Dokument ta' sessjoni
11.1.2011 B7‑0023/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni f’Ħaiti sena wara t-terremot: għajnuna umanitarja u ta’ rikostruzzjoni
Michèle Striffler, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell
f'isem il-Grupp PPE-DE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni f’Ħaiti sena wara t-terremot: għajnuna umanitarja u ta’ rikostruzzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konferenza internazzjonali tad-donaturi għal futur ġdid f’Ħaiti li saret f’New York fil-31 ta’ Marzu 2010, u r-rapport tal-missjoni tad-delegazzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew f’New York,
– wara li kkunsidra l-pjan ta’ azzjoni għar-riabilitazzjoni u l-iżvilupp nazzjonali ta’ Ħaiti, ix-xogħlijiet il-kbar għall-futur, ta’ Marzu 2010,
– wara li kkunsidra l-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li saret fi Brussell fit-18 ta’ Jannar 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-terremot f’Ħaiti magħmula mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fid-19 ta’ Jannar 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenza ministerjali preparatorja organizzata f’Montreal fil-25 ta’ Jannar 2010,
– wara li kkunsidra l-kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja ffirmat mit-tliet istituzzjonijiet Ewropej f’Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Frar 2010 dwar it-terremot reċenti f’Ħaiti,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew f’Ħaiti (25-27 ta’ Ġunju),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi t-terremot b’intensità ta’ 7.3 gradi fuq l-iskala Richter li laqat lil Ħaiti fit-12 ta’ Jannar 2010 rriżulta f’222 750 mejjet, affettwa 3 miljun persuna u ċaqlaq madwar 1,7 miljun persuna li minnhom aktar minn miljun għadu jinsab fil-kampijiet li kellhom ikunu temporanji,
B. billi, wara t-terremot, is-sitwazzjoni f’Ħaiti għadha kaotika, il-pajjiż għadu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza u r-rikostruzzjoni qed tbati biex tibda,
C. billi għexieren ta’ snin ta’ faqar, degradazzjoni tal-ambjent, vulnerabilità għal katastrofi naturali multipli, vjolenza, instabilità politika u dittatura biddlu lil dan il-pajjiż fl-ifqar pajjiż tal-Ameriki, u billi l-ħsarat li saru minħabba t-terremot aggravaw l-inkapaċità tal-Istat li jforni servizzi pubbliċi elementari u għalhekk li jirrispondi b’mod attiv għall-isforzi tas-sokkors u tar-rikostruzzjoni,
D. billi sal-lum ġew effettivament ittrasferiti xi mijiet ta’ miljuni ta’ dollari biss mill-10 biljuni mwiegħda waqt il-Konferenza internazzjonali tad-donaturi għar-rikostruzzjoni ta’ Ħaiti f’New York fil-31 ta’ Marzu 2010,
E. billi nħoloq Kumitat Interim għar-Rikostruzzjoni ta’ Ħaiti (KIRĦ) fuq proposta Ħaitjana, bil-għan li jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-użu effikaċi tar-riżorsi, u li jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp ta’ Ħaiti; billi l-Kummissjoni Ewropea, bħala donatur prinċipali, hija membru tal-KIRĦ u għandha dritt għall-vot,
F. billi t-tneħħija tal-ġebel tal-bini tikkostitwixxi sfida ewlenija għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż – anqas minn 5% mit-tiġrif tneħħa – u billi bir-ritmu attwali hemm bżonn ta’ 6 snin biex jitneħħa 20 miljun metru kwadrat ta’ ġebel tal-bini, u billi hemm bżonn ta’ 180 trakk li jaħdem 24 siegħa kuljum għal 18-il xahar biex jitneħħa l-ġebel tal-bini,
G. billi l-epidemija tal-kolera, li faqqgħet fid-19 ta’ Ottubru 2010, s’issa wasslet għal 3 333 vittma u aktar minn 148 000 persuna ġiet affettwata, billi l-firxa tal-epidemija tenfasizza d-defiċjenzi strutturali ovvji tal-Istat ta’ Ħaiti u l-limitazzjonijiet tas-sistema tal-għajnuna internazzjonali u tal-Minustah, u billi l-attivitajiet ta’ rispons għall-kolera ġew affettwati b’mod partikolari mill-kriżi politika attwali li rriżultat mill-elezzjonijiet,
H. billi l-elezzjonijiet tat-28 ta’ Novembru, li r-riżultati tagħhom ġew proklamati fil-bidu ta’ Diċembru, taw bidu għal dimostrazzjonijiet vjolenti f'Ħaiti u għal ħafna rapporti ta' frodi, u billi l-komunità internazzjonali trid tappoġġja l-proċess elettorali leġittimu u trasparenti sabiex jiġu żgurati l-elezzjonijiet ġenwini li huma essenzjali għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż,
