Dokument ta' sessjoni

 

12.1.2011                                                                                                          B7‑0029/2011 /rev.

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0670/2010

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea

Roberta Angelilli, Manfred Weber, Simon Busuttil, Edit Bauer

f'isem il-Grupp PPE-DE

Lorenzo Fontana, Fiorello Provera, Oreste Rossi, Francesco Enrico Speroni, Claudio Morganti

 

B7‑0029/2011 /rev.

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-20 ta' Novembru 1989, b'mod partikolari l-Artikolu 21,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tal-Adozzjoni Bejn il-Pajjiżi (iffirmata fl-Aja fl-1993) u l-Konvenzjoni Ewropea tal-25 ta' Jannar 1996 dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet tat-Tfal (ETS Nru 160),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-leġiżlazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-adozzjoni tat-tfal ( A4–0392/1996 ),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2008 dwar strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal ( 2007/2093 (INI) ),

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar l-adozzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea ( O-0193/2010 – B7 0670/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-Istati Membri l-fehmiet dwar il-prinċipji li għandhom jirregolaw l-adozzjonijiet tat-tfal, il-proċeduri tal-adozzjoni u l-konsegwenzi legali tal-adozzjoni jvarjaw,

B.  billi l-approvazzjoni ta' prinċipji u prattiki komuni riveduti fir-rigward tal-adozzjoni tat-tfal tgħin biex jitnaqqsu d-diffikultajiet ikkawżati mid-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u fl-istess ħin jippromwovu l-interessi tat-tfal adottati,

C. billi fl-Ewropa l-problema tat-tfal abbandunati qed issir aktar serja u urġenti u billi, biex tiġi indirizzata din l-emerġenza, huwa importanti li jitħares id-dritt tat-tfal li jiġu adottati anki fil-livell internazzjonali ħalli ma jitħalliex jiġri li t-tfal ikunu sfurzati jgħixu fl-orfanatrofji,

D. billi hemm konvenzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tat-tfal u r-responsabilitajiet tal-ġenituri, primarjament: il-Konvenzjoni Ewropea tal-1967 dwar l-adozzjoni tal-minorenni, li timmira li tqarreb il-liġijiet tal-Istati Membri fejn l-adozzjoni tinvolvi ċ-ċaqliq ta' tfal minn pajjiż għall-ieħor, u l-Konvenzjoni tal-1993 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tal-Adozzjoni Bejn il-Pajjiżi,

E.  billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali saret torbot: billi, skont l-Artikolu 24 tal-Karta, "It-tfal għandu jkollhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom". Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tat-Trattat ta' Lisbona jistqarr li "l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal" taqa' fl-ambitu tal-objettivi tal-Unjoni,

F.  billi l-ksur tad-drittijiet tat-tfal, il-vjolenza kontra tagħhom u t-traffikar tat-tfal għall-adozzjonijiet illegali, il-prostituzzjoni, ix-xogħol illegali, iż-żwieġ furzat, u t-tallaba fit-toroq jew għal kull skop illegali ieħor, jibqgħu ta' problema fl-UE,

G. billi l-interessi tal-tfal huma ta' importanza fundamentali,

1.  Jistieden biex tiġi esplorata l-possibbiltà ta' koordinazzjoni fuq livell Ewropew tal-politika u l-istrateġiji relatati mal-istrument tal-adozzjoni internazzjonali, skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u standards oħra internazzjonali, biex ittejjeb l-assistenza fis-servizzi ta' informazzjoni, it-tħejjija għall-adozzjoni barra l-pajjiż, l-ipproċessar ta' proċeduri ta' applikazzjoni għal adozzjoni internazzjonali, u s-servizzi ta' wara l-adozzjoni, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal jirrikonoxxu d-dritt tat-tfal orfni jew abbandunati li jkollhom familja u jkunu protetti;

2.  Jitlob għall-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ fil-livell Ewropew li jipprovdi ħarsa ġenerali tal-funzjonament tas-sistemi nazzjonali;

3.  Iqis li adozzjoni fil-pajjiż ta' oriġini tat-tfal jew billi tinstab familja permezz ta' adozzjoni internazzjonali, trid titwettaq skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, u li t-tqegħid f'istitut għandu jintuża biss bħala soluzzjoni temporanja; tista' titqies soluzzjoni alternattiva ta' akkoljenza f'familja, bħall-'foster care';

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Konferenza tal-Aja, mal-Kunsill tal-Ewropa, u mal-organizzazzjonijiet tat-tfal biex jiżviluppaw qafas li jiżgura t-trasparenza u l-monitoraġġ effettiv tal-iżvilupp tat-tfal abbandunati u adottati u biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom b'tali mod li jipprevjenu t-traffikar tat-tfal;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lil tfal bi bżonnijiet speċjali, bħal tfal li jeħtieġu kura medika u tfal b'diżabilità;

6.  Jirrikonoxxi li ċ-ċertifikati tat-twelid jgħinu biex it-tfal jiġu protetti kontra vjolazzjonijiet bbażati fuq dubji dwar l-età u l-identità tagħhom; jemmen li sistema affidabbli li tirreġistra t-twelid tista' tnaqqas l-adozzjonijiet illegali;

7.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri kollha biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-ġlieda kontra l-adozzjonijiet illegali;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.