Sessjoni plenarja
8.12.2010 B7‑0688/2010
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011
Martin Schulz, Hannes Swoboda
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2011 ( COM(2010)623 ),
– wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet li ngħataw mill-kumitati tal-Parlament, li l-Konferenza tal-Presidenti għaddiethom lill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Professur Mario Monti lill-President tal-Kummissjoni Ewropea "Strateġija ġdida għas-Suq Uniku”,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” ( COM(2010)608 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini ( P7_TA-PROV(2010)0186 ,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar it-titjib tal-governanza ekonomika u tal-qafas ta' stabilità tal-Unjoni, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro ( P7_TA-PROV(2010)0377 ,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta’ nofs il-perjodu) ( P7_TA-PROV(2010)0376 ,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tan-NU, dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tal-20-22 ta’ Settembru 2010 u l-konklużjonijiet tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea għadha qed tbati b’mod gravi mir-riperkussjonijiet tal-kriżi tas-settur finanzjarju tal-2008, u dan qed jidher fil-qgħad tal-massa, l-irkupru ekonomiku fraġli, il-problemi fiskali, it-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi u l-attakki mis-swieq finanzjarji fuq xi Stati Membri,
B. billi l-irkupru sħiħ jeħtieġ strateġija komuni Ewropea għal tkabbir sostenibbli u ħolqien ta’ impjiegi, appoġġata bis-setgħat u r-riżorsi meħtieġa,
C. billi huwa essenzjali wkoll li titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-Ewropa għal dak li jfettlilhom jagħmlu s-swieq finanzjarji, bit-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea u globali u bit-tlestija ta’ riforma ambizzjuża tar-regolazzjoni u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju,
D. billi d-difiża tad-drittijiet fundamentali ta' kulħadd, il-ħelsien mid-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza quddiem il-liġi lkoll huma prinċipji essenzjali tal-Unjoni Ewropea, u dawn għandhom ikunu l-pedament tal-programm leġiżlattiv u ta’ ħidma u jridu jkunu rrispettati fl-oqsma kollha tal-attività tal-UE, inkluża l-liġi kriminali u ċivili, il-migrazzjoni, is-suq uniku u l-liġijiet dwar ix-xogħol,
E. billi d-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija huma l-qalba tal-identità tal-UE u għadhom prijorità ewlenija tal-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-UE,
F. billi t-Trattat ta' Lisbona jafferma mill-ġdid li l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea, li minnha l-kummerċ huwa parti integrali, għandha titwettaq b'koerenza mal-objettivi kollha tal-UE, inklużi dawk soċjali, ambjentali u tal-iżvilupp; billi jeħtieġ li l-koerenza politika bejn il-politiki interni u dawk esterni tkun prijorità, b'mod partikolari biex tiżgura li l-politika dwar il-kummerċ tkun ikkoordinata mal-politiki industrijali u agrikoli tal-UE, biex effettivament tiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi,
Daħla u osservazzjonijiet ġenerali
1. Jinnota l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2011 u jilqa' ħafna mill-proposti, iżda jemmen li l-programm globalment ma jirriflettix biżżejjed l-avvenimenti l-iktar importanti li seħħew fl-Ewropa mill-2008 ’l hawn, u lanqas it-tamiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej,
2. Jiddeplora li l-programm ta’ ħidma ma jenfasizzax aktar is-seba' miljun sensja kkawżati mill-kriżi finanzjarja u r-riċessjoni sussegwenti, u lanqas ir-riskju li ħafna minn dan il-qgħad se jippersisti għal snin sħaħ; iqis li dan huwa fost l-isfidi ewlenin għall-UE fis-sena 2011 u lil hinn minnha; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika bid-dettall ir-risposta tagħha għar-riskju ta’ qgħad persistenti u tindika kif l-inizjattivi u l-proposti tagħha se joħolqu biżżejjed impjiegi deċenti biex jilqgħu l-isfida;
3. Jemmen li l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u fiskali drammatiċi tal-kriżi tas-settur finanzjarju tal-2008 kixfu dgħufijiet u żbilanċi fil-mudell ekonomiku Ewropew, li jirrikjedu riforma radikali u riorjentazzjoni tal-governanza ekonomika u tar-regolazzjoni tas-settur finanzjarju, u post aktar ċentrali għaċ-ċittadin u d-dimensjoni soċjali fil-proġett Ewropew;
4. Jemmen ukoll li dawn l-objettivi, flimkien mal-isfidi dinjija tas-seklu 21, jeħtieġu tisħiħ tal-koperazzjoni u s-solidarjetà Ewropej, il-konċentrazzjoni tal-attività Ewropea f'dawk l-oqsma fejn l-Unjoni ġġib valur miżjud u tikkontribwixxi għall-effettività akbar fl-użu ta’ riżorsi pubbliċi, u qafas finanzjarju li jippermetti lill-Unjoni taqdi bis-sħiħ il-kompiti fdati f'idejha;
5. Għalhekk jilqa’ l-post importanti tal-baġit tal-UE fil-programm ta’ ħidma u r-rikonoxximent tal-Kummissjoni li l-Ewropa teħtieġ baġit ġdid bħala għodda qawwija għall-ilħuq ta’ għanijiet komuni tal-UE, iżda jinsisti li l-Kummissjoni għandha wkoll tressaq malajr proposti għar-reviżjoni tal-qafas finanzjarji preżenti, u telabora proposti sinifikanti għall-istabbiliment ta’ riżorsi proprji ġodda li mingħajrhom mhux se tkun tista' timplimenta bis-sħiħ il-programm ta' ħidma tagħha, partikolarment biex ikunu indirizzati l-lakuni fil-finanzjament għall-programmi ewlenin u biex ikunu pprovduti l-mezzi sabiex l-UE taqdi r-responsabbiltajiet ġodda tagħha skont it-Trattat ta’ Lisbona u l-Istrateġija UE 2020;
