Dokument ta' sessjoni
9.2.2011 B7‑0096/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-aspetti prattiċi rigward ir-reviżjoni tal-istrumenti tal-UE maħsuba biex jingħata appoġġ finanzjarju għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss
Othmar Karas, Bendt Bendtsen
f'isem il-Grupp PPE
Edit Herczog
f’isem il-Grupp S&D
Jürgen Creutzmann
f'isem il-Grupp ALDE
Reinhard Bütikofer
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Derk Jan Eppink
f’isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prattiċi rigward ir-reviżjoni tal-istrumenti tal-UE maħsuba biex jingħata appoġġ finanzjarju għall-SMEs fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-23 miljun intrapriża żgħira u ta’ daqs medju fl-UE, li jirrappreżentaw madwar 99% tal-intrapriżi kollha u li jipprovdu iktar minn 100 miljun impjieg, jagħtu kontribut fundamentali għat-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi, huma sors ewlieni ta’ innovazzjoni u jiżvolġu rwol vitali għaż-żamma u ż-żieda tal-impjiegi,
B. billi l-kapaċità limitata tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jaċċessaw finanzjamenti hi xkiel ewlieni għall-ħolqien u t-tkabbir tagħhom, u billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali intenstifikat din il-problema,
C. billi, f'ħafna oqsma, is-swieq finanzjarji Ewropej mhumiex attwalment kapaċi jipprovdu lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju b'biżżejjed finanzjament għal diversi raġunijiet, anke jekk il-forom tradizzjonali ta' self għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju baqgħu pjuttost stabbli matul il-kriżi attwali; billi hemm bżonn ta' sforzi biex tiġi eliminata il-possibilità li fil-futur tonqos ir-rieda tal-banek li jiffinanzjaw lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, bħala riżultat tar-riformi li qed isiru għar-regolamenti bankarji internazzjonali u l-implimentazzjoni tagħhom fl-Ewropa,
D. billi s-settur Ewropew tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju hu eteroġenju ħafna u jinvolvi għadd enormi ta' mikrointrapriżi u negozji tal-familja li qed joperaw b'suċċess fis-setturi tradizzjonali u għadd dejjem jikber ta' intrapriżi ġodda u intrapriżi ta' teknoloġija avvanzata u altament innovattivi li qed jiżdiedu malajr; billi dawn il-mudelli kummerċjali differenti kollha għandhom problemi differenti u, għaldaqstant, ħtiġijiet differenti fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament; billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju bi proporzjon għoli ta' lieva finanzjarja (grad għoli ta' finanzjament bid-dejn) huma ħafna iktar vulnerabbli fil-każ ta' kriżi jew jekk il-proġetti aktar riskjużi tagħhom jiltaqgħu ma' diffikultajiet,
E. billi s-settur bankarju, li hu dejjem iżjed sensibbli għall-kapital u għar-riskji, qed jimponi kundizzjonijiet aktar stretti fuq il-finanzjament tas-self, inklużi rekwiżiti ta' garanzija u primjums għar-riskju ogħla, u billi l-banek qed joqogħdu dejjem aktar lura milli jiffinanzjaw proġetti kummerċjali aktar riskjużi, li jkunu jinvolu kumpaniji għadhom jibdew, prodotti innovattivi u saħansitra trasferimenti kummerċjali, billi jagħtu self tradizzjonali,
F. billi l-kumpaniji altament innovattivi u li qed jikbru malajr huma kruċjali għall-kompetittività futura tal-ekonomija tal-Ewropa u għall-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment f'dawk is-swieq li qed jimbuttaw għat-tranżizzjoni lejn ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti,
G. billi l-istatistika tindika li għad hemm anqas probabilità li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju Ewropej jikkunsidraw l-għażla ta' finanzjament bl-ekwità minn, pereżempju, l-intrapriżi ekwivalenti fl-Istati Uniti,
H. billi ħafna intermedjarji finanzjarji fil-livell Ewropew u dak nazzjonali huma mgerrxa mill-piżijiet amministrattivi maħluqa minn regolamenti finanzjarji Ewropej kumplessi u mil-linji gwida politiċi u operattivi għall-programmi Ewropej ta' finanzjament,
