktar minn EUR 40 miljun fuq 10 snin skont l-istrument finanzjarju EIDHR għal proġetti bil-għan li jappoġġjaw il-QKI u l-ġustizzja kriminali internazzjonali,

I.   billi l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE kienet attiva fl-iżgurar li l-ġustizzja kriminali internazzjonali tiġi inkluża fil-Ftehim ta' Sħubiija AKP-UE rivedut (Ftehim ta' Kotonù) u adottat diversi riżoluzzjonijiet bil-għan tal-integrazzjoni tal-ġlieda kontra l-impunità fil-koperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp u fid-djalogu politiku rilevanti,

J.   billi din il-Konferenza ta' Analiżi tirrappreżenta opportunità ewlenija għall-Istati Partijiet, kif ukoll għal dawk li mhumiex Stati Partijiet, għas-soċjetà ċivili u għal partijiet interessati oħra, biex jirriaffermaw b'mod qawwi l-impenn tagħhom favur il-ġustizzja u r-responsabilità,

K. billi l-Istati Partijiet ħatfu l-opportunità tal-Konferenza ta' Analiżi biex imorru lil hinn mill-emendi proposti għall-Istatut ta' Ruma u biex jagħtu ħarsa lejn is-sitwazzjoni tal-QKI aktar minn 10 snin wara li twaqqfet kif ukoll biex jevalwaw b'mod usa' l-istat tal-ġustizzja kriminali internazzjonali, filwaqt li ssir enfasi fuq erba' suġġetti ewlenin, jiġifieri: il-komplementarjetà, il-koperazzjoni, l-impatt tas-sistema tal-Istatut ta' Ruma fuq il-vittmi u l-komunitajiet milquta, u l-paċi u l-ġustizzja,

L.  billi, b'111-il Stat Parti għall-QKI, xi reġjuni, bħal-Lvant Nofsani, l-Afrika ta' Fuq u l-Asja, għad mhumiex rappreżentati biżżejjed,

M. billi l-koperazzjoni bejn l-istati, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-QKI hija essenzjali għall-effikaċja u s-suċċess tas-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità ta' infurzar tal-liġi,

N. billi, fid-19 ta' April 2010, għall-ewwel darba mit-twaqqif tal-QKI, tressqitilha talba għal stħarriġ ta' non koperazzjoni minn stat,

O. billi l-premessa li ssejjes il-prinċipju tal-komplementarjetà, li fuqu huwa bbażat l-Istatut ta' Ruma, hija li għandha tkun ir-responsabilità tal-istat innifsu li jinvestiga u, jekk ikun xieraq, li jtella' l-Qorti lil persuni ssuspettati bit-twettiq ta' delitti skont id-dritt internazzjonali,

P.  billi fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt fejn il-ġustizzja ma ġietx inkorporata bħala parti mill-proċess ta' paċi, reġgħet bdiet il-vjolenza,

1.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-QKI u għall-għanijiet tagħha; jisħaq li l-Istatut ta' Ruma kien irratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE bħala komponent essenzjali tal-prinċipji u l-valuri demokratiċi tal-Unjoni u għalhekk, jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw għalkollox mal-Istatut bħala parti mill-acquis tal-UE;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-għażla ta' pajjiż Afrikan, l-Uganda, li jospita l-Konferenza ta' Analiżi, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-talba tal-Qorti li tiftaħ uffiċċju ta' kollegament mal-Unjoni Afrikana f'Addis Ababa, filwaqt li jirrikonoxxi d-dimensjoni universali tas-'sistema tal-Istatut ta' Ruma';

3.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tal-universalità tal-Istatut ta' Ruma u jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tippromwovi b'mod attiv l-adeżjoni għall-Istatut u r-ratifika tiegħu;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu sehem fil-Konferenza ta' Analiżi fl-ogħla livell possibbli, inklużi l-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern, kif ukoll biex jirriaffermaw pubblikament l-impenn tagħhom favur il-QKI;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwiegħdu li se jirriaffermaw l-impenn tagħhom favur il-QKI u jħeġġiġhom jenfasizzaw il-miżuri prattiċi li biħsiebhom jieħdu bħala appoġġ għaliha, billi jwiegħdu, inter alia li jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma, jirratifikaw u jimplimentaw il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti (APIC), jaħdmu ma' stati oħra li għandhom anqas kapaċitajiet sabiex jippromwovu l-aċċettazzjoni universali tal-Qorti, u jaffermaw il-kontribut tagħhom għat-tisħiħ tas-sistema ta' komplementarjetà u koperazzjoni, partikolarment fir-rigward tal-impatt fuq il-vittmi u l-komunitajiet milquta, kif ukoll ta' oqsma oħra tal-Istatut ta' Ruma;