6. Jilqa’ l-prijorità mogħtija lir-riforma tal-governanza ekonomika Ewropea u jinsisti li tali riforma għandha tqis bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Parlament kif stipulat fir-Riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010; jeħtieġ li jkollha l-għan li ġġib 'il quddiem l-objettivi ekonomiċi u soċjali tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 3 tat-Trattat ta’ Lisbona; ifakkar li l-PE u l-Kunsill, bħala ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, għandhom ikunu involuti ndaqs fi kwalunkwe mobilizzazzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilità Finanzjarja, li l-konsegwenzi baġitarji tiegħu għad iridu jiġu ċċarati;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li r-riforma tar-regolazzjoni finanzjarja tkun ikkompletata, biex it-trasparenza, l-istabbiltà u r-responsabbilta tas-settur finanzjarju jissaħħu, filwaqt li jkun hemm garanzija li s-suq tas-servizzi finanzjarji jaqdi lill-ekonomija reali; biex ikun żgurat li min iħallas it-taxxi qatt aktar ma jerġa' jintalab iħallas għas-salvataġġ tal-banek; biex tiskoraġġixxi l-ispekulazzjoni u l-bżieżaq tal-prezzijiet tal-assi; tinkoraġġixxi bilanċ ġdid tal-ekonomija; u tippromwovi settur finanzjarju li jaqdi ċ-ċittadini u n-negozji tal-Ewropa;
8. F'dak ir-rigward jitlob livell ogħla ta' ambizzjoni, fid-dawl tal-qbil fost l-ekonomi li r-riformi mwettqa sal-lum ma indirizzawx għalkollox il-problemi tas-settur finanzjarju bis-sħiħ; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijet wiesgħa, permezz ta' proċess trasparenti li jinkludi lill-persuni interessati, dwar riforma ulterjuri lil hinn mill-proposti fil-Programm ta' Ħidma tagħha, u tirrapporta lill-Parlament sa tmiem l-2011;
9. Ifakkar li r-Rapport Monti dwar is-Suq Uniku, ikkummissjonat mill-President tal-Kummissjoni Barroso, sab li “ħafna Ewropej iħarsu lejn is-suq uniku b’suspett, biża’ u, xi drabi, ostilità aperta”; jitlob lill-Kummissjoni tilqa' t-talba tal-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar it-twettiq ta' suq uniku għaċ-ċittadini u l-konsumaturi għal approċċ olistiku li jkollu fil-qofol tiegħu l-interessi taċ-ċittadini, il-ħaddiema u n-negozji ż-żgħar;
10. Jiddispjaċih li fil-programm ta’ ħidma, meqjus fl-intier tiegħu, id-dimensjoni soċjali għadha marġinalizzata, filwaqt li l-Kummissjoni għadha maħkuma mill-mudell ekonomiku ta' dawn l-aħħar tletin sena, li ma rnexxilux iwettaq il-prosperità, l-istabbiltà u l-inklużjoni soċjali li huma l-objettivi ddikjarati tal-Unjoni; u li fl-aħħar safa skreditat mill-kroll finanzjarju tal-2008;
11. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ politika industrijali u ta’ koeżjoni Ewropea ambizzjuża sabiex tisaħħaħ l-ekonomija reali, tittejjeb il-konverġenza u nirrealizzaw tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea iktar intelliġenti u sostenibbli li tippermetti l-ħolqien ta’ aktar impjiegi u ta’ kwalità aħjar;
12. Ifakkar li l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE enfasizzat ir-rwol ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni fil-promozzjoni tas-solidarjetà u l-konverġenza ekonomika reali u fl-ilħuq tal-objettivi tal-UE 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli. Jiddispjaċih għalhekk li l-programm ta’ ħidma għall-2011 ma jagħmel l-ebda riferenza għal dan l-istrument importanti ta' politika;
13. Jiddispjaċih dwar il-konfużjoni kkawżata mill-multiplikazzjoni ta’ inizjattivi: l-att dwar is-suq uniku, il-komunikazzjonijiet dwar il-politika industrijali u dwar il-prijoritajiet rigward l-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u lil hinn, il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni, l-inizjattivi emblematiċi tal-UE 2010 eċċ.; jitlob iktar konsistenza u governanza aħjar;
14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka l-isforzi tagħha iktar fuq l-iżvilupp ta’ politika ta’ komunikazzjoni effettiva biex tipprovdi liċ-ċittadini bil-mezzi biex jifhmu l-UE aħjar; jenfasizza li l-proposti leġiżlattivi għandhom ikunu akkumpanjati minn strateġiji komunikattivi komprensivi li jispjegaw il-valur miżjud tagħhom għaċ-ċittadini Ewropej;
iqis, f'dak il-kuntest, li għandha tingħata attenzjoni speċifika għall-ispjegazzjoni tal-benefiċċji tal-inizjattiva taċ-ċittadini bħala strument b’saħħtu li jiddefinixxi l-aġenda u jista’ jiżgura li l-istituzzjonijiet tal-UE jindirizzaw il-problemi konkreti taċ-ċittadini;
It-tisħiħ tal-governanza ekonomika u s-semestru Ewropew
15. Jinnota s-sejħa fil-Komunikazzjoni għal progress rapidu dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar il-governanza ekonomika; jemmen li dan għandu jkun jista’ jintlaħaq, sakemm l-istituzzjonijiet kollha jaħdmu flimkien fi spirtu ta’ kompromess u li l-pożizzjoni tal-Parlament stess dwar il-governanza ekonomika, kif adottata minn maġġoranza kbira fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ottubru II, tkun sostanzjalment riflessa fil-pakkett leġiżlattiv;
16. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ governanza ekonomika Ewropea li jkollha l-għan ta' politika fiskali soda li timmira għal iktar tkabbir u sitwazzjoni fejn kulħadd ikollu impjieg u impjieg deċenti; jemmen li l-pakkett ta’ governanza għandu jiġi kkomplementat b’leġiżlazzjoni li toħloq mekkaniżmu permanenti ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet u bil-miżuri inizjali bl-għan tal-ħruġ reċiproku ta’ parti mid-dejn sovran u l-introduzzjoni ta’ Eurobonds; u jitlob impenji mill-Kummissjoni għal dan il-għan;
17. Jinsisti li s-Semestru Ewropew għandu jintuża biex isaħħaħ il-koordinazzjoni tal-baġit u s-sinerġiji bejn l-UE u l-baġits nazzjonali sabiex jintlaħqu l-għanijiet politiċi ġenerali tal-UE; jiddispjaċih min-nuqqas ta’ proposti konkreti s'issa f'dan ir-rigward;