1. Ifakkar fil-mobilizzazzjoni fuq skala kbira tal-komunità internazzjonali wara t-terremot devastanti f’Ħaiti u r-rieda politika reali tagħha biex tappoġġja r-rikostruzzjoni ta’ Ħaiti b’mod differenti mingħajr ma tagħmel l-istess żbalji tal-passat u biex tittratta l-kawżi bl-għeruq fil-fond tal-faqar f’Ħaiti;
2. Jiddeplora l-iskala tad-diżastru f’Ħaiti li l-effetti tiegħu għadhom viżibbli sena wara t-terremot; jilqa’ l-ammont ta’ għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea għal Ħaiti li laħaq 120 miljun euro (li 12-il miljun minnhom marru għall-ġlieda kontra l-kolera) u d-dedikazzjoni tal-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżi kif ukoll tad-DĠ ECHO u l-esperti tiegħu;
3. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-"clusters" ippermettiet il-koordinament fuq l-art tal-interventi umanitarji iżda li dan il-metodu sadattant wera l-limiti tiegħu minħabba l-multipliċità kbira tal-atturi umanitarji u l-kumplessità tal-emerġenza minħabba l-konċentrazzjoni urbana qawwija;
4. Jilqa' l-isforzi li saru u l-ħidma li twettqet mill-organizzazzjonijiet umanitarji (is-Salib l-Aħmar, l-NGOs, in-Nazzjonijiet Uniti) u mill-Istati Membri u jinsisti fuq komunikazzjoni neċessarja tal-effetti li ma jidhrux tal-interventi umanitarji u fuq il-fatt li kien possibbli li s-sitwazzjoni tiġi kkontrollata partikolarment billi ttieħdet responsabilità għall-persuni mweġġgħin, ġew ipprovduti ilma għax-xorb u prodotti tal-ikel, u billi ngħataw postijiet ta' kenn temporanji;
5. Jinnota li l-epidemija tal-kolera wriet biċ-ċar l-inkapaċità kważi totali tal-Istat Ħaitjan, quddiem marda li hija faċli biex tipprevjeni u tfejjaq, u jinnota l-limiti tas-sistema tal-għajnuna internazzjonali f'pajjiż li jibbenefika minn skjerament umanitarju enormi (12 000 NGO); jenfasizza li l-atturi umanitarji ma jistgħux jibqgħu jikkumpensaw għad-dgħufijiet tal-Istat Ħaitjan (billi jirrimpjazzawh) u li huwa urġenti li fl-aħħar tittieħed azzjoni fl-iżvilupp għall-futur imbiegħed partikolarment għall-aċċess għall-kura tas-saħħa, għall-ilma għax-xorb u għal kundizzjonijiet sanitarji;
6. Ifaħħar l-impenn, li ttieħed b'mod konġunt mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, ta' total ta' 1,2 biljun euro – li 460 miljun minnhom huma għajnuna mhux umanitarja mill-Kummissjoni Ewropea – waqt il-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għar-Rikostruzzjoni ta' Ħaiti; itenni t-talba tiegħu biex l-Unjoni Ewropea, bħala mutwanti ewlieni, ikollha rwol importanti ta' tmexxija politika fl-isforzi ta' rikostruzzjoni;
7. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jintegraw il-produzzjoni alimentari lokali u s-sikurezza alimentari fl-isforzi ta' rikostruzzjoni ta' Ħaiti, bl-iżvilupp ta' infrastruttura rurali u l-għajnuna lill-agrikolturi ż-żgħar, fil-qafas tal-approċċ konġunt tagħhom fil-programmazzjoni tar-riżorsi tagħhom għar-rikostruzzjoni ta' Ħaiti u fir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-programmazzjoni tal-fondi li jkun fadal tal-Kummissjoni, jiġifieri 169 miljun euro li għadhom disponibbli mill-460 miljun imħabbra fi New York;
8. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni interim għar-rikostruzzjoni ta' Ħaiti, li għandu jkollha rwol ewlieni fil-koordinament tar-rikostruzzjoni, bdiet il-ħidma tagħha tard; jiddispjaċih rigward in-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-funzjonament u l-effikaċja tagħha, u jitlob lill-Kummissjoni , bħala membru tal-IHRC, biex tintervjeni biex tħaffef l-implimentazzjoni tal-mandat tal-IHRC, u biex tippreżenta lill-Parlament Ewropew rapport dwar l-attivitajiet tal-IHRC, dwar l-użu tar-riżorsi u dwar il-fondi, imwiegħda fil-Konferenza ta' New York, effettivament allokati għar-rikostruzzjoni;
9. Jirrikonoxxi li l-KTRĦ, struttura ewlenija tal-ġestjoni tar-rikostruzzjoni, jista jaħdem b'mod effikaċi biss bir-ristabbiliment tal-kapaċitajiet tal-Istat Ħaitjan u billi jinbidlu l-mexxejja Ħaitjani li jridu jiġu eletti wara elezzjonijiet trasparenti u leġittimi, u li jkollhom rieda politika vera li jieħdu deċiżjonijiet indispensabbli biex jiġi affrontat dan il-proġett enormi;
10. Jiddeplora l-fatt li l-Ħaitjani għandhom biss pali, bqaqen u karretti biex ineħħu t-tunnellati ta' tifrik – b'attivitajiet ta' "flus għax-xogħol" – li jimblukkaw il-kapitali, fatt li huwa redikolu meta jitqies il-kobor tas-sitwazzjoni; jenfasizza li t-tneħħija tat-tifrik hija indispensabbli għar-rikostruzzjoni ta' Ħaiti u jiddispjaċih li prattikament ma ġie rilaxxjat l-ebda fond biex jiġi kklerjat it-tiġrif;
