Dokument ta' sessjoni
14.9.2010 B7‑0518/2010
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u taż-żoni fejn jgħixu ftit nies
Fiorello Provera, Nikolaos Salavrakos u Niki Tzavela
f'isem il-Grupp EFD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u taż-żoni fejn jgħixu ftit nies
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 174 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-Artikolu 170 dwar in-netwerks trans-Ewropej tat-Trattat ta' Lisbona,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 9 dwar is-servizzi ta' interess ġenerali,
– wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reġjuni strutturalment żvantaġġati (gżejjer, reġjuni muntanjużi, reġjuni fejn jgħixu ftit nies) fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni u l-prospettivi istituzzjonali tagħha ( 2002/2119(INI) ),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Ottubru 1998 dwar l-istrateġija l-ġdida għaż-żoni muntanjużi ( A4-0368/98 ),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Lulju 2008 dwar is-sitwazzjoni u l-prospettivi tal-agrikoltura fir-reġjuni muntanjużi ( 2008/2066 (INI) ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Marzu 2007 dwar il-gżejjer u l-ostakoli ekonomiċi u naturali fil-kuntest tal-politika reġjonali ( 2006/2106(INI) ),
– wara li kkunsidra l-punti 15, 16 u 46 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-raba' rapport dwar il-Koeżjoni ekonomika u soċjali ( 2007/2148(INI) ,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-azzjoni Komunitarja favur iż-żoni muntanjużi (2003/C128/05),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' Ġunju 2008 ("Opinjoni fuq inizjattiva proprja Għal Green Paper: Lejn politika tal-Unjoni Ewropea għar-reġjuni muntanjużi: viżjoni Ewropea għar-reġjuni muntanjużi" CdR 23/2008),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta' Marzu 2002 dwar il-problemi tar-reġjuni insulari tal-Unjoni Ewropea u l-prospettivi tagħhom fil-kuntest tat-tkabbir (2002/C 192/10),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar "Integrazzjoni aħjar fis-suq intern — fattur ewlieni tal-koeżjoni u t-tkabbir għall-gżejjer" (2009/C 27/26),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il-futur tat-territorji muntanjużi fl-Unjoni Ewropea (CES 1025/2002),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u taż-żoni fejn jgħixu ftit nies,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikulari lir-reġjuni muntanjużi, lill-gżejjer u liż-żoni li fihom jgħixu ftit nies hija rikonoxxuta b'mod espliċitu mit-Trattat ta' Lisbona, kemm permezz tal-Artikolu 174 dwar il-koeżjoni territorjali, flimkien mal-koeżjoni ekonomika u dik soċjali, u kemm permezz tal-Artikolu 170 dwar in-netwerks trans-Ewropej;
B. billi dawn it-territorji huma partikolarment affettwati mill-Protokoll Nru 9 dwar is-servizzi ta' interess ġenerali u s-suq wieħed,
C. billi kemm il-Parlament Ewropew, kemm il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali jew il-Kumitat tar-Reġjuni ġibdu ripetutament l-attenzjoni tal-awtoritajiet Komunitarji dwar il-bżonn li dawn id-dispożizzjonijiet jissarrfu f'politiki konkreti fil-liġi u l-politiki tal-Unjoni Ewropea, fir-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità,
D. billi, jekk it-Trattat ta' Lisbona jirrikonoxxi li dawn l-oqsma ta' spiss isofru minn żvantaġġi ġeografiċi jew demografiċi gravi u permanenti, huwa veru wkoll li dawn, minħabba l-pożizzjoni ġeografika, ir-riżorsi naturali, l-ambjent u l-wirt kulturali tagħhom, huma rikki fl-opportunitajiet u fil-potenzjal,
E. billi jaqbel li dawn l-opportunitajiet u l-potenzjal ikunu sfruttati fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli, konformement mal-objettivi tal-istrateġija UE 2020,