18. Jiddispjaċih li l-proposti għas-Semestru Ewropew u l-pakkett ta’ governanza jipprovdu ftit li xejn opportunità għal skrutinju demokratiku Ewropew u jinsisti li għandu jkun hemm involviment parlamentari qawwi fit-tnejn li huma;
19. Jesprimi tħassib dwar il-kollegamenti bejn is-semestru Ewropew, il-Linji Gwida Integrati dwar l-Impjiegi u l-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika;
Tkabbir inklużiv
20. Jilqa’ l-inklużjoni ta’ inizjattivi emblematiċi fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali, jiġifieri aġenda għal ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda u l-pjattaforma dwar il-faqar, iżda jiddispjaċih li hemm verament ftit proposti leġiżlattivi;
21. Jemmen li t-tkabbir inklużiv jista’ jinbena biss fuq pedament ta’ trattament indaqs għall-ħaddiema kollha fil-post tax-xogħol u kundizzjonijiet indaqs għan-negozji kollha. Jiddispjaċih li l-programm ta’ ħidma ma jinkludix reviżjoni tad-Direttiva dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi sabiex ikunu ggarantiti dawn il-prinċipji; u jinsisti li l-proposta leġiżlattiva dwar l-implimentazzjoni, kif previst fil-Komunikazzjoni dwar l-Att tas-Suq Uniku, għandha tiċċara l-eżerċizzju tad-drittijiet soċjali fundamentali;
22. Jiddispjaċih ukoll li l-proposti dwar il-migrazzjoni mhumiex biżżejjed biex jiżguraw trattament indaqs u l-protezzjoni tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi u biex jevitaw abbużi minn kumpaniji li jfittxu ħaddiema li jaċċettaw pagi baxxi u jsaħħu d-dumping soċjali. Ifakkar hawn il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew kontra l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini fl-arranġamenti ta’ xogħol u ta’ liġi soċjali;
23. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta ġdida dwar id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol li tinkludi kemm il-kwistjoni tad-derogi (opt-out) u kemm dik tas-servizzi għal dak li jista’ jinqala’ (on-call); jenfasizza li proposta dwar waħda jew l-oħra mhix aċċettabbli;
24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti widen għall-fehmiet tas-sieħba soċjali fil-qasam tal-pensjonijiet u biex tiżgura li l-white book jirrifletti l-aspettattivi taż-żewġ naħat tal-industrija inkluż it-tisħiħ tal-ewwel pilastru;
25. Jilqa’ r-riforma tal-EURES, il-websajt għall-impjiegi, li permezz tagħha hemm iktar aċċess għall-informazzjoni u l-pariri dwar l-impjiegi għall-ħaddiema żgħażagħ, iżda jiddispjaċih li din il-proposta kienet posposta għall-2012, filwaqt li ż-żgħażagħ jeħtiġuha llum;
26. Jilqa’ l-qafas tal-UE għall-politiki nazzjonali dwar ir-Roma iżda jitlob li dan jinkludi inizjattivi leġiżlattivi dwar l-inklużjoni soċjali u non-diskriminazzjoni;
27. Jinnota l-proposta dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u jilqa' bil-qalb proposta dwar il-liv għall-paternità;
28. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni mhix qed tipproponi inizjattiva leġiżlattiva dwar ir-ristrutturar sabiex jinqerdu l-abbużi u tkun protetta l-bażi industrijali Ewropea;
29. Jenfasizza li l-proposti dwar l-akkwisti pubbliċi għandhom isaħħu l-Mudell Soċjali Ewropew, inkluż it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol;
30. Sabiex il-leġiżlazzjoni ssir aktar effettiva fil-livell tal-UE, jenfasizza l-importanza tal-evalwazzjoni tal-impatt soċjali tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE u jitlob la ma jkun hemm l-ebda dewmien ulterjuri fil-ftuħ ta’ proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri li ma jirrispettawx il-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari fil-qasam tal-ħin tax-xogħol fit-trasport bit-toroq;
31. Jiddispjaċih li l-programm tal-Kummissjoni ma jagħmel l-ebda referenza għal kwistjonijiet ta’ ġeneru jitlob li tinħareġ Direttiva biex ikun indirizzat id-distakk ta’ 17.4% fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel u Direttivad war l-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, skont it-talbiet fir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta’ Novembru 2009 u Frar 2010;
32. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis il-pożizzjoni tan-nisa fil-Pjattaforma tagħha kontra l-Faqar, waqt li jinnota li 17% tan-nisa fl-Ewropa jgħixu fil-faqar, filwaqt li f’16-il Stat Membru r-riskju tal-faqar estrem hu ferm akbar fost in-nisa;
33. Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tgħid xejn dwar is-saħħa pubblika u l-inugwaljanzi fi kwistjonijiet ta’ saħħa; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija ċara li tindirizza l-inugwaljanzi dejjem ikbar fi kwistjonijiet ta’ saħħa u biex tħaffef l-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi dwar is-saħħa u sikurezza tal-ikel;
Regolazzjoni finanzjarja: tlestija tar-riforma
34. Jilqa’ s-segwitu leġiżlattiv propost għall-Green Paper dwar il-Governanza Korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u jemmen li din għandha tkun inizjattiva strateġika, peress li tmexxija korporattiva aħjar se tkun kruċjali biex tevita r-ripetizzjoni tal-kriżi finanzjarja tal-2008 u għall-ħolqien ta’ settur finanzjarju li jkollu l-għan li jservi l-ekonomija reali u liċ-ċittadin;
35. Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-investitur, aċċess għal servizzi bankarji bażiċi u prattiċi responsabbli rigward l-ipoteki; jilqa’ wkoll l-inizjattiva leġiżlattiva dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżijiet fis-settur bankarju, li għandha tkun ikkoordinata ma’ regoli tal-politika tal-kompetizzjoni sabiex jinkiseb qafas komprensiv u li jorbot għall-ġestjoni tal-kriżijiet, li jkopri kemm l-atturi privati u kemm dawk pubbliċi u jevita l-użu estensiv ta' flus pubbliċi;