11. Jiddeplora l-kriżi kbira tal-akkomodazzjoni f'Ħaiti; jenfasizza li r-rilokazzjoni tal-persuni bla dar, li l-biċċa l-kbira minnhom tqiegħdu f'kampijiet temporanji prinċipalment fil-kapitali Port-au-Prince, qed tkun mxekkla minħabba nuqqas ta' art disponibbli, nuqqas ta' reġistru tal-artijiet u minħabba l-fatt li ħafna biċċiet ta' art huma l-proprjetà ta' Ħaitjani li telqu mill-pajjiż; jappella lill-awtoritajiet Ħaitjani jkollhom ir-rieda politika li jieħdu miżuri proattivi, partikolarment ta' esproprjazzjoni;
12. Jesprimi l-preokkupazzjoni dejjem tikber tiegħu rigward is-sitwazzjoni tat-tfal Ħaitjani, wara t-theżżiża li laqtet bil-kbir lil aktar minn 800 000 tifel u tifla, li ġew esposti għall-perikli tal-vjolenza, tal-abbużi sesswali, tat-traffikar tal-bnedmin, tal-isfruttament u tal-abbandun, u jitlob lill-Unjoni Ewropea (lill-Kummissjoni ) biex timpenja ruħha reżolutament biex tistabbilixxi mill-ġdid il-protezzjoni u s-sigurtà għal dawn it-tfal, sabiex tappoġja l-proċess ta' implimentazzjoni ta' sistema ta' protezzjoni soċjali f'Ħaiti u sabiex tappoġġja l-inkoraġġiment tar-riforma tal-edukazzjoni;
13. Jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tikkollabora mal-Gvern tal-gżira biex titfassal leġiżlazzjoni globali li tħares id-drittijiet tat-tfal, biex jiġu implimentati fid-dritt nazzjonali l-obbligi li joriġinaw minn diversi strumenti nazzjonali, ratifikati minn Ħaiti, fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-qerda tal-jasar u dwar il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal;
14. Iqis li huwa importanti ferm li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-implimentazzjoni tal-proċess ta' identifikazzjoni, ta' reġistrazzjoni u ta' tfittxija tal-familji tat-tfal li nfirdu minn magħhom u li tiġi identifikata s-sorvlejanza speċjali fil-fruntieri bl-għan li jiġu miġġielda t-traffikar u l-adozzjoni illegali tat-tfal;
15. Jinsisti fuq il-fatt li huwa essenzjali li jiġu ristabbiliti minnufih il-kapaċitajiet tal-Istat Ħaitjan li jħaddem id-demokrazija u l-governanza tajba tal-pajjiż, li huma indispensabbli għall-pajjiż, kif ukoll li jiżgura l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-popolazzjoni Ħaitjani;
16. Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu rigward il-kriżi politika attwali wara r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li ġew ikkontestati b'mod wiesa' u li ngħataw biss appoġġ parzjali mill-missjonijiet ta' osservaturi barranin, u li bħalissa qed jerġgħu jingħaddu l-voti tagħhom minn esperti mibgħuta mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani;
17. Jitlob lill-Unjoni Ewropea tagħmel kulma tista' biex tappoġġja bil-qawwa proċess elettorali leġittimu u trasparenti u t-twettiq tajjeb tat-tieni ċiklu previst fi Frar, biex ikun evitat li Ħaiti ma jerġax jaqa' fi kriżi aktar gravi; iqis li huma biss President elett u leġittimu u deputati leġittimi li jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa u li r-rikostruzzjoni teħtieġ l-istabilità u r-rieda politika;
18. Jitlob lill-Komunità Internazzjonali u lill-Unjoni Ewropea biex jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet Ħaitjani futuri u biex jakkumpanjawhom fl-organizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet tagħhom, lejn ekwilibriju ġdid fil-livelli kollha, lejn demokrazija operattiva għalkollox, u matul il-proċess kollu ta' rikostruzzjoni,
19. Jitlob lill-Kummissjoni biex, fl-ispirtu tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, isir sforz sinifikanti bl-għan li d-dimensjoni tat-tħejjija għall-katastrofijiet u tat-tnaqqis tar-riskji tal-katastrofijiet, b'kollaborazzjoni mal-Gvern, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, tiġi integrata fil-fażi ta' emerġenza u ta' żvilupp għal perjodu twil ta' żmien;
20. Jinnota li l-għajnuna umanitarja ilha preżenti f'Ħaiti għal deċennji u li l-importanza tar-rabta bejn l-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp tidher dehret aktar minħabba din il-kriżi; għaldaqstant, huwa favur it-titjib tad-djalogu u tal-koordinament bejn l-organizzazzjonijiet umanitarji u l-aġenziji tal-iżvilupp kemm fil-post kif ukoll fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lill-President u lill-Gvern ta' Ħaiti, lid-Deputat Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Barranin u Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll lill-Bank Dinji u lill-FMI.