I. billi l-istituzzjonijiet Ewropej issa se jkollhom jivvalutaw u jeżaminaw mill-ġdid l-istrumenti attwali għall-appoġġ finanzjarju tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, fil-prospettiva tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss,
Jissaħħaħ il-funzjonament tal-iskemi ta' finanzjament għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju
1. Jinnota li għadd kbir ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju se jkompli jiddependi prinċipalment fuq il-krediti u s-self f'dak li jirrigwarda l-finanzjament estern; jinsab imħasseb li s-settur bankarju, dejjem iżjed sensibbli għall-kapital u għar-riskji, qed jitlob aktar garanziji u primjums għar-riskju ogħla, u dawn iż-żewġ rekwiżiti qed jirriżultaw f'finanzjamenti insuffiċjenti u opportunitajiet għal negozju u impjiegi li qed jintilfu f'dan is-settur kbir ħafna tal-ekonomija; iqis, għaldaqstant, li d-disponibilità ta' skemi ta' garanzija għall-kreditu u għas-self huma kruċjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal għal tkabbir u impjiegi li joffru l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jara l-ħtieġa li l-programmi eżistenti fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE jiġu ssuplimentati bl-effett ta' lieva finanzjarja u japprova r-rwol importanti li jiżvolġi s-self tal-BEI għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
2. Jindika li l-istabbiliment ta' rekwiżiti ta' kapital ta' ekwità ogħla għall-banek, kif propost mill-Kumitat ta' Basel, għandu jqis l-interessi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
3. Jappoġġa bis-saħħa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' garanzija fil-qafas tal-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-Faċilità għall-Kondiviżjoni tar-Riskji u l-Finanzjament taħt is-Seba' Programm Qafas u l-Fondi Strutturali (JEREMIE), bil-għan li jissaħħaħ is-self għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u taħt l-inizjattiva JASMINE għall-appoġġ tal-istituzzjonijiet ta' mikrofinanzjament; jindika li l-implimentazzjoni tagħhom kif suppost qiegħda attwalment tixxekkel minħabba proċeduri amministrattivi kumplessi żżejjed; jitlob lill-Kummissjoni tagħmilha aktar faċli li l-Fondi Strutturali jintużaw f'rabta mal-istrumenti ta' finanzjament għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikulari għall-finanzjament tal-fondi rotatorji għall-iskemi ta' garanzija, waqt li tevita li jinħolqu strutturi li jidduplikaw l-iskemi eżistenti, eż. fil-livell nazzjonali;
4. Hu tal-fehma li l-finanzjament għall-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni b'mod partikulari mhuwiex biżżejjed u li l-programm għandu jiġi vvalutat f'dak li jirrigwarda l-kopertura tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovedu għal finanzjament aktar effikaċi għal strumenti finanzjarji innovattivi taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;
5. Jitlob li jkun hemm żieda sinifikattiva fil-finanzjament għall-istrumenti finanzjarji innovattivi taħt il-baġit tal-UE li tkun tista' tkopri l-bżonnijiet għal finanzjament tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u, fid-dawl tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi emblematiċi transsettorjali, jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' strumenti konġunti mal-Grupp tal-BEI, b'mod partikulari permezz ta' skemi għall-kondiviżjoni tar-riskji; jitlob li l-programmi futuri jiġu mogħnija bil-flessibilità meħtieġa biex jevitaw li jkollhom jirrikorru għal soluzzjonijiet universali inadegwati;
Jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq
6. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-intrapriżi li għadhom jibdew u l-intrapriżi innovattivi jkollhom aċċess għal strumenti finanzjarji bbażati fuq l-ekwità u l-kważi-ekwità, li s-suq għadu ma jipprovdix biżżejjed minnhom; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġenerazzjoni ta' programmi li jmiss tqiegħed enfasi aktar qawwija fuq l-istrumenti finanzjarji mezzanini u tappoġġahom b'fondi u faċilitajiet għall-kondiviżjoni tar-riskji;
7. Jinnota li l-kumpaniji altament innovattivi u li qed jikbru malajr jeħtieġu aċċess għal swieq Ewropej akbar ta' kapital ta' riskju u bonds; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva fit-tneħħija tax-xkiel għall-iżvilupp tas-swieq Ewropej ta' kapital ta' riskju u bonds, tespandi l-faċilitajiet għall-kondiviżjoni tar-riskji għall-investimenti fl-ekwità, tappoġġa l-ħruġ ta' bonds korporattivi raggruppati u tħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw l-attivitajiet tal-investituri privati informali billi jipprovdu inċentivi fiskali għall-investituri;
8. Jinnota li l-istruttura attwali tal-finanzjamenti għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f'ħafna pajjiżi Ewropej, kemm min-naħa tad-domanda, kif ukoll min-naħa tal-provvista, hi influwenzata b'mod qawwi mis-sistemi ta' tassazzjoni u appoġġ, li jipprovdu inċentivi b'saħħithom għall-finanzjament bid-dejn u diżinċentivi għall-finanzjament bl-ekwità; jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi biex iżżid l-għarfien tal-problemi maħluqa mill-inċentivi ħżiena li jipprovdi l-qafas regolatorju u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jwettqu r-riformi meħtieġa;
Jitneħħa x-xkiel amministrattiv
9. Jinsab imħasseb dwar il-kumplessità tar-regolamenti u l-linji gwida finanzjarji tal-UE għall-istrumenti finanzjarji Ewropej, b'mod partikulari meta l-fondi u l-programmi Ewropej jintużaw bħala appoġġ għall-intrapriżi individwali permezz tal-provvediment ta' ammonti relattivament żgħar ta' finanzjament; jikkunsidra li n-nefqa involuta f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħin u l-flus biex wieħed jikkonforma ma' dawn ir-regolamenti hi kompletament sproporzjonata mal-benefiċċji għal min finalment jirċievi l-fondi; jitlob li jkun hemm ġestjoni razzjonalizzata, effiċjenza amministrattiva u tar-rapportaġġ u kost-effettività fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji innovattivi; jinsisti li l-banek, l-intermedjarji u l-benefiċjarji ma jridux jiġu skoraġġuti jew imgerrxa milli jużaw il-programmi u l-fondi minħabba l-piżijiet amministrattivi involuti; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi regolamenti u linji gwida ssemplifikati u anqas għaljin, speċjalment għall-programmi maħsuba bħala appoġġ għal finanzjament ta' volum baxx għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-forma ta' garanziji u strumenti mezzanini jew ta' ekwità;
10. Jilqa' l-fatt li, fl-2010, twaqqaf il-Forum ta' Finanzjament għall-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-koperazzjoni mal-banek ta' żvilupp u l-banek kummerċjali nazzjonali sabiex tiġbor flimkien l-esperjenza, tiskambja l-aħjar prattiki, tiżviluppa sinerġiji u tidentifika modi kif il-programmi tal-UE għall-finanzjament tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jistgħu jiġu ssemplfikati u razzjonalizzati;
11. Jindika li, attwalment, il-miżuri għall-appoġġ finanzjarju tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jifformaw parti minn ħafna programmi differenti tal-UE, bħall-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-Fondi Strutturali (JEREMIE), is-Seba' Programm Qafas u oħrajn, u jinnota nuqqas ta' koerenza bejn dawn il-programmi; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi aktar koerenza bejn id-diversi programmi li jipprovdu garanziji u bilanċ tajjeb bejn l-iskemi nazzjonali u dawk tal-UE li jappoġġaw il-finanzjament tal-innovazzjoni jew il-forniment ta' kapital ta' riskju lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq 'one-stop shop' għad-diversi strumenti ta' finanzjament tal-UE mmirati lejn l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.