36. Jilqa’ l-proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, li għandha tindirizza n-nuqqas ta’ kompetizzjoni fl-industrija. Jitlob lill-Kummissjoni biex taġixxi b’risposta għat-talba reċenti tiegħu, fir-rapport Berès dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali (A7-02,672,010), biex teżamina l-possibilitajiet għal aġenzija indipendenti Ewropea tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, għall-involviment ikbar ta’ entitajiet pubbliċi indipendenti fil-ħruġ tal-klassifikazzjonijiet u l-ispeċifiċitajiet tal-klassifikazzjonijiet tad-dejn sovran;
37. Jiddispjaċih li t-tassazzjoni tas-settur finanzjarju mhix fost l-inizjattivi strateġiċi għall-2011 u li l-Kummissjoni qiegħda ddewwem il-ħidma preparatorja meħtieġa diġà mitluba mill-PE fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ Marzu 2010;
38. Jenfasizza l-bżonn li titrażżan l-ispekulazzjoni u li jkun żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-ispejjeż tal-kriżi;
39. Ifakkar fis-sejħa tiegħu għall-innovazzjoni finanzjarja favorevoli għall-investiment fit-tul u l-ħtieġa li jkun hemm qbil aħjar bejn it-tfaddil u l-investiment fl-UE;
Tkabbir intelliġenti
40. Jilqa’ l-proposti dwar l-Aġenda Diġitali, iżda jtenni s-sejħa tiegħu għall-Kummissjoni biex tippreżenta pjan ta' azzjoni komprensiv, bi skadenzi u miri, biex tikseb riżultati tanġibbli malajr dwar in-newtralità netta u suq waħdieni għall-kontenut u s-servizzi onlajn, fl-interessi ta’ soċjetà diġitali miftuħa u prospera, u biex jingħeleb id-distakk diġitali;
41. Jiddispjaċih li l-programm ta’ ħidma ma jinkludix ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tas-7 Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp u lanqas l-evalwazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA);
42. Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq malajr proposti dwar Sħubiji għall-Innovazzjoni dwar materja prima u bliet intelliġenti;
Tkabbir sostenibbli
43. Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali ġdida għall-Ewropa mhix se tkun segwita minn proposti leġiżlattivi, b'mod partikolari għar-realizzazzjoni tal-bidla mixtieqa lejn ekonomija b’livell ta’ karbonju baxx u sostenibbli;
44. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Kummissjoni għall-politika effettiva dwar it-tibdil fil-klima; ifakkar fil-ħtieġa li jkun żgurat li għanijiet dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent jkunu inklużi fil-politiki kollha tal-UE u jkunu riflessi fl-intestaturi tal-baġit li suppost;
45. Jenfasizza l-importanza li titħaffef u tkun issorveljata mill-qrib l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni għall- Ambjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa b'mod rigoruż ir-riżultati ta’ dan il-Programm u biex tagħmel progress fl-iżvilupp tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni għall-Ambjent;
L-isfruttament tal-potenzjal tas-Suq Uniku
46. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti aktar ambizzjużi għat-trasformazzjoni tas-suq uniku f’suq ġenwinament soċjali li jirbaħ il-fiduċja taċ-ċittadini, tal-ħaddiema, tan-negozji żgħar u tal-konsumaturi Ewropej; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal klawżola soċjali fil-leġiżlazzjoni kollha dwar is-suq waħdieni skont l-Artikolu 9 tat-TFUE u riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali;
47. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura approċċ konsistenti bejn l-istrument legali dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur;
48. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tilqa’ t-talba tal-Parlament, li għamel fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ Ottubru 2010 dwar il-kriżi ekonomika, għal proposta leġiżlattiva li ġġib ċertezza legali lis-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali u s-Servizzi Soċjali ta’ Interess Ġenerali, minkejja l-bidliet introdotti mit-Trattat ta' Lisbona speċifikament biex tinħoloq bażi legali ġdida għall-dak l-iskop;
49. Itenni s-sejħa tiegħu għal proposta leġiżlattiva li tiżgura sistema ta’ rimedju kollettiv mal-Ewropa kollha li wieħed jista’ jħallas għaliha, u li tkun rapida u aċċessibbli;
50. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ qafas legali effiċjenti għas-sikurezza tal-prodotti fl-UE; jappoġġja r-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel reviżjoni tas-sistema tal-marka CE biex jiżgura li l-marka CE tkun tista’ titqies bħala marka ta’ sikurezza mill-konsumaturi;
51. Jilqa’ l-proposta leġiżlattiva għal Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa fuq il-Kumpaniji (CCCTB) u l-komunikazzjoni proposta dwar il-VAT. Jemmen li CCCTB obligatorja hija essenzjali għall-ħolqien ta’ suq uniku ġenwin u biex jitnaqqas il-preġudizzju soċjali li jisfavorixxi x-xogħol fis-sistema tat-taxxa li kien identifikat fir-Rapport Monti u biex tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa, it-tassazzjoni doppja u l-kompetittività inġusta fit-taxxa; jikkundanna n-negozjati bilaterali mal-Isvizzera u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva fir-rigward tal-Kunsill biex tippermetti li l-UE tinnegozja dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni; jinsisti li l-inizjattivi ppjanati dwar is-CCCTB u l-VAT iridu jkunu kompatibbli mal-proposta ta’ riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-UE li l-Kummissjoni trid tressaq sa Ġunju 2011;
L-Aġenda taċ-Ċittadini
52. Jinsab ferm imħasseb li m’hemm l-ebda proposti konkreti dwar id-drittijiet fundamentali jew dwar id-direttiva orizzontali tan-nondiskriminazzjoni, u li l-kwistjoni tan-nondiskriminazzjoni lanqas biss tissemma’; jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi b’ħeffa biex tavvanza d-Direttiva dwar in-Nondiskriminazzjoni;