6.  Jappoġġja b'mod qawwi l-inklużjoni fl-Artikolu 5.1 tal-Istatut ta' Ruma tad-delitt tal-aggressjoni fi ħdan il-ġuriżdizzjoni materjali tal-QKI, li fir-rigward tiegħu l-Grupp ta' Ħidma Speċjali tal-Assemblea tal-Istati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma qablu li, għall-fini tal-Istatut, 'delitt ta' aggressjoni' jfisser 'l-ippjanar, it-tħejjija, il-bidu jew it-twettiq, minn persuna f'pożizzjoni li teżerċita b'mod effikaċi l-kontroll fuq l-azzjoni politika jew militari ta' Stat jew li tmexxiha, ta' att ta' aggressjoni li, min-natura, is-serjetà u l-kobor tiegħu, jikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti';

7.  Jafferma b'mod qawwi li kull deċiżjoni dwar id-definizzjoni ta' delitt ta' aggressjoni trid tirrispetta l-indipendenza tal-Qorti; jirrakkomanda li l-istati għandhom jadottaw il-proposta li ma teħtieġx analiżi ġuriżdizzjonali biex ikun determinat jekk att ta' aggressjoni twettaqx qabel ma l-prosekutur tal-QKI jkun jista' jkompli b'investigazzjoni; kif ukoll li jekk il-Konferenza ta' Analiżi tiddeċiedi li trid tkun stabbilita analiżi ġuriżdizzjonali, għandha teħtieġ li d-determinazzjoni ta' jekk att ta' aggressjoni twettaqx issir mill-Awla rilevanti matul il-proċedimenti legali diġà stabbiliti fl-Istatut ta' Ruma;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod xieraq fl-eżerċizzju ta' rendikont billi jieħdu sehem attivament fid-diskussjonijiet tal-panel uffiċjali kif ukoll fl-avvenimenti organizzati mis-soċjetà ċivili (u partijiet interessati oħra) fil-marġni tal-konferenza uffiċjali;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membru biex jieħdu wkoll l-opportunità tal-Konferenza ta' Analiżi biex jirriaffermaw l-impenn tagħhom favur il-Qorti permezz ta' wegħdiet speċifiċi dwar l-erba' suġġetti ta' għoti ta' rendikont kif ukoll biex jonoraw dawk l-impenji;

10. Jappoġġja lill-QKI matul din il-Konferenza ta' Analiżi fil-proċess tal-għoti ta' rendikont dwar kull stadju tal-implimentazzjoni u l-impatt tal-Istatut ta' Ruma, filwaqt li titqies il-perspettiva tal-vittmi u tal-komunitajiet milquta;

11. Huwa preokkupat dwar l-impatt tas-sistema tal-Istatut ta' Ruma fuq il-vittmi, l-individwi u l-komunitajiet milquta mir-reati taħt il-ġuriżdizzjoni tal-QKI; iqis li huwa essenzjali li jkun żgurat li l-vittmi u l-komunitajiet milquta jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-Qorti u li jifhmu l-ħidma tagħha, kif ukoll li d-drittijiet u l-interessi tal-vittmi għandhom ikunu preokkupazzjoni ewlenija għall-komunità tal-Istatut ta' Ruma, filwaqt li jitqies li l-QKI hija istituzzjoni ġudizzjarja li tikkomplementa r-rwol primarju tal-istati fl-għoti ta' protezzjoni u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja u għal kumpens effettiv għall-vittmi, kemm jekk individwalment kif ukoll kollettivament; iqis li l-Istati Membri għandhom:

- jikkoperaw b'mod attiv meta persuna tkun suġġetta għal mandat ta' arrest tal-QKI fit-territorju tal-UE, biex ikun iffaċilitat it-trasferiment tal-persuna lill-QKI għall-ġudizzju;

- jirrikonoxxu l-għodod innovattivi għad-dispożizzjoni tal-QKI għall-eżerċitar tad-dritt tal-vittmi għall-ġustizzja, inkluża l-possibilità għall-vittmi li jieħdu sehem fil-proċedimenti tal-QKI u li japplikaw għall-kumpens, filwaqt li jitiqies ir-rwol ta' komplementarjetà tal-Fond Fiduċjarju għall-Vittmi fl-għoti ta' kumpens u għajnuna oħra, inkluża l-protezzjoni tax-xhieda; jiżguraw li l-vittmi, kif ukoll l-avukati tagħhom, jibbenefikaw minn għajnuna u protezzjoni legali xierqa;

- jirrikonoxxu l-progress li għamlet il-Qorti sal-lum fit-twassil tal-informazzjoni tagħha lill-komunitajiet milquta u jinkoraġġuha tiżviluppa aktar dik il-ħidma; u jenfasizzaw l-importanza tal-operazzjonijiet fuq il-post tal-QKI fit-tkabbir tal-impatt tal-Qorti fost il-vittmi u l-komunitajiet milquta;

- jagħtu attenzjoni partikolari lil dawk il-gruppi li storikament ġew marġinalizzati, bħat-tfal u n-nisa, biex ikun żgurat li l-ġustizzja kriminali internazzjonali ma ssirx għodda għat-tkomplija tal-ħsara u l-isterjotipar li setgħu ġġarrbu;

- iħabbru kontribuzzjoni finanzjarja sostanzjali lill-Fond Fiduċjarju għall-Vittmi;

- jinvolvu lis-soċjetà ċivili matul il-Konferenza ta' Analiżi biex ikun żgurat li l-fehmiet tagħhom ikunu rappreżentati b'mod xieraq, anke billi jieħdu sehem f'avvenimenti fil-People's Space li qed tkun organizzata min-Netwerk tad-Drittijiet tal-Bniedem;

12. Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jiżguraw koperazzjoni sħiħa bejn l-Istati Partijiet, l-istati firmatarji u l-Qorti, skont l-Artikolu 86 tal-Istatut ta' Ruma, biex jitħarsu l-għan u l-iskop li skonthom, skont il-Preambolu tiegħu, 'id-delitti l-aktar serji ta' preokkupazzjoni għall-komunità internazzjonali kollha m'għandhomx jibqgħu ma jkunux ikkastigati', billi:

- jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-koperazzjoni, skont il-Parti IX tal-Istatut ta' Ruma, jekk għadhom ma adottawhiex;

- jirriaffermaw l-impenn tagħhom li jagħtu lill-Qorti l-koperazzjoni u l-għajnuna kollha meħtieġa bla riżerva;

- iqisu li jilħqu ftehimiet ad hoc mal-Qorti għat-trasferiment tal-vittmi u x-xhieda u għall-infurzar tas-sentenzi tal-Qorti;

- jiżguraw li l-koperazzjoni ssir punt permanenti fl-aġenda tal-Assemblea tal-Istati Partijiet għall-QKI, li jiġu diskussi l-isfidi u l-ħtiġijiet attwali tal-Qorti u li jitkejjel il-progress li jkunu għamlu l-istati;

13. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni u d-diskussjoni tal-Artikolu 124 ('dispożizzjoni tranżitorja') tal-Istatut ta' Ruma, li jippermetti lill-istati jagħżlu li ċ-ċittadini tagħhom ma jkunux suġġetti għall-ġuriżdizzjoni tal-Qorti fuq delitti tal-gwerra għal perjodu ta' seba' snin wara r-ratifika, u jitlob li jitħassar minnufih mill-Istatut sabiex il-liġi tkun applikata bl-istess mod fir-rigward tal-persuni kollha ssuspettati b'delitti allegati tal-gwerra mwettqa fit-territorji tal-Istati Partijiet għall-Istatut jew miċ-ċittadini tagħhom;

14. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-inklużjoni bħala delitt tal-gwerra fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti, tal-użu ta' ċerti armi fil-kuntest ta' kunflitt armat li ma jkunx ta' natura internazzjonali, skont il-proposta Belġjana għal emendi tal-Artikolu 8 tal-Istatut ta' Ruma, imressqa lit-8 sessjoni tal-Assemblea tal-Istati Partijiet u li jestendu l-kriminalizzazzjoni tal-użu tal-veleni, l-armi bil-velenu, il-gassijiet asfissjanti, velenużi jew oħrajn u l-likwidi, materjal jew apparat analogi kollha, kif ukoll l-użu ta' bulitts li jespandu jew jiċċattjaw fil-ġisem, għal kunflitti armati li ma jkunux ta' natura internazzjonali;

15. Jisħaq fuq l-effikaċja tal-prinċipju tal-komplementarjetà tal-Qorti, li huwa l-pedament tas-sistema komprensiva tal-ġustizzja kriminali internazzjonali (is-sistema tal-Istatut ta' Ruma) u li skont dan il-prinċipju d-dmir ewlieni tal-Istati Partijiet li jinvestigaw delitti internazzjonali u li jħarrku lil min wettaqhom huwa msaħħaħ b'mod ċar bil-ġuriżdizzjoni komplementarja (sussidjarja) tal-QKI;

