Dokument ta' sessjoni
26.1.2011 B7‑0075/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija b'talba għal tweġiba orali B7‑0006/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar it-'Tuberculosis Vaccine Initiative' (TBVI), applikazzjoni konkreta tal-Istrateġija Ewropa 2020 bl-għan li jintlaħaq l-MDG 6 u li t-tuberkulożi tinqered sal-2050
Louis Michel, Charles Goerens, Antonyia Parvanova, Frédérique Ries, Olle Schmidt
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-'Tuberculosis Vaccine Initiative' (TBVI), applikazzjoni konkreta tal-Istrateġija Ewropa 2020 bl-għan li jintlaħaq l-MDG 6 u li t-tuberkulożi tinqered sal-2050
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra it-'Tuberculosis Vaccine Initiative' (TBVI), organizzazzjoni indipendenti mingħajr skop ta' qligħ u l-unika organizzazzjoni pan-Ewropea ta' dan it-tip, maħluqa bl-appoġġ tal-Kummissjoni, li tippromwovi l-iżvilupp urġenti ta' tilqimiet ġodda, u li tagħti l-kontribuzzjoni u l-esperjenza tagħha lil netwerk Ewropew integrat,
– wara li kkunsidra li l-Istati Membri u l-Unjoni investew enormement fir-riċerka u l-innovazzjoni (programmi R&D 5, 6 u 7) rigward l-iżvilupp ta' tilqimiet kontra t-tuberkulożi,
– wara li kkunsidra l-għan tal-Istrateġija ta' Lisbona li tiġi stabbilita żona Ewropea għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-inizjattiva Ewropa ta' Innovazzjoni u l-Inizjattiva Ewlenija ta' Ewropa 2020 'Unjoni ta' Innovazzjoni',
– wara li kkunsidra l-programm 'Inwaqqfu t-Tuberkulożi', imniedi mid-WHO, li stabbilixxa l-objettiv li, sal-2015, l-inċidenza u l-mewt bil-marda jitnaqqsu b'50% meta mqabbla mal-1990, u li t-tuberkulożi tinqered sal-2050,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti li, sal-2015, titrażżan l-espansjoni tat-tuberkulożi u tinqaleb it-tendenza tal-inċidenza ta' din il-marda,
– wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea ddefiniti f'Diċembru 2005 fil-'Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp',
– wara li kkunsidra s-Samit tal-G8 ta' Ġunju 2007 u t-tnedija tal-inizjattiva, 'Providing for Health' għall-iżvilupp ta' sistemi ta' finanzjament tas-saħħa sostenibbli, ekwi, 'pro-poor' u b'kopertura universali,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2010 ( COM(2010)0128 ) dwar ir-rwol tal-UE fis-saħħa globali,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Fond Dinji għall-Ġlieda Kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja, li saret fi New York f'Ottubru tal-2010,
– wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO 'Multidrug and extensively drug-resistant TB (M/XDR-TB): 2010 global report on surveillance and response' (WHO/HTM/TB/2010.3) dwar l-iżvilupp preokkupanti ta' razez reżistenti u reżistenti ħafna għat-trattamenti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Berlin dwar it-Tuberkulożi fil-laqgħa tal-Forum Ministerjali Ewropew tad-WHO (The Berlin Declaration on Tuberculosis – All Against Tuberculosis, EUR/07/5061622/5, WHO European Ministerial Forum, 74415), tat-22 ta' Ottubru 2007,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-EASAC (European Academies Science Advisory Council), li jiddetermina li l-ispiża għall-uniku trattament għat-tuberkulożi fl-Unjoni Ewropea hija ta' 2 biljun euro fis-sena (EASAC Policy report10, Marzu 2009, ISBN: 9789-0-85403-746-9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar is-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Afrika sub-Saħarjana u s-Saħħa Dinjija ( 2010/2070(INI) ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Fondazzjoni TBVI twaqqfet wara s-suċċess tal-proġett TBVAC (2004-2009), programm qafas iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bl-għan li jiġu identifikati tilqimiet ġodda li jistgħu jintużaw kontra t-tuberkulożi,
B. billi, erba' snin mill-iskadenza għall-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), l-inċidenza tat-tuberkulożi fid-dinja għadha preokkupanti minkejja l-progress li twettaq,
C. billi t-tuberkulożi għadha sal-lum waħda mill-kawżi ewlenin tal-imwiet fid-dinja, minħabba li kull sena twassal għall-mewt ta' kważi 2 miljun ruħ, u billi għadha theddida għaċ-ċittadin Ewropew,
D. billi r-rata dinjija ta' suċċess terapewtiku laħqet l-ogħla livell ta' 87% fl-2008,
