Dokument ta' sessjoni

 

12.1.2011                                                                                                                B7‑0031/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0669/2010 , B7-0803/2010 , B7-0804/2010 u O-0216/2010

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar ksur tal-libertà ta' espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fil-Litwanja

Renate Weber, Sophia in 't Veld, Leonidas Donskis, Cecilia Wikström, Alexander Alvaro, Sonia Alfano, Gianni Vattimo, Sarah Ludford, Ramon Tremosa i Balcells, Elizabeth Lynne

f'isem il-Grupp ALDE

Raül Romeva i Rueda, Ulrike Lunacek, Marije Cornelissen, Emilie Turunen, Franziska Keller, Isabella Lövin, Nicole Kiil-Nielsen, Jan Philipp Albrecht

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Claude Moraes, Monika Flašíková Beňová, Michael Cashman, Vilija Blinkevičiūtė, Catherine Trautmann

f'isem il-Grupp S&D

Cornelis de Jong, Nikolaos Chountis, Eva-Britt Svensson, Cornelia Ernst, Rui Tavares

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B7‑0031/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ksur tal-libertà ta' espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fil-Litwanja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, fosthom notevolment il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jimpenjaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdu l-mezzi Ewropej biex jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha, li jiggarantixxi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, u l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali,

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-emendi lill-Kodiċi ta’ Offiżi Amministrattivi tar-Repubblika tal-Litwanja (Nru XIP-2595),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ opinjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja (Nru 11-30-01),

–   wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali u l-omofobija,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali ta’ Novembru 2010 dwar ‘l-Omofobija, it-Transfobija u d-Diskriminazzjoni fuq bażi tal-Orjentament Sesswali u l-Identità tal-Ġeneri’,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar is-Sitwazzjoni fil-Litwanja wara li ġiet adottata l-Liġi Litwana dwar il-Ħarsien tal-Minorenni[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, il-ħarsien tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni, u partikolarment dawk dwar l-omofobija fl-Ewropa[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-16 ta' Diċembru 2010, is-Seimas ippospona votazzjoni dwar abbozz ta’ leġiżlazzjoni li temenda l-Kodiċi ta’ Offiżi Amministrattivi biex tikkastiga l-‘promozzjoni pubblika ta’ relazzjonijiet omosesswali’ b’multa ta’ bejn LTL 2 000 u 10 000 (€580–2 900),

B.  billi fit-8 ta’ Diċembru 2010 l-Kumitat għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura tas-Seimas ħassar ukoll l-orjentament sesswali mil-lista ta’ raġunijiet li ħaqqhom protezzjoni fil-qasam tad-dispożizzjonijiet dwar l-opportunitajiet indaqs tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni (Artikolu 5(1)),

C.  billi l-abbozz ta’ emendi lill-Kodiċi ta’ Offiżi Amministrattivi jmur kontra l-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, li jgħid li ''l-persuni ma jistgħux jiġu ostakolati milli jfittxu, jirċievu u jaqsmu informazzjoni u ideat'', u l-Artikolu 29, li jgħid li ''l-persuni kollha għandhom ikunu indaqs quddiem il-liġi, il-qorti u istituzzjonijiet u uffiċjali statali oħra. Id-drittijiet tal-persuni ma jistgħux jiġu ristretti, u lanqas ma jistgħu jingħataw privileġġi abbażi tal-ġeneru, razza, nazzjonalità, lingwa, oriġini, stat soċjali, twemmin, konvinzjonijiet jew opinjonijiet'',

D.  billi l-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja esprima l-opinjoni li l-abbozz ta’ emendi lill-Kodiċi ta’ Offiżi Amministrattivi jmur kontra l-obbligi tal-Litwanja skont il-Kostituzzjoni tagħha, il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

E.   billi l-aħħar rapport mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar ‘L-Omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-indentità tal-ġeneru’, ta’ Novembru 2010, jikkonkludi li ‘L-emendi jistgħu jikkriminalizzaw kważi kull espressjoni pubblika jew turija ta’, jew informazzjoni dwar, l-omosesswalità’,

