Dokument ta' sessjoni
9.2.2011 B7‑0097/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-UE 2020
Malcolm Harbour
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-UE 2020
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv',
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar l-UE 2020 - inizjattivi ewlenin,
– wara li kkunsidra l-ewwel għaxar azzjonijiet prijoritarji rrakkomandati mill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi',
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar l-UE 2020, u l-eżitu tagħha (SEC(2010)116),
– wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona (SEC(2010)114),
– wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill Ewropew bl-isem 'Seven steps to deliver on the European strategy for growth and jobs' (Seba' passi għat-twettiq tal-istrateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi)',
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020 - inizjattivi ewleni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-UE 2020,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi,
– wara li kkunsidra l-Att dwar is-Suq Uniku, ippubblikat fis-16 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Kummenti ġenerali
1. Jinnota li l-għan ewelieni tal-Istrateġija UE 2020 huwa li tmexxi lill-Unjoni Ewropea mill-irkupru ekonomiku għal futur sostenibbli u kompetittiv;
2. Jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-vantaġġi ekonomiċi paragunabbli tal-Unjoni Ewropea biex ikun żgurat li l-UE 2020 tirnexxi u li jinkiseb Valur Miżjud tal-UE;
3. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kkonsolidati l-analiżijiet kollha tal-Kummissjoni wara l-pubblikazzjoni tal-konsultazzjoni inizjali tagħha, inklużi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-Miri ewlenin, il-Linji gwida dwar l-Impjieg u l-Għaxar Azzjonijiet Prijoritarji, biex ikun żgurat approċċ koerenti, iffukat u li jirnexxi u biex jiġi evitat l-istess destin tal-Istrateġija ta' Lisbona;
4. Jilqa' l-Att dwar is-Suq Uniku bħala inizjattiva politika importanti biex jissawru l-pedamenti tal-għanijiet tal-UE 2020 u tal-inizjattivi ewlenin;
Governanza tal-Istrateġija UE 2020 u Miri ewlenin
5. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, inkluża l-enfasi fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jħaffu l-mobilizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol u r-ritorn għax-xogħol tal-persuni qegħda; jappoġġja talbiet biex l-Istati Membri jkomplu jwettqu riformi strutturali biex itejbu r-riċerka u l-innovazzjoni, jisfruttaw il-potenzjal u l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u jagħtu spinta lill-avvanzi teknoloġiċi;
6. Jisħaq fuq ir-rwol vitali tat-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku fl-ilħuq tal-għanijiet tat-tkabbir u l-kompetittività tal-Istrateġija UE 2020; jemmen li gwida komprensiva mill-ogħla livell politiku hija kruċjali għat-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku; jitlob li l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa jinkludi diskussjoni dwar is-sitwazzjoni tat-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku, bl-appoġġ ta' proċess ta' monitoraġġ li permezz tiegħu tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-miri interim;
7. Jistieden lill-Istati Membri jħaddnu s-Suq Uniku billi jistabbilixxu l-objettivi tagħhom u jiżviluppaw l-aġenda tagħhom skont il-prijoritajiet tas-Suq Uniku;
8. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li tagħti prijorità lis-Suq Uniku, anke fl-iskeda ta' żmien; jirrakkomanda li l-President tal-Kummissjoni jassumi responsabbiltà akbar f'dawk l-oqsma li fihom l-Unjoni Ewropea għandha kompetenzi jew kompetenzi komuni biex jiġi megħjun il-koordinament tal-azzjoni u r-rieda politika tal-Istati Membri sabiex jiġu implimentati u infurzati għalkollox il-politiki u l-miżuri tas-Suq Uniku kif ukoll li jiġu applikati r-regoli eżistenti;
9. Jenfasizza l-għadd limitat ta' azzjonijiet prijoritarji li se jintgħażlu mill-Parlament Ewropew, fit-tliet rapporti ta' inizjattiva tiegħu dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, li għandhom jiġu adottati mill-koleġiżlaturi qabel il-31 ta' Diċembru 2012 – l-20 anniversarju tas-Suq Uniku; dan jikkostitwixxi l-ewwel pass tal-Istrateġija UE 2020 u jiżgura viżjoni ċara u ambizzjuża bbażata fuq it-tmexxija u s-sjieda politika, l-impenn u l-koordinament;
10. Iqis li l-iżvilupp ta' investimenti intelliġenti u koordinati fl-ekonomija reali, inkluż investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, l-enerġiji rinnovabbli, in-netwerks tat-trasport transnazzjonali u s-suq uniku diġitali jrid ikollu rwol ewlieni biex l-Ewropa terġa' taqbad it-triq ta' tkabbir sostenibbli u kompetittiv fit-tul;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex inaqqsu l-burokrazija u l-piż amministrattiv fuq l-SMEs u biex jimplimentaw għalkollox l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar;
12. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li r-Regolamentazzjoni Intelliġenti jista' jkollha fit-titjib tal-qafas regolatorju li fih joperaw in-negozji; huwa tal-fehma li l-proposti li jinsabu fiha jistgħu jgħinu biex jinħoloq ambjent tan-negozju b'saħħtu li jwassal għat-tkabbir u l-innovazzjoni, iżda jinnota li s-sħab kollha fil-proċess leġiżlattiv iridu jassumi r-responsabbiltà li jipproduċu regolamenti aktar effikaċi u b'anqas piż;
13. Jitlob l-adozzjoni rapida tal-privattiva tal-UE mill-koleġiżlaturi biex isaħħu l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea u biex jiffrankaw EUR 250 miljun fis-sena;
14. Jilqa' t-tnedija ta' eżami wiesa' tal-akkwist pubbliku li jenfasizza l-ħtieġa ta' riforma; jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu l-ogħla prijorità lil dan, b'mod partikolari billi jiftħu l-aċċess għall-SMEs;
15. Jitlob li jkun hemm baġits allokati għall-akkwist pubbliku ta' prodotti u servizzi innovattivi biex jinħolqu tal-anqas EUR 10 biljun fis-sena għal innovazzjonijiet li jtejbu s-servizzi pubbliċi;
16. Jilqa' l-isforzi li saru mill-Unjoni Ewropea biex issolvi l-kwistjonijiet li pperikolaw il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u wasslu għas-sitwazzjoni fiskali negