Dokument ta' sessjoni
14.6.2010 B7‑0346/2010
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar id-diżastri naturali fl-Ewropa Ċentrali
Czesław Adam Siekierski, Tamás Deutsch, Zuzana Roithová, Anna Záborská, Markus Pieper, Richard Seeber, Bogusław Sonik, Jan Březina, Lambert van Nistelrooij, Andrzej Grzyb, Jolanta Emilia Hibner, Piotr Borys, Artur Zasada, Milan Zver, Jacek Saryusz-Wolski, Lena Kolarska-Bobińska, Jarosław Kalinowski, János Áder, Filip Kaczmarek, Csaba Őry, Krzysztof Lisek, Joachim Zeller, Edit Bauer, Nuno Teixeira, Ildikó Gáll-Pelcz, Ádám Kósa, Paweł Zalewski, Róża Gräfin Von Thun Und Hohenstein, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Sławomir Witold Nitras
f'isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diżastri naturali fl-Ewropa Ċentrali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-UE, u l-Artikolu 191 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ( COM(2005)0108 ) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2006,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa, tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa, u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien tal-foresti, in-nixfiet u l-għargħar) – l-aspetti agrikoli, l-aspetti tal-iżvilupp reġjonali u l-aspetti ambjentali,
– wara li kkunsidra l-White Paper “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn qafas Ewropew għall-azzjoni” ( COM(2009)147 ) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem ( COM(2009)0082 ),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra tal-24 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi seħħew diżastri naturali kbar, fis-sura ta' għargħar li kien hemm f'diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, partikolarment fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u l-Ungerija, kif ukoll fil-Ġermanja u fl-Awstrija, li wasslu għal diżgrazzji umani u l-ħtieġa li jiġu evakwati eluf ta' nies,
B. billi l-imsemmi diżastru kkawża danni serji, inkluż fl-infrastruttura, fl-intrapriżi u fl-art li tinħarat, u qerdu wkoll elementi tal-wirt naturali u kulturali, u possibilment ħolqu riskji għas-saħħa pubblika,
C. billi huwa meħtieġ li ssir rikostruzzjoni taż-żoni meqruda jew li saritilhom ħsara mid-diżastru biex tpatti għat-telf ekonomiku u soċjali tagħhom,
1. Jesprimi l-empatija u s-solidarjetà tiegħu għar-reġjuni milquta mid-diżastru; iqis l-effetti ekonomiċi serji li jista' jkollhom u juri r-rispett u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;
2. Jirrikonoxxi l-isforzi bla waqfien tal-unitajiet tat-tiftix u s-salvataġġ, li salvaw ħajjiet u taffew il-ħsara fl-inħawi milquta; ifaħħar f'dan ir-rigward lill-unità Balt Kontra l-Għargħar (il-Balt Flood Combat unit), li hi kkofinanzjata mill-Unjoni Ewropea;
3. Jirrispetta l-azzjonijiet li ħadu l-Istati Membri li pprovdew assistenza liż-żoni milquta, billi s-solidarjetà Ewropea hija inkorporata fl-assistenza reċiproka f'sitwazzjonijiet avversi;
4. Jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni milquta mid-diżastru jagħtu attenzjoni partikolari għall-pjanijiet sostenibbli rispettivi ta' rikostruzzjoni, kif ukoll biex jikkunsidraw il-fattibilità ta' investiment fit-tul fil-politiki tal-Istati Membri mal-potenzjal tal-prevenzjoni tad-diżastri u tal-kontroazzjoni li għandha tittieħed;
5. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jappoġġaw lil dawk milquta mill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tad-diżastru bl-iktar mod rapidu possibbli;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu minnufih, wara l-preżentazzjoni tal-pjanijiet rispettivi, l-azzjoni meħtieġa għal nefqa l-aktar rapida, effikaċi u flessibbli tal-mezzi finanzjarji meħtieġa mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tkun flessibbli fir-rigward tan-negozjati mal-awtoritajiet rilevanti jekk tkun tinħtieġ reviżjoni tal-programmi operattivi rilevanti għall-ippjanar jew l-implimentazzjoni fir-reġjuni milquta mid-diżastru;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tqis id-differenzi bejn ir-reġjuni milquta, li jinkludu, inter alia, muntanji u żoni tax-xmajjar oħra, biex tassisti l-vittmi bl-aħjar mod possibbli;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali fiż-żoni milquta.