Dokument ta' sessjoni

 

18.10.2010                                                                                                              B7‑0572/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova

Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Monica Luisa Macovei, Ioannis Kasoulides, Traian Ungureanu, Lena Kolarska-Bobińska, Vytautas Landsbergis, Cristian Dan Preda

f'isem il-Grupp PPE

 

B7‑0572/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-UE-Moldova ppubblikata fil-21 ta’ Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Progress dwar ir-Repubblika tal-Moldova tat-12 ta' Mejju 2010 ( COM(2010)207 ), li jqis li sar progress fil-parti l-kbira tal-oqsma settorjali koperti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV;

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll in-negozjati dwar il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viżi bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Finali u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Koperazzjoni Parlamentari UE-Repubblika tal-Moldova tas-17 ta’ Frar 2010,

–   wara li kkunsidra l-assistenza mogħtija mill-Unjoni Ewropea lir-Repubblika tal-Moldova fil-qafas tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI), inkluż għall-proġett bit-titolu "Appoġġ Elettorali għar-Repubblika tal-Moldova", mis-26 ta’ Frar 2009, li ta assistenza finanzjarja b'appoġġ għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti fir-Repubblika tal-Moldova,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Moldova u fir-repubblika mhux rikonoxxuta li pproklamat lilha nnifisha ta’ Transnistria, b’mod partikulari r-riżoluzzjonijiet tas-16 ta’ Marzu 2006, tas-26 ta’ Ottubru 2006 u tal-5 ta’ Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-Sħubija tal-Lvant ippreżentati f’Mejju 2009 rrikonoxxew l-aspirazzjonijiet Ewropej tar-Repubblika tal-Moldova u l-importanza tal-Moldova bħala pajjiż b'rabtiet storiċi, kulturali u ekonomiċi fondi mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

B.  billi l-Unjoni tqis l-istabilità u l-governanza tajba bħala pedament għall-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi ġirien tagħha, inkluża r-Repubblika tal-Moldova,

C. billi fir-Rapport ta' Progress dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħha ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni laqgħet il-progress tal-Moldova fil-maġġoranza tal-oqsma tal-Pjan ta' Azzjoni; billi l-politika tal-Unjoni fis-Sħubija tal-Lvant għandha tkun mfassla apposta għal kull stat u bbażata fuq il-merti u l-progress ta’ dan l-istat biss,

D. billi l-indikaturi makroekonomiċi juru żvilupp posittiv fl-ekonomija fl-2010 minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali diffiċli,

E.  billi fl-10 ta’ Settembru 2010 l-Parlament tal-Moldova rratifika l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

F.  wara li kkunsidra l-interess tal-Unjoni li ssolvi s-sitwazzjoni fir-reġjun mhux rikonoxxut tat-Transnistrja,

G. billi n-negozjati dwar is-soluzzjoni tal-problema tat-Transnistrja fil-format hekk imsejjaħ ‘5+2’ li fih qed jipparteċopaw il-Moldova, ir-reġjun tat-Transnistrja tal-Moldova, ir-Russja, l-Ukraina u l-OSKE, bl-UE u l-Istati Uniti bħala osservaturi,

H. wara li kkunsidra r-riżultat tar-referendum dwar ir-riforma tal-Kostituzzjoni tal-5 ta’ Settembru 2010 u d-deċiżjoni biex isiru elezzjonijiet parlamentari bikrin fit-28 ta’ Novembru 2010,

I.   billi l-Parlament jappoġġa l-aspirazzjonijiet Ewropej tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll mixjitha lejn l-integrazzjoni Ewropea u jsegwi mill-qrib l-iżviluppi fir-Repubblika tal-Moldova kif ukoll ir-relazzjonijiet tagħha mal-Unjoni Ewropea,

1.  Jifraħ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova għall-impenn li ħadu għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-riformi strutturali kif ukoll għall-kisbiet tagħhom matul l-ewwel sena tagħhom fis-setgħa u l-progress rigward l-Unjoni Ewropea, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova;

2.  Jifraħ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova li, wara l-elezzjonijiet Parlamentari tad-29 ta' Lulju 2009, indirizzat nuqqasijiet fl-oqsma tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jilqa’ l-adozzjoni, fit-8 ta’ Ottubru 2010, tal-Prijoritajiet ta’ Riforma 2010- 2011 fil-Qasam tal-Integrazzjoni Ewropea mill-Kummissjoni tal-Gvern għall-Integrazzjoni Ewropea;

4.  Jilqa’ l-bidu tan-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova fit-12 ta’ Jannar 2010 u jieħu nota b’sodisfazzjon tar-riżultati tajbin ħafna li l-Kummissjoni qed tirċieivi mir-Repubblika tal-Moldova f’dan il-proċess;

5.  Jilqa’ t-tnedija tad-djalogu, fil-15 ta’ Ġunju 2010, dwar il-viża bejn l-Unjoni u l-Moldova bil-ħsieb tal-liberalizzazzjoni tal-viża;

6.  Jilqa’ l-laqgħat informali li saru, sa minn Ġunju 2009, fil-format "5+2" rigward l-isforzi bl-għan li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tat-Transnistrja; jesprimi l-konfidenza li l-format 5 +2 joffri l-ambjent xieraq biex tintlaħaq soluzzjoni stabbli għall-kunflitt tat-Transnistrja u jistieden lill-partijiet biex jirritornaw għan-negozjati formali f'dan il-format mill-iktar fis possibbli;