F. billi jaqbel li jintużaw l-istrumenti kollha li joffru l-politiki Komunitarji biex tiżdied il-kapaċità ta' attrazzjoni ta' dawn it-territorji, billi jkunu żviluppati l-ekonomiji tagħhom u billi jkunu offruti kundizzjonijiet ta' ħajja xierqa lill-abitanti, li teħtieġ artikolazzjoni u koordinazzjoni aħjar tal-politiki Komunitarji nazzjonali u reġjonali;
G. billi, barra minn hekk, ħafna minn dawn it-territorji huma fruntieri interni jew esterni tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk huma partikolarment vulnerabbli għal pressjonijiet tas-suq wieħed jew għal diversi riskji (traffiċi differenti, theddid ambjentali li ġej minn barra ...),
H. billi, kemm sabiex tiżgura rilanċ effettiv u ġust tas-suq wieħed (rapport Monti) u kemm biex tikkontribwixxi għas-suċċess tal-politika tal-viċinat tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha tevita li dawn it-territorji jkunu vittmi tad-depopolazzjoni u ta' differenzi soċjo-ekonomiċi inaċċettabbli,
I. billi l-għan hawnhekk huwa ta' abbozz ta' kwadru ġenerali, applikabbli kemm għal dawn it-territorji meqjusa kollha flimkien, kemm għall-politiki komunitarji kollha, u partikolarment għal dawk fosthom li jkollhom impatt territorjali qawwi (il-politika reġjonali, l-għajnuna mill-Istat, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-sajd, it-trasport, l-enerġija, l-ambjent),
1. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tapplika d-dispozizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 174 tat-Trattat ta' Lisbona fil-qafas tal-elaborazzjoni ta' prospettivi finanzjarji ġodda;
2. Jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tagħmel mingħajr dewmien studju dwar l-ispejjeż żejda li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni jew l-intrapriżi f'dawn it-territorji waqt il-kostruzzjoni u l-ġestjoni ta' infrastruttura, jew meta jkollhom bżonn aċċess għall-prodotti jew għas-servizzi;
3. Jirrakkomanda miżuri bħall-użu ta' strateġiji makroreġjonali (multireġjonali, transnazzjonali jew transkonfinali) biex jiffaċjaw mhux biss is-sitwazzjoni fir-reġjuni muntanjużi jew fil-baċini tal-baħar, iżda wkoll f'żoni funzjonali biex nifhmu, fil-livell subreġjonali, is-sitwazzjoni speċifika tal-gżejjer jew tal-widien tal-muntanji;
4. Jirrakkomanda wkoll li l-azzjonijiet ta' koperazzjoni transkonfinali, fil-kuntest tal-għan tagħhom ta' żvilupp lokali sostenibbli, jiġu adattati għar-realtajiet tat-territorji, waqt li jitqiesu d-dimensjonijiet ġeografiċi, ekonomiċi, kulturali u storiċi;
5. Jenfasizza li hu indispensabbli li jkunu studjati flimkien l-impatti tal-parametri ġeografiċi u demografiċi differenti biex wieħed jevalwa s-sitwazzjonijiet fejn jakkumulaw ir-restrizzjonijiet territorjali (gżejjer muntanjużi, muntanji b'densità ta' popolazzjoni baxxa, eċċ.) jew ikunu aggravati (mikro-insularità, effett ta' arċipielgu);
6. Iqis li d-diversità kbira tas-sitwazzjonijiet li wieħed isib fit-territorji hekk-imsejħa "speċifiċi" għandha tirriżulta mhux fi tweġiba uniformi min-naħa tal-UE, imma fl-istabbiliment ta' qafas li jippermetti, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, li tintwera ċerta flessibilità u li tingħata risposta każ b'każ għall-problemi li jinqalgħu;
7. Jitlob lill-Kummissjoni biex iddaħħal fil-leġiżlazzjoni rilevanti qafas li jippermetti risposta każ b'każ, u bil-flessibbiltà meħtieġa, għas-sitwazzjoni tal-gżejjer, tar-reġjuni muntanjużi, jew taż-żoni li fihom jgħixu ftit nies;
8. Ifakkar li l-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri adattati jeħtieġu kooperazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali li jiżguraw il-ġestjoni kwotidjana ta' dawn it-territorji u jirrappreżentaw l-interessi tal-abitanti tagħhom, u dan fil-kuntest ta' governanza fuq diversi livelli u fir-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.