Dokument ta' sessjoni
18.10.2010 B7‑0571/2010
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
biex tingħalaq id-diskussjoni dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
Johannes Cornelis van Baalen, Adina-Ioana Vălean, Ramon Tremosa i Balcells, Kristiina Ojuland, Marielle De Sarnezf'isem il-Grupp ALDE
<<<
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,
- wara li kkunsidra s-Sħubija tal-Lvant imnedija fi Praga f' Mejju 2009,
- wara li kkunsidra l-konklużjoniet tiegħu tas-Samit UE-Ukraini li sar fi Kiev fl-4 ta' Diċembru 2009 u l-preparazzjonijiet għas-Samit li jmiss UE-Ukraina fi Brusell fit-22 ta' Novembru 2010,
- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u l-Ukraina li sar f' Marzu 2010,
- wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998 u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA) maħsub biex jissostitiwixxi l-FSK,
- wara li kkunsidra l-Aġenda tal-Assoċjazzjoni UE-Ukraina u l-prijoritajiet tagħha għall-2010,
- wara li kkunsidra l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar il-faċilizzazzjoni tal-viżi ffirmat fit-18 ta' Ġunju 2007 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008,
– wara li kkunsidra l-liġi ġdida dwar elezzjonijiet lokali adottati mill-Verkhovna Rada fl-Lulju 2010,
- wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukraina tal-1 ta' Ottubru 2010 li ħassret ir-riformi kostituzzjonali tal-2004 u reġgħet stabbiliet il-poteri presidenzjali,
- wara li kkunsidra l-elezzjonijiet elettorali li ġejjin fl-Ukraina fil-31 ta' Ottubru 2010,
- wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Parlament Ewropew għadu impenjat bis-sħiħ biex japprofondixxi u jiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant li ma jeskludix l-perspettiva futura ta' sħubija sħiħa mal-UE bi qbil mal-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
B. billi l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fis-17 ta' Jannar u s-7 ta' Frar 2010 kienu tista' tgħid konformi ma' standards internazzjonali, filwaqt li l-elezzjonijiet lokali li ġejjin u li se jsiru fil-31 ta' Ottubru 2010 għandhom ikomplu jsaħħu l-kredenzjali demokratiċi tal-Ukraina,
C. billi l-Unjoni Ewropea hija favur Ukraina li taħdem għall-implimentazzjoni ta' prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-awtoritajiet tal-Ukraina għandhom juru impenn bla heda favur it-tħaddin ta' dawn il-prinċipji sabiex tinkiseb stabbilità politika akbar fil-pajjiż;
D. billi n-negożjati għat-twaqqif ta' Ftehim għal Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTA) qed joffru opportunità sabiex ikompli jisseddaq il-potenzjal tar-relazzjonijiet ekonomiċi UE-Ukraina,
E. billi l-adeżjoni tal-Ukraina mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija hija ta' importanza kbira għall-partijiet kollha,
F. billi s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukraina tal-1 ta' Ottubru 2010 terġa' tistabbilixxi s-sistema presidenzjali ta' governanza; billi t-twaqqif ta' sistema ta' kontrolli u bilanċi li tkun demokratika, effettiva u sostenibbli għandha tibqa' prijorità u l-proċess sabiex jinkiseb dan għandu jibqa' miftuħ, inklussiv u aċċessibbli għall-partiti politiċi u l-atturi kollha fl-Ukraina,
G. billi l-istabbilità politika domestika tal-Ukraina u l-iffukar fuq riforma interna huma prirekwiżit għal aktar żvilupp fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; billi s-Sħubija tal-Lvant tibbenefika mill-impenn tal-awtoritajiet tal-Ukraina sabiex jaħdmu favur it-twettiq tal-objettivi tagħha skont l-erba' pjattaformi tematiċi,
H. billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina għandu jservi bħala strument tal-proċess ta' riforma u jagħti rwol aqwa lis-soċjetà ċivili,
1. Jirrikonoxxi li l-Ukraina, bħala pajjiż Ewropew, għandha sehem mill-istorja u l-valuri komuni tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina, Jappoġġa aktar tisħiħ tar-relazzjonijiet UE-Ukraina u jistenna li jkun hemm aktar progress fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta' riforma fl-Ukraina bl-għan li l-Ukraina titqarreb lejn l-Unjoni Ewropea;
2. Jilqa' bi pjaċir il-kooperazzjoni li qed tkompli bejn l-UE u l-Ukraina fuq firxa komprensiva ta' setturi; jirrikonoxxi l-importanza ta' Standby Arrangement miftiehem mal-IMF li l-UE qed tikkomplimenta u tappoġġa permezz ta' assistenza makrofinanzjarja, jistenna l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu fl-interess tal-istabbilità ekonomika;
3. Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-liġi dwar il-funzjnament tas-suq tal-gass kif ukoll il-passi mill-Ukraina sabiex tiffinalizza l-proċess ta' Adeżjoni mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija tal-Ukraina; Jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-modernizzazzjoni sħiħa tas-settur tal-enerġija fl-Ukraina;
4. Jenfasizza l-bżonn ta' stabilizzazzjoni politika u ekonomika, partikolarment permezz ta' proċess ta' riforma kostituzzjonali, konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt u sforzi mġedda sabiex jikkumbattu l-korruzzjoni u jtejbu l-klima tal-kummerċ u l-investiment;
5. Japprova l-prijoritajiet għall-2010 tal-Aġenda tal-Asssoċjazzjoni UE-Ukraina u jistenna li jkun hemm progress ġenwin fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura u ta' djalogu politiku akbar;
6. Jirrikonoxxi s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukraina u jiddispjaċih li r-riforma Kostituzzjonali meħtieġa ġiet implimentata mingħajr proċess politiku inklussiv li jikkonsidra l-fehma tal-partijiet kollha, inkluża l-oppożizzjoni;
7. Jiddispjaċih li r-regoli tal-elezzjonijiet għadhom suġġett ta' diskussjoni u jinnota l-fatt li l-ligi elettorali eżistenti, kif emendata f'Awwissu 2009, hija meqjusa bħala pass lura mill-OSCE/ODHIR meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni preċedenti, hekk li tirriżulta f'qafas legali inkomplet u mhux ċar; jinkoraġġixxi għalhekk lill-awtoritajiet tal-Ukraina sabiex jirrevedu u jikkompletaw il-leġiżlazzjoni elettorali fi proċess li tkun involuta fih l-oppożizzjoni;
8. Jenfasizza li l-elezzjonijiet lokali tal-31 ta' Ottubru 2010 huma importanti għall-Ukraina u kif jitmexxew għandu juri li l-Ukraina qed tkompli fil-progress ta' organizzazzjoni ta' elezzjonijiet konformi ma' standards internazzjonali; Jenfasizza li kif jitmexxew dawn l-elezzjonijiet se jkun test għall-gvern attwali;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti li l-Liġi għall-Elezzjonijiet Lokali tillimita l-possibiltajiet li jiġu eletti għadd ta' partiti stabbiliti reċentement, filwaqt li toħloq vantaġġi għall-partiti diġà stabbiliti;
10. Jenfasizza l-importanza tal-midja indipendenti u jitlob li jkun hemm investigazzjoni u evalwazzjoni indipendenti sabiex jiċċaraw rapporti li hemm rabta mill-qrib bejn l-awtorirtajiet u l-ġestituri ta' fornituri ta' midja, it-trażżin ta' ġurnaliżmu investigattiv minn uffiċjali esekuttivi tal-midja u theddid fiżiku kontra ġurnalisti indipendenti;
11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex ikomplu għaddejjin b'aktar preparazzjonijiet għal Ftehim ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Qawwi u Komprensiv (DCFTA) filwaqt li jitqies il-bżonn li jisseddqu r-relazzjonijiet ekonomiċi; jenfaissa li l-iffinalizzar tad-DCFTA qabel is-Samit UE-Ukraina f'Novembru 2010 mhuwiex għan fih innifsu u għalhekk għandu jikkunsidra żviluppi fl-Ukraina u l-impenji tagħha favur id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
12. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex itennu r-rieda tajba tal-UE sabiex tgħin lill-Ukraina fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħha permezz ta' strumenti proposti mis-Sħubija tal-Lvant u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-President, Gvern u Parlament tal-Ukraina.