F.   billi f’Ġunju 2009 s-Seimas ivvota b’maġġoranza kbira biex tiġi emendata l-‘Liġi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika', fejn il-minorenni ġew ipprojbiti milli jaċċedu għal informazzjoni dwar l-omosesswalità,

G.  billi t-tifsira ta’ ‘turija jew promozzjoni tal-orjentament sesswali’ fil-Liġi dwar ir-Reklamar għadha mhijiex ċara,

H.  billi din ir-riżoluzzjoni hija dovuta għal numru ta' avvenimenti inkwetanti bħall-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika, il-fatt li l-awtoritajiet lokali ppruvaw jipprojbixxu l-organizzazzjoni ta’ mixjiet favur l-ugwaljanza u tal-gay pride, u għall-użu min-naħa ta' politikanti u ta' membri parlamentari ewlenin ta’ lingwaġġ ta’ theddid li jinstiga l-mibgħeda,

I.    billi l-Viċi-President tal-Kummissjoni Viviane Reding, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Catherine Ashton, il-President tal-Kunsill Ewropew Herman van Rompuy u l-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek ikkundannaw b’mod unanimu kwalunkwe tip ta’ omofobija u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fis-17 ta’ Mejju 2010, li kien il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija,

J.   billi l-omosesswalità tneħħiet mil-lista tal-mard mentali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-1990, billi l-ebda riċerka kredibbli ma tindika li l-għoti ta’ edukazzjoni lit-tfal u liż-żgħażagħ dwar is-sesswalità jista’ jaffettwa l-orjentament sesswali tagħhom u billi l-edukazzjoni dwar id-diversità sesswali tħeġġeġ it-tolleranza u l-aċċettazzjoni tad-differenzi,

1.   Jafferma mill-ġdid li l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE għandhom id-dmir li jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati, imħarsa u promossi fl-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mingħajr distinzjoni fuq bażi tal-orjentament sesswali;

2.   Jitlob lis-Seimas biex jirrifjuta l-abbozz ta’ emendi lill-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi, jinkludi l-orjentament sesswali fil-lista tar-raġunijiet protetti fil-Liġi dwar l-Edukazzjoni, jippermetti lill-minorenni li jaċċedu liberament għal informazzjoni dwar l-orjentament sesswali, u jiċċara t-tifsira tal-projbizzjoni fil-Liġi dwar ir-Reklamar;

3.   Jirrikonoxxi l-pożizzjoni ferm iebsa li f’bosta okkażjonijiet ħadet il-President tar-Repubblika tal-Litwanja, Dalia Grybauskaitė, fejn iddenunċjat l-abbozz tal-leġiżlazzjoni omofobika bħala li kien ta’ ħsara għaċ-ċittadini Litwani u għall-immaġini tal-Litwanja, u jitlob lill-President biex topponi l-veto tagħha għall-emendi lill-Kodiċi tal-Offiżi Amministrattivi, jekk dawn jiġu approvati;

4.   Jilqa’ l-fatt li dan l-aħħar l-omofobija ssemmiet bħala ċirkostanza aggravanti għat-twettiq tad-delitti;

5.   Jilqa’ l-azzjoni bilaterali li ttieħdet s’issa mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni legali tal-emendi proposti lill-Kodiċi ta’ Offiżi Amministrattivi, biex tibda mingħajr dewmien proċedimenti ta’ ksur jekk ir-riżultat tal-votazzjoni ma jkunx kumpatibbli mal-leġiżlazzjoni u t-trattati tal-UE, u toħroġ Pjan Direzzjonali tal-UE b'miżuri konkreti kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni fuq bażi tal-orjentament sesswali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-President u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa.

[1] P7_TA(2009)0019
[2] P6_TA(2006)0018 P6_TA(2006)0273 P6_TA(2007)0167