Dokument ta' sessjoni
25.1.2011 B7‑0078/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fit-Tuneżija
Hélène Flautre, Franziska Brantner, Nicole Kiil-Nielsen, Barbara Lochbihler, Cahterine Grèze, Frieda Brepoels, Daniel Cohn-Bendit
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tuneżija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1998,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat tat-12 ta' Mejju 2004 u l-pjan ta' azzjoni tagħha UE-Tuneżija li daħal fis-seħħ fl-4 ta' Lulju 2005,
– wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar il-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea, adottat fis-16 ta' Frar 2006,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem adottati f'Ġunju 2004 u aġġornati f'Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta' April 2008 tal-grupp ta' ħidma tal-eżami perjodiku universali dwar it-Tuneżija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-KAĠRE dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u s-sħab Ewropej tat-8 u d-9 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea wara t-8 laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tal-11 ta’ Mejju 2010,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' segwitu dwar it-Tuneżija tat-12 ta' Mejju 2010,
– wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar il-politika tal-Unjoni Ewropea favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem adottat fl-14 ta' Mejju 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tuneżija u b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005, tal-15 ta' Diċembru 2005 u tal-15 ta' Ġunju 2005,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet komuni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, u tal-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika tal-Viċinat, Stefan Füle, tal-10 u tas-17 ta' Jannar 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-att iddisprat ta' Mohammed Bouazizi, li ta n-nar lilu nnifsu fis-17 ta' Diċembru 2010 f'Sidi Bouzid, qanqal qawmien popolari li talab bidla politika profonda fit-Tuneżija,
B. billi l-moviment paċifiku ta' protesta nfirex fit-Tuneżija kollha u trażżan b'mod vjolenti mill-forzi tal-ordni, b'mod li kien hemm madwar mitt vittma, u filwaqt li jiġi enfasizzat b'mod partikolari l-użu ta' armi tan-nar kontra l-manifestanti, l-eżekuzzjonijiet sommarji, l-arresti arbitrarji, l-atti ta' tortura waqt id-detenzjoni u l-għajbien furzat,
C. filwaqt li jiġi kkunsidrat it-tluq tal-President Ben Ali fl-14 ta' Jannar 2011 u s-sostituzzjoni definittiva tiegħu bi qbil mal-Artikolu 57 tal-Kostituzzjoni Tuneżina, u filwaqt li jiġi nnutat, f'dan ir-rigward, ir-rwol ewlieni li kellha l-armata, kemm f'termini ta' protezzjoni tal-manifestanti u tal-popolazzjoni kif ukoll f'termini ta' appoġġ għall-bidla,
D. billi l-milizzji tal-ex President Ben Ali għadhom jiżirgħu t-terrur fil-popolazzjoni u jikkommettu bosta abbużi u għalhekk għadhom periklu reali għall-popolazzjoni kollha kemm hi,
E. billi r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija huma rregolati, mis-17 ta' Lulju 1995, permezz ta' ftehim ta' assoċjazzjoni li fih klawsola dwar "id-drittijiet tal-bniedem" u, mill-4 ta' Lulju 2005, permezz ta' pjan ta' azzjoni li jibbaża ruħu, fil-qafas tal-politika Ewropea tal-viċinat, fuq ir-rispett reċiprokament rikonoxxut ta' valuri komuni li jinkludu d-demokrazija, l-istat ta' dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, bi qbil mal-Artikoli 8 u 21 tat-TUE,
F. filwaqt li tiġi kkunsidrata l-inkapaċità tal-Unjoni Ewropea li tiżviluppa politika barranija koerenti u effikaċi reali fir-rigward tas-sħab tagħha; filwaqt li jinnota b'mod partikolari d-dgħufija tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija u filwaqt li jenfasizza għal darba oħra t-talba tal-Parlament Ewropew li l-klawsoli dwar "id-drittijiet tal-bniedem" tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni jkunu akkumpanjati b'mekkaniżmu ta' implimentazzjoni effikaċi tal-klawsola,