16. Jinsab konvint sew li, waqt it-taħditiet ta' Kampala, l-Istati Membri għandhom:

- jerġgħu jaffermaw l-obbligu primarju tagħhom biex jinvestigaw u jipproċessaw id-delitti tal-gwerra, il-ġenoċidju u d-delitti kontra l-umanità, u jintrabtu li fil-leġiżlazzjoni tagħhom jippromulgaw definizzjonijiet ta' delitti tal-gwerra, ġenoċidju u delitti kontra l-umanità, f'konformità mal-Istatut ta' Ruma;

- jidħlu f''komplementarjetà pożittiva' billi, fost ħwejjeġ oħra, jenfasizzaw il-bżonn ta' proċedimenti nazzjonali effikaċi, anke fil-pajjiżi fejn jeżisti bżonn qawwi ta' ġustizzja, bħal f'sitwazzjonijiet ta' pajjiżi ddifferiti lill-QKI u f'pajjiżi taħt analiżi preliminari mill-QKI;

- jisħqu fuq l-importanza li jagħtu bidu u jimplimentaw proċedimenti nazzjonali effikaċi u, b'mod partikolari, li jittrattaw il-kwistjoni ta' nuqqas ta' rieda politika min-naħa tal-istati;

- jisħqu fuq l-importanza vitali li tissawwar ir-rieda politika tal-istati biex jissodisfaw l-obbligi fl-ambitu tal-komplementarjetà, u jieħdu miżuri biex jinkoraġġixu lill-istati biex ikunu favur il-ġustizzja u kontra l-impunità;

17. Iħeġġeġ lill-Istati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma, speċjalment l-Istati Membri tal-UE, biex jippromulgaw jew jimplimentaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiggarantixxi li huma jkunu jistgħu jikkoperaw bis-sħiħ mal-QKI;

18. Iħeġġeġ lill-Istati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma biex jidħlu fi ftehimiet mal-Qorti dwar it-trasferiment tal-vittmi u tax-xhieda u l-infurzar ta' sentenzi;

19. Jistieden lill-Unjoni, lill-Istati Membri u lid-donaturi internazzjonali l-oħra biex jagħtu s-sostenn lill-proċessi ta' riforma u lill-isforzi nazzjonali għall-bini tal-kapaċitajiet immirati biex isaħħu l-ġudikatura indipendenti, is-settur tal-infurzar tal-liġi u s-sistema penitenzjarja fil-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw ikkonċernati direttament mill-kummissjoni tad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma, b'hekk jiġu garantiti kemm implimentazzjoni effikaċi tal-prinċipju tal-komplementarjetà kif ukoll il-konformità min-naħa tal-istati mad-deċiżjonijiet tal-Qorti;

20. Iħeġġeġ lill-Istati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma biex jadottaw riżoluzzjoni, ibbażata fuq it-taħditiet ta' Kampala, li tenfasizza l-importanza li ssir ġustizzja effikaċi mal-vittmi, fil-kuntest ta' proċess ġust u imparzjali;

21. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex iġeddu l-impenn tagħhom favur l-QKI għall-ġejjieni;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummussjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.

[1] Riżoluzzjoni ICC-ASP/8/Res.6.
[2] ĠU C 379, 7.12.1998, p. 265.
[3] ĠU C 262, 18.9.2001, p. 262.
[4] Testi adottati ta' dik id-data, P5_TA(2002)0082
[5] Testi adottati ta' dik id-data, P5_TA(2002)0367
[6] Testi adottati ta' dik id-data, P5_TA(2002)0449
[7] Testi adottati ta' dik id-data, P5_TA(2008)0238
[8] ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67.
[9] Dok. 5742/04.
[10] Prinċipji ta' Gwida rigward Arranġamenti bejn Stat Parti għall-Istatut ta' Ruma tal-QKI u l-Istati Uniti dwar il-Kundizzjonijiet għall-Kunsinna ta' Persuni lill-Qorti.
[11] Id-Deċiżjoni 2002/494/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 (ĠU L 167, p. 1) li tistabbilixxi network Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra; Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 (ĠU L 190, p. 1) dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri; Id-Deċiżjoni 2003/335/ĠAI tat-8 ta' Mejju 2003 (ĠU L 118, p. 12) dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra.
[12] L-Artikoli 2, 3(5) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
[13] ĠU L 115, 28.04.2006.