7.  Jistenna li l-awtoritajiet tal-Moldova jaħdmu fuq ir-riformi bżonnjużi u jissodisfaw l-impenji tagħhom biex ir-Repubblika tal-Moldova tibqa’ fi triqtha lejn l-integrazzjoni gradwali Ewropea;

8.  Jitlob lill-Kunsill biex jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi ħalli tiżviluppa malajr il-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viżi fil-laqgħa tiegħu li jmiss fil-25 ta’ Ottubru 2010, biex b’hekk tibda l-fażi għal kollox operattiva tad-djalogu dwar il-viżi bbażat fuq il-progress tar-Repubblika tal-Moldova wara t-taħditiet esploratorji dwar l-erba’ blokok tad-djalogu dwar il-viżi;

9.  Jesprima l-fiduċja tiegħu li se jsir progress rapidu fin-negozjati dwar iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles mal-UE, bħala parti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u li se jissaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Moldova u l-Unjoni kif ukoll ikun stimulat l-investiment barrani dirett fil-Moldova; jirrikonoxxi t-titjib fl-ambjent kummerċjali u l-qafas regolatorju tal-attività imprenditorjali bħala miżura ewlenija biex jinġibdu l-investimenti;

10. Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-ġudikatura bħala kwistjoni ta' prijorità assoluta, bit-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni enfasizzata wkoll fil-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tar-riforma ġudizzjarja; jilqa' l-approvazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tar-riforma ġudizzjarja mill-Gvern tal-Moldova f'Ottubru 2009 u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Moldova biex japplikaw dawn il-miżuri fil-prattika immedjatament;

11. Jinnota l-progress tar-Repubblika tal-Moldova fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif innutat mit-titjib fil-klassifika ta’ Transparency International u bħall-Kunsill tal-Grupp ta’ Stati Ewropej kontra l-Korruzzjoni (GRECO) iqis li l-Moldova għamlet progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

12. Jenfasizza l-ħtieġa li tas-titsħiħ tal-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjonijiet tal-istat, b'mod speċjali wara l-interventi vjolenti mill-istituzzjonijiet waqt l-avvenimenti ta'April 2009 u jistenna li dawk kollha misjuba responsabbli għall-vjolenza wara l-elezzjonijiet ta' April 2009 jitressqu quddiem qorti, kif mitlub mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Mejju 2009 dwar il-qagħda fir-Repubblika tal-Moldova[1];

13. Jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-kwistjoni Transnistrjana tikkostitwixxi element kruċjali għall-promozzjoni tal-istabilità politika u l-prosperità ekonomika fir-Repubblika tal-Moldova u r-reġjun; itenni l-appoġġ tiegħu għall-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova u jirrimarka li huwa meħtieġ rwol aktar b'saħħtu tal-UE biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tat-Transnistrja;

14. Jilqa’ l-inizjattiva Meseberg għas-soluzzjoni tal-kunflitt tat-Transnistrja, mibdija mill-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-President Russu Dmitri Medvedev u jemmen li forum tas-sigurtà fil-livell tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin jista’ jikkontribwixxi għal soluzzjoni sostenibbli tal-kunflitt flimkien mas-sieħba tiegħu;

15. Jinnota n-numru baxx ta' nies li ħarġu jivvutaw fir-referendum dwar ir-riforma tal-Kostituzzjoni u jħeġġeġ lill-mexxejja politiċi biex jinkoraġġixxu liċ-ċittadini biex jieħdu sehem fl-attivitajiet elettorali kollha; ma jridx ikun assoċjat mal-ebda politiku jew partit politiku li gġandu l-għan li jiskoraġġixxi ċ-ċittadini mill-eżerċizzju tad-dritt tal-vot tagħhom;

16. Jinnota d-deċiżjoni tal-Aġent President tar-Repubblika tal-Moldova li jorganizza elezzjonijiet parlamentari bikrin fit-28 ta' Novembru 2010 u jistenna li jittieħdu miżuri biex jiżguraw l-effettività tad-dritt tal-vot taċ-ċittadini tal-Moldova li jgħixu barra l-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet tar-reġjun separatist ta’ Transnistrja biex ma jxekklux liċ-ċittadini tal-Moldova milli jieħdu sehem fil-proċess tal-votazzjoni;

17. Jikkonkludi li l-awtoritajiet attwali għamlu r-riformi li impenjaw ruħhom li jagħmlu mal-Istituzzjonijiet Ewropej u sieħba internazzjonali oħra;

18. Jesprimi l-fiduċja tiegħu li r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari bikrin tat-28 ta' Novembru 2010 se jiżguraw li r-riformi ulterjuri meħtieġa mir-Repubblika tal-Moldova se jingħataw prijorità assoluta;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iżommu l-livell tad-djalogu politiku mar-Repubblika tal-Moldova;

20. Jitlob lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova biex jieħu sehem fl-Assemblea Parlamentari Euronest skont l-Att Kostitwenti tal-Assemblea;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Moldova.

[1]    Testi adottati, P6_TA(2009)0384