G. billi f'dan il-kuntest ir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-politika tal-viċinat għandha b'mod imperattiv u sistematikament tirrifletti l-valuri u l-prinċipji definiti fl-Artikolu 21 tat-TUE, tippermetti viġilanza akbar fir-rigward tar-rispett ta' dawn il-valuri, tipprevedi mekkaniżmi ta' valutazzjoni ċari u preċiżi li jkunu jistgħu jakkumpanjaw riformi reali fil-qasam tar-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija u tal-iżvilupp sostenibbli fil-qasam ekonomiku, soċjali u ambjentali kif ukoll iddaħħal klawsola ta' kondizzjonalità fir-rigward tal-għoti ta' status avvanzat,
1. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Tuneżin li, imħeġġeġ minn aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi, wassal lil pajjiżu għal avveniment politiku storiku meta temm 23 sena ta' dittatura; jilqa' f'dan ir-rigward il-kuraġġ u d-determinazzjoni tiegħu tul erba' ġimgħat ta' manifestazzjonijiet paċifiċi u jenfasizza r-rwol importanti li kellhom in-nisa; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;
2. Jilqa' u jappoġġa b'mod qawwi l-proċess ta' tranżizzjoni demokratika fit-Tuneżija u jitlob il-formazzjoni ta' gvern ta' tranżizzjoni miftuħ għall-komponenti differenti tas-soċjetà ċivili u li jgawdi mill-fiduċja tal-popolazzjoni; iqis kontestabbli ż-żamma ta' personalitajiet emblematiċi tar-reġim ta' Ben Ali f'karigi ministerjali sinifikanti, l-iktar fil-ministeru tal-intern;
3. Jilqa' l-ewwel deċiżjonijiet meħuda rigward il-ħelsien tal-priġunieri politiċi u tal-kuxjenza, ix-xoljiment tal-misisteru għall-informazzjoni, il-garanzija tal-libertà tal-espressjoni, ir-rikonoxximent tal-partiti kollha tal-oppożizzjoni kif ukoll il-possibilità għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirreġistraw ruħhom;
4. Jilqa' l-ħolqien ta' tliet kummissjonijiet nazzjonali dwar l-avvenimenti ta' wara s-17 ta' Diċembru 2010, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riforma tal-istituzzjonijiet u tal-liġijiet; iqis li l-ħidma tagħhom hija konformi għalkollox mal-proċess ta' riforma u ta' demokratizzazzjoni tal-pajjiż u jittama li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati fil-qafas tar-riformi leġiżlattivi u istituzzjonali li għad iseħħu;
5. Iqis essenzjali li l-kummissjonijiet ikunu jistgħu jkunu magħmula minn personalitajiet indipendenti li jkunu ġejjin mis-soċjetà ċivili, li jkollhom poter reali ta' investigazzjoni, li jkunu jistgħu jiddependu fuq il-kollaborazzjoni tas-servizzi kollha tal-Istat u li jibbenefikaw mill-mezzi baġitarji u umani meħtieġa biex jiffunzjonaw b'mod effikaċi; iqis li hu neċessarju li l-kummissjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ħila esperta u mill-appoġġ tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-mekkaniżmi pertinenti tan-Nazzjonijiet Uniti;
6. Jenfasizza l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji biex ikun hemm elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali ħielsa u trasparenti, taħt osservazzjoni internazzjonali, fi żmien raġonevoli li jippermetti l-ħolqien ta' spazju demokratiku reali li jikkonforma mal-istandards internazzjonali;
7. Jinsisti dwar l-importanza li jiġi appoġġat il-ħolqien ta' ġudikatura indipendenti u li jibda jitħaddem proċess ta' ġustizzja tranżitorja;