53. Jappoġġja l-proposta għal Komunikazzjoni dwar solidarjetà msaħħa fost l-UE fil-qasam tal-asil, iżda jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ proposti leġiżlattivi dwar l-asil, filwaqt li jitqies li l-Unjoni għandu jkollha politika komuni ta’ asil stabbilita sal-2012;
54. Jiddispjaċih li m'hemm l-ebda proposti ta' sostanza dwar il-migrazzjoni; ifakkar li l-funzjonament tajjeb tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ proposta se jiddependi mis-suċċess tal-VIS u tas-SIS II, għalkemm is-SIS II għadha mhix titħaddem kompletament;
55. Jilqa’ l-proposta dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità u, fuq kollox, dwar id-dritt għal assistenza legali u għal għajnuna legali, iżda jiddispjaċih li din hija l-unika miżura maħsuba; jappella għal kalendarju ċar għall-bqija tal-miżuri tal-pjan direzzjonali proċedurali u sabiex il-Kummissjoni tikkunsidra b’urġenza proposta għal Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa;
56. Jilqa’ l-qafas legali komprensiv il-ġdid għall-protezzjoni tad-dejta, dment li jimplika r-reviżjoni u t-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 95/46 u tad-Deċiżjoni ta’ Qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta fit-tielet pilastru;
57. Jilqa’ l-Proposti dwar id-drittijiet tal-proprjetà matrimonjali, u dwar il-konsegwenzi fuq il-proprjetà tas-separazzjoni ta’ koppji minn sħubijiet ta’ forma oħra, iżda jitlob lill-Kummissjoni biex, bil-għan li jinkisbu standards komuni għaċ-ċittadini madwar l-UE, tikkunsidra li tħaffef ir-reviżjoni tal-acquis fil-qasam tal-liġi ċivili u kriminali u sabiex tirrapporta lill-Parlament;
58. Jilqa’ l-proposta għal Regolament – bil-promozzjoni tal-konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – dwar hotlines tal-UE dwar tfal irrappurtati nieqsa iżda jinnota li l-programm ta’ ħidma ftit għandu inizjattivi bil-għan li jħarsu t-tfal;
58. Jilqa’ l-proposta dwar il-konfiska u l-irkupru ta’ assi kriminali iżda jtenni l-insistenza tiegħu li l-proposta għandha tkopri l-użu soċjali mill-ġdid ta’ dawn il-fondi;
60. Jappella għal evidenza ċara dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ sistema tal-UE għar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri;
61. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex malajr tressaq proposti ambizzjużi għat-taħriġ ġudizzjarju u biex tikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar il-pjanijiet tagħha;
62. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra serjament il-possibilitajiet kollha fil-Green Paper tagħha għall-2010 dwar strument legali dwar Dritt Kuntrattwali Ewropew;
63. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-fattibilità ta’ prinċipju ta’ territorjalità fid-dinja diġitali;
64. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 2001/29/KE dwar id-dritt tal-awtur fis-soċjetà tal-informatika;
65. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma laqgħets ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta’ Stokkolma (Novembru 2009) li jittratta dwar Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, b’mod partikulari:
· Ir-Reviżjoni Formali (b’segwitu tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni) tal-Aġenzija dwar id-Drittijiet Fundamentali billi l-Parlament Ewropew ikun involut bis-sħiħ fid-definizzjoni tal-Programm Multiannwali tal-Aġenzija;
· It-tressiq ta’ proposta leġiżlattiva ġdida li tittratta l-iffriżar tal-assi ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi (Art. 75 TFUE – Il-Parlament Ewropew reċentement ressaq quddiem il-qorti Deċiżjoni tal-Kunsill);
66. Jiddispjaċih għad-dewmien tal-Kummissjoni fit-tfassil ta’ proposti leġiżlattivi fil-qasam tal-“Lisbonizzazzjoni” tal-“acquis” attwali fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali , li hija prijorità tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u l-Intern. Hija ħasra li b’dan id-dewmien il-Kummissjoni qed tipposponi l-kontroll ġudizzjarju u parlamentari li jirriżulta mir-reviżjoni tal-Europol u l-Eurojust u li jifforma d-definizzjoni tal-kontroll parlamentari fiż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja;
L-Ewropa fid-dinja
67. Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm għaddejja r-rankatura tal-proċess ta’ tkabbir u tgħin lill-Kroazja tissodisfa l-kriterji finali pendenti kollha fl-aħħar stadju tan-negozjati dwar l-adeżjoni tal-Kroazja, l-aktar fil-qasam tad-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lura lill-Parlament fl-ewwel kwart tal-2011 dwar il-progress miksub fil-Kapitolu 23 relevanti;
68. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament mgħarraf bis-sħiħ waqt it-tħejjija tagħha tal-opinjoni dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għas-sħubija fl-UE;
69. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lit-Turkija taħdem fuq kostituzzjoni ċivili ġdida wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-2011, b’enfasi partikulari fuq it-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet individwali;
70. Iqis urġenti li t-Turkija tirrispetta l-obbligi tagħha li timplimenta bis-sħiħ u b’mod nondiskriminatorju l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja sforzi biex jinkiseb progress fit-taħditiet interkomunali dwar Ċipru u fin-normalizzazzjoni tar-rabtiet bilaterali bejn it-Turkija u r-Repubblika Ċiprijotta;
71. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex iżżid l-effettività fl-implimentazzjoni tal-programm IPA u biex tiżgura li l-approprjazzjonijiet kodeċiżi għal dan il-programm ma jiġux ipperikolati.
72. Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza r-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bil-għan li jiżgura li jkun hemm koerenza aħjar bejn l-objettivi tal-politika u l-istrumenti finanzjarji; iqis li fir-rabtiet tagħha mal-ġirien il-kundizzjonalità fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija għandha tissaħħaħ;
73. Jinnota li l-Unjoni għall-Mediterran hija kkaratterizzata b’istituzzjonalizzazzjoni msaħħa u għandha l-għan li tiffoka fuq proġetti konkreti; juri tħassib dwar l-imblokk attwali tal-Unjoni għall-Mediterran minħabba l-qagħda politika fir-reġjun u jistieden lill-Kummissjoni taġġusta l-istrumenti eżistenti għall-ambjent li qed jinbidel;
74. Jirrimarka li, anki jekk jibqa’ jkun hemm differenzi fis-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali fil-pajjiżi kkonċernati, l-aġġornament tar-rabtiet bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tal-politika dwar il-viċinat bl-adozzjoni ta’ sensiela ta’ ftehimiet bilaterali f’għadd ta’ setturi trid tkun ibbażata fuq approċċ koerenti biex jiġi evitat li jkun hemm standards doppji;
75. Jitlob lir-RGħ/VP tal-Kummissjoni taħtar Rappreżentant Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; itenni l-appell tiegħu li titwaqqaf struttura tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-kwartier tas-SEAE (direttorat ġenerali speċifiku għad-Drittijiet tal-Bniedem) kif ukoll il-ħatra sistematika f’kull waħda mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni ta’ uffiċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (punt fokali);
76. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rapport annwali dwar il-progress tal-UE lejn l-ilħuq tal-MDGs sal-2015 u sabiex tintroduċi miżuri li jobbligaw lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenji tagħhom li jallokaw 0.7% tad-DNG għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u jimmoniterjaw dawn l-impenji;
77. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni fir-rigward tat-tibdil fil-klima, l-iskart tossiku u l-immaniġġjar tal-ilma, u tippromwovi koordinazzjoni aħjar fost id-donaturi fil-qasam tal-assistenza teknika;
78. Jilqa’ l-Green Paper dwar il-ġejjieni tal-politika ta’ żvilupp tal-UE; jinsisti li l-punt ċentrali ta’ dan id-dokument għandu jkun l-impenn sħiħ biex jintlaħqu l-MDGs – filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari lill-koerenza tal-politiki favur l-iżvilupp, il-mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament u t-tisħiħ tal-finanzjament tal-politiki ta’ żvilupp tal-UE;
79. Jenfasizza li fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (EPAs), għandu jkun hemm fokus imġedded fuq id-dimensjoni tal-iżvilupp; jenfasizza li jinħtieġu fondi addizzjonali biex jiġu ffinanzjati l-miżuri ta’ akkumpanjament sabiex ikun hemm kumpens għall-impatt tal-EPAs fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
80. Jilqa’ l-proposta għal reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill dwar l-għajnuna umanitarja; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti speċjalment fuq l-aċċess għall-popolazzjonijiet vulnerabbli u fuq is-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji kif ukoll fuq it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp, li huma essenzjali għall-provvista effettiva tal-għajnuna umanitarja;
81. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva leġiżlattiva simili għal-Liġi l-ġdida tal-Istati Uniti dwar il-“Minerali tal-Gwerer” sabiex tissaħħaħ it-trasparenza u l-governanza tajba fil-qasam tal-industrija tal-estrazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’dawn il-pajjiżi li ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;
82. Ifakkar li l-multilateraliżmu għandu jibqa’ l-prijorità ewlenija tal-UE, u jitlob li n-negozjati kummerċjali li għaddejjin bħalissa u dawk ġodda għandhom jirrispettaw il-prinċipju tat-trattament speċjali u differenzjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen bis-saħħa li hemm bżonn ta’ qafas kummerċjali multilaterali effikaċi u riformat biex tinbena sistema ekonomika aktar bilanċjata u ġusta bħala parti minn governanza globali ġdida li taqdi l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar;
83. Ifakkar li kull klawsola dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema fi kwalunkwe ftehim bilaterali konkluż mill-UE għandha tkun ibbażata fuq it-trattament indaqs tal-ħaddiema;
84. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi u ssaħħaħ fil-ftehimiet kummerċjali kollha l-prinċipju tad-drittijiet mhux negozjabbli tal-bniedem u klawsoli soċjali u ambjentali u sanzjonijiet għal nuqqas ta’ rispett ta’ dawn il-klawsoli, fost l-oħrajn, fir-rigward tad-diskriminazzjoni bbażata fuq id-drittijiet politiċi, ċivili, ekonomiċi, soċjali u kulturali, id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, l-istat tad-dritt u l-garanziji tal-libertajiet fundamentali u l-ġlieda kontra l-impunità u l-vjolenza, jew minħabba sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, orjentazzjoni sesswali u diskriminazzjoni lejn nies milquta mill-HIV/AIDS; jenfasizza li dawn il-klawsoli għandhom ikunu suġġetti għal monitoraġġ mill-qrib, u għal mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwimiet li jipprevedi sanzjonijiet jew is-sospensjoni temporanja ta’ ċerti benefiċċji kummerċjali previsti fil-ftehim, f’każ li jkun hemm ksur aggravat ta’ dawn l-istandards; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles milħuqa bejn l-UE u pajjiżi terzi jiddaħħlu bħala element li jorbot l-Istandards Fundamentali tax-Xogħol tal-ILO; jitlob li jitwaqqfu benchmarks sabiex jiġi mmoniterjat il-progress fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem;
85. Jitlob li fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali ffirmati mill-UE tiddaħħal klawsola dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji (CSR). Dan jinkludi l-obbligu li l-kumpaniji ta’ informazzjoni u ta’ trasparenza min-naħa tal-kumpaniji u ta' diliġenza xierqa min-naħa tal-impriżi u gruppi ta’ impriżi, investigazzjonijiet f’każ ta' ksur ippruvat tal-impenji tas-CSR u aċċess aħjar għall-qrati għall-vittmi tal-azzjonijiet tal-kumpaniji;
86. Jappella għal rappreżentanza waħda taż-Żona tal-Euro fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u fil-G20;
Baġit modern
87. Jilqa’ b'sodisfazzjon l-idea tal-Kummissjoni li f’Ġunju 2011 tippreżenta b'mod konġunt proposta għal sistema ġdida ta’ riżorsi proprji tal-UE u l-proposta għal struttura ġdida ta' infiq tal-UE għas-snin mill-2014 'il quddiem (MFF il-ġdid); jemmen bis-sħiħ li dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma interkonnessi, għandhom jiġu deċiżi fl-istess ħin u ma jistgħux jibqgħu jiġu posposti; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel pressjoni fuq il-Kunsill biex jevita li jkun hemm dewmien fl-ilħuq ta’ ftehim filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, partikolarment l-Artikolu 312.5; jenfasizza li kwalunkwe dewmien fil-qafas baġitarju l-ġdid ikun qed ifixkel l-ilħuq tal-objettivi politiċi tal-UE, l-aktar fir-rigward tal-poltika ta’ koeżjoni;
88. Itenni l-appell tiegħu li kull sistema tar-riżorsi proprji tal-UE għandha tkun ġusta, ċara, trasparenti u newtrali mil-lat ta’ taxxa għaċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li s-sistema attwali li fil-85% tagħha tiddependi fuq kontribuzzjonijiet mill-baġits nazzjonali, mhix sostenibbli; jemmen li l-proposti tal-Kummissjoni għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE, b’mod partikolari l-Artikolu 311, u għandha tkun l-oġġett ta’ dibattitu interistituzzjonali miftuħ fuq livell Ewropew b'involviment qawwi tal-parlamenti nazzjonali;
89. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, filwaqt li tirrispetta l-Artikolu 311 tat-Trattat, tistudja fid-dettall il-possibilità li tuża parti mid-dħul mit-Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji u/jew minn Sistema Komuni Konsolidata għat-Taxxa fuq il-Kumpaniji bħala sors ta' riżorsi proprji tal-UE, filwaqt li ma tinjorax sorsi possibbli oħra;
Regolamentazzjoni intelliġenti
90. Jistieden lill-Kummissjoni biex tavvanza l-isforzi tagħha fir-rigward tal-valutazzjonijiet ex ante u ex post filwaqt li fl-istess ħin tħares l-istandards tas-saħħa u ta’ sikurezza għall-ħaddiema u l-istandards ambjentali;
L-edukazzjoni, il-kultura u ż-żgħażagħ
91. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-objettivi tal-istrateġija EU2020 għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-interessi tal-ixprunar tal-impjieg, is-sostenn tat-tagħlim tul il-ħajja u fl-għajnuna liż-żgħażagħ, b'mod partikolari, biex isibu impjiegi; biex tilħaq dawn l-objettivi, hija għandha tiffoka l-azzjonijiet tagħha dwar kif għandha tagħti appoġġ finanzjarju adegwat liż-żgħażagħ, u dwar il-faċilitazzjoni tat-transizzjoni mill-istudju u t-taħriġ għall-impjieg, jiddispjaċih li l-programm ta’ ħidma huwa nieqes mill-ambizzjoni f’din id-direzzjoni;
92. Jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni li jfittxu li jsaħħu l-mobilità; u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li hija tagħti segwitu għall-Komunikazzjoni dwar l-edukazzjoni fit-tfulija bikrija, marbuta mal-inizjattiva emblematika “Żgħażagħ Attivi”, filwaqt li tenfasizza l-ħtieġa għal assistenza finanzjarja għaż-żgħażagħ kollha bil-għan li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali;
93. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni proposta dwar l-industrija kulturali u dik kreattiva u jenfasizza l-importanza ta' dan is-settur għall-ekonomija. Il-Komunikazzjoni għandha tinkludi proposti biex jippromwovu studji kreattivi, jattiraw l-investiment u jipprovdu finanzjament għall-artisti, jistabbilixxu netwerks man-negozji u jtejbu l-mobilità;