E. billi t-tuberkulożi hija wieħed mill-ostakli ewlenin għall-iżvilupp fir-rigward tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għadha theddida dinjija,
F. billi l-epidemija ta' tuberkulożi multireżistenti, jekk mhux ultrareżistenti, hija problema serja,
G. billi, f'każ ta' koinfezzjoni bl-HIV/AIDS, it-tuberkulożi hija marda serja ħafna,
H. billi t-tuberkulożi hija eżempju ċar ħafna tal-inugwaljanzi bejn il-popli billi nqerdet kważi għalkollox fil-pajjiżi industrijalizzati, iżda fejn madankollu turi sinjali preokkupanti li tista' terġa tiżviluppa partikolarment permezz ta' razez reżistenti u multireżistenti,
I. billi tilqimiet ġodda huma meħtieġa meta jitqies li mill-1921 'l hawn huwa disponibbli tip wieħed biss ta' tilqima, il-BCG, li mhijiex effikaċi biżżejjed u li tipproteġi biss lit-tfal żgħar ħafna (tuberkulożi pedjatrika),
J. billi t-trattamenti m'għadhomx effettivi minħabba l-iżvilupp ta' reżistenza qawwija, u billi l-metodu użat għad-dijanjożi għadu l-istess wieħed użat minn Koch fl-1882 u dan il-metodu, fl-aħjar każ, jippermetti li jiġu identifikati 50% biss tal-infezzjonijiet,
K. billi t-tuberkulożi twassal għal telf ekonomiku annwali għall-Afrika ta' aktar minn 52 biljun dollaru skont l-estimi tal-Bank Dinji, filwaqt li f'livell dinji, it-telf huwa stmat, skont l-istess sors, li huwa ta' 0.52% tal-PDG dinji,
L. billi s-sħubija pan-Ewropea TBVI għamlet progress fundamentali fl-iżvilupp ta' tilqimiet effikaċi ġodda kontra t-tuberkulożi u li l-għarfein u l-innovazzjoni jikkonfermaw il-fatt li l-Unjoni Ewropea hija minn ta' quddiem f'dan ir-rigward,
M. billi dawn l-innovazzjonijiet jixirqilhom li jingħataw il-finanzjament meħtieġ biex jiġġeneraw valur miżjud, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-pajjiżi u l-kontinenti li għalihom it-tuberkulożi tirrappreżenta piż kbir,
N. billi l-objettiv huwa li jiġu investiti 3% tal-PDG fir-riċerka u l-iżvilupp ( COM(2010)2020 u COM(2010)0546 ) minkejja l-limiti baġitarji,
1. Jenfasizza li huwa biss programm ta' tilqim, li jfisser kampanja ta' tilqim fuq skala kbira, li jista' jkollu effett pożittiv fuq l-ilħuq previst tal-MDG 6 wara l-2015 u fuq kollox fuq il-qerda tat-tuberkulożi sal-2050;
2. Iqis li l-aqwa tilqimiet biss – flimkien ma' testijiet u dijanjożi aħjar u ma' trattamenti aktar effikaċi – jikkostitwixxu għodda essenzjali għal ġlieda kontra l-marda, u li dan ifisser bidla sinifikanti fl-enfasi tar-riċerka u, finalment, finanzjament akbar u sostenibbli;
3. Iqis li t-TBVI, li tgħin il-persuni li jbatu bit-tuberkulożi fid-dinja kollha – partikolarment fil-pajjiżi l-anqas żviluppati – għandha tkun mez xieraq għall-implimentazzjoni prattika tal-Istrateġija UE 2020 u tista' għalhekk issaħħaħ l-indipendenza strateġika tal-Unjoni fil-ġlieda kontra t-tuberkulożi u mard ieħor li jittieħed;
4. Jitlob b'insistenza li jissaħħaħ il-finanzjament internazzjonali minħabba li l-għajnuna pubblika m'għadhiex biżżejjed biex jiġu affaċċjati l-bżonnijiet u l-isfidi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
5. Jenfasizza li, bid-49 biljun euro li tat, il-Kummissjoni Ewropea għadha l-akbar donatur ta' għajnuna pubblika għall-iżvilupp;
6. Iqis li għandhom jiġu eżaminati b'urġenza mezzi ta' finanzjament innovattivi bħall-istabbiliment ta' garanzija finanzjarja mill-Istati Membri u/jew mill-Unjoni li tippermetti li jinħarġu fondi għat-TBVI mill-Bank Ewropew tal-Investiment;
7. Iqis li l-garanzija finanzjarja bi ħlas lura prevedibbli tad-dejn maħluq tirrappreżenta strument li jnaqqas bl-akbar mod possibbli r-riskju finanzjarju filwaqt li jiġu appoġġjati r-riċerka u l-iżvilupp, u tiżgura użu responsabbli tal-fondi;
8. Ifakkar li t-tfal kollha għandhom id-dritt jibbenefikaw mill-programmi ta' tilqim u ta' immunizzazzjoni; ifakkar ukoll li 8.8 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin (nofshom fl-Afrika sub-Saħarjana) għadhom imutu kull sena minħabba mard li jista' jiġi evitat u li jista' jitfejjaq; jenfasizza li l-għan tat-TBVI huwa li jiġu żviluppati żewġ tipi ta' tilqimiet: waħda għat-tilqim primarju u l-oħra għat-tilqimiet li jservu ta' booster li jingħataw lit-tfal;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-kapijiet tal-Fondazzjoni TBVI, kif ukoll lid-WHO.