8. Jistieden lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni biex jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom għall-proċess ta' tranżizzjoni demokratika li għaddej bħalissa billi jipprovdu għajnuna politika u finanzjarja lis-soċjetà ċivili u għar-riformi meħtieġa biex isseħħ id-demokratizzazzjoni tal-pajjiż, l-iktar f'termini ta' libertà tal-espressjoni, tal-opinjoni, tal-istampa, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda kif ukoll f'termini ta' indipendenza tal-ġustizzja;
9. Jappella għal orjentazzjoni mill-ġdid tal-pjan ta' azzjoni favur programm ta' appoġġ għat-tranżizzjoni demokratika, l-iktar permezz tat-tisħiħ tal-programmi ddedikati għas-soċjetà ċivili fl-istrumenti finanzjarji kollha li jeżistu u, jekk ikun meħtieġ, permezz ta' għajnuna umanitarja; f'dan ir-rigward, jappella għal żieda fil-fondi Komunitarji ddedikati għat-Tuneżija; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet li jaħdmu għall-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u jitlob li tiġi organizzata konferenza dwar in-nisa u t-tranżizzjoni demokratika taħt l-awspiċi ta' Catherine Ashton;
10. Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jappoġġaw b'mod sħiħ it-twaqqif u l-ħidma tat-tliet kummissjonijiet nazzjonali;
11. Jappoġġa l-proposta komuni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, u tal-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, Stefan Füle, li tingħata għajnuna elettorali immedjata u jħeġġiġhom biex ma jillimatawx ruħhom għall-fażi elettorali iżda li jqisu l-ħtieġa li jakkompanjaw il-proċess tad-demokratizzazzjoni; iħeġġeġ lill-UE biex ikollha rwol proattiv f'dan ir-rigward;
12. Jinisisti li n-negozjati kollha li kienu tnedew mar-reġim preċedenti jiġu sospiżi sakemm isiru elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi;
13. Jitlob lill-Unjoni Ewropea tadotta sanzjonijiet immirati kontra persuni li dawru fuqhom u għall-profitt tagħhom il-patrimonju Tuneżin, l-iktar permezz ta' projbizzjoni ta' viżi, u jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux hekk biex jiżguraw l-iffiriżar tal-beni tal-familja Ben Ali u tal-familjari tagħhom u r-restituzzjoni tal-beni akkwistati b'mod illeċitu lit-Tuneżija;
14. Jitlob lir-rappreżentanti tal-UE u tal-Istati Membri biex jiggarantixxu l-involviment tal-komponenti kollha tat-tranżizzjoni demokratika fid-djalogu diplomatiku tagħhom; jitlob f'dan is-sens li r-rappreżentanti tal-UE u tal-Istati Membri li jinsabu f'Tuneż ikunu jistgħu jħaddnu l-politika l-ġdida u jibbenefikaw mill-appoġġ u l-fiduċja tal-atturi tal-bidla; jappella għal dan il-għan lill-UE biex tinnomina mibgħut speċjali għat-Tuneżija;
15. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex titgħallem mill-eżempju Tuneżin u biex tirrevedi l-politika tagħha ta' appoġġ għad-demokorazija u għad-drittijiet tal-bniedem biex tagħti lis-soċjetà ċivili rwol ċentrali f'din il-politika, filwaqt li tipprevedi l-ħolqien ta' mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tal-klawsola "drittijiet tal-bniedem"; jinsisti sabiex ir-reviżjoni tal-politika tal-viċinat tipprijoritizza minn issa l-implimentazzjoni effikaċi tal-objettivi stabbiliti mit-Trattat fl-Artikolu 21 tiegħu u li għandha tiġi vvalutata skont il-kriterji dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-rispett tal-libertajiet fundamentali, il-pluraliżmu u l-libertà tal-istampa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
16. Jitlob li titwaqqaf taskforce interistituzzjonali li tkun tinkludi lill-Parlament Ewropew bl-għan li jiġu definiti mill-ġdid l-azzjonijiet prijoritarji li għandhom jiġu appoġġati matul ix-xhur li ġejjin u li jerġgħu jiġu orjentati, skont il-bżonnijiet, il-fondi tal-istrumenti finanzjarji differenti ta' għajnuna użati s'issa fit-Tuneżija;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern ta' tranżizzjoni Tuneżin kif ukoll lill-atturi kollha tal-bidla u lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.