94. Jiddispjaċih li l-kompetenza l-ġdida tal-UE fl-isport mhux se tittraduċi f’programm għall-isport għall-2012-2013. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Komunikazzjoni li jmiss dwar l-isport twitti t-triq għal politika xierqa dwar l-isports u programm kompletament iffinanzjat għall-2014-2020;
L-Agrikoltura
95. Jiddispjaċiħ li l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2011 ftit li xejn jitkellem dwar reviżjoni tal-Politika Agrikola Komuni; jappella għal riforma li tagħti sura ġdida fundamentali lill-PAK u timponi politika agrikola komuni b’saħħitha li tkun kapaċi tiffaċċja sfidi ġodda, ibbażata fuq il-leġittimità, l-effettività u l-ġustizzja;
96. Għaldaqstant jappella għal proposti bbażati fuq skema integrata tal-ħlas bl-użu ta’ kriterji ġodda, sistema regolatorja għall-immaniġġjar tar-riskji u għajnuna għall-miżuri strutturali u l-kompetittività. Il-PAK riformata għandha tkun koerenti mal-politika tal-iżvilupp tal-UE; tinkuraġġixxi produzzjoni agrikola sostenibbli u l-benessri tal-annimali; tirrispondi għall-isfidi tat-tibdil fil-klima, l-eżawriment tar-riżorsi, it-tniġġis tal-ilma u l-erożjoni tal-ħamrija; tiżgura li jkun hemm dimensjoni soċjali u kooperazzjoni mal-politika reġjonali biex jinħolqu impjiegi fiż-żoni rurali;
L-affarijiet marittimi u s-sajd
97. Jilqa’ l-ħsieb li jitfasslu proposti leġiżlattivi dwar ir-riforma tal-Politika Komuni dwar is-Sajd, biex jiġi żgurat li jkun hemm sostenibilità tar-riżorsi u tal-mezzi tal-għajxien;
98. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli wkoll il-ħidma tagħha dwar il-konservazzjoni tal-ħut fit-tul, isegwi Politika Marittima Integrata, tiżviluppa ppjanar tal-ispazju marittimu u taħdem għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020 dwar tkabbir intelliġenti u sostenibbli fl-ekonomija tal-baħar, u tiżgura għal dan il-għan kooperazzjoni aktar effettiva bejn id-DĠ Mare u d-DĠ Trasport, b’firda aktar ċara u effiċjenti tal-kompiti;
Trasport
99. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti riżultati għall-impenji speċifiċi li ħadet fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2010, u jinsisti li l-White Paper dwar il-Ġejjieni tat-Trasport għandha twassal għall-implimentazzjoni ta’ politika tat-trasport komprensiva tal-UE, b’skadenzi għal azzjoni li jorbtu mill-Kummissjoni;
100. B'mod partikolari, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex minnufih tippreżenta l-kalendarju u l-pjanijiet direzzjonali rispettivi li fihom ikunu mniżżla l-miżuri politiċi u leġiżlattivi konkreti biex jimplimentaw ir-riżultati mistennija tar-reviżjoni li jmiss tal-politika dwar it-TEN-Ts, kif ukoll il-Pjan dwar is-Sikurezza tat-Toroq adottat, il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana u l- inizjattivi dwar il-loġistika tat-trasport tal-leġiżlatura preċedenti;
101. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx proposta għall-internalizzazzjoni tal-kosti esterni tas-Settur Marittimu kif wiegħdet għal ħafna snin, u jistedinha tkompli tistinka għal ftehim internazzjonali fil-forum tal-IMO li jintlaħaq fi żmien raġonevoli u li, f’każ ieħor, tieħu l-inizjattiva f’dan ir-rigward;
102. Ifakkar li l-proposta li ġejja għal Pakkett dwar l-Ajruporti għandu jkollha bħala objettivi ewlenin tagħha t-titjib tal-kundizzjonijiet għall-ħaddiema, it-tħeġġiġ ta’ kompetizzjoni ġusta fost is-settur, u l-garanzija ta’ livell għoli u konsistenti tad-drittijiet tal-passiġġieri;
103. Jappella għall-promozzjoni tat-turiżmu id f’id mas-settur tat-trasport. Jappella wkoll għal kooperazzjoni aktar effettiva bejn id-Direttorati-Ġenerali MOVE u MARE tal-Kummissjoni, inkluż firda aktar effiċjenti u ċara tal-kompiti;
104. Iqis li l-kwistjonijiet soċjali fil-qasam tat-trasport għadhom injorati;
Il-Politika ta’ Koeżjoni
105. Ifakkar li l-istrateġija UE 2020 u l-politika ta’ koeżjoni għadhom fundamentalment marbuta, u li l-ħtieġa li jkun hemm prijoritajiet jew objettivi addizzjonali m’għandhomx jirriżultaw f’anqas riżorsi għall-koeżjoni; iqis, b’mod partikulari, li koeżjoni akbar hija essenzjali għall-benessri ekonomiku u soċjali fit-tul għall-Ewropa;
106. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta r-regolamenti dwar il-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni fi żmien raġonevoli li jippermetti lill-Parlament Ewropew jagħti l-kontribut tiegħu u sabiex jiġu adottati b’ħeffa, biex il-programmi ta' koeżjoni jkunu jistgħu jiġu implimentati fi żmien xieraq;
Enerġija
107. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-Enerġija, b’konformità mal-wegħdiet li l-Kummissarju Öettinger kien għamel fis-smigħ tiegħu quddiem il-Parlament Ewropew;
108. Jiddispjaċih li l-proposta reċenti mill-Kummissjoni dwar l-enerġija kważi ma ssemmi xejn dwar il-kapaċitajiet ta’ ħażna tal-UE u dwar impjiegi ħodor;
109. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar l-effiċjenza enerġetika ta’ binjiet eżistenti, li hija essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ tnaqqis tas-CO2 tal-UE;
110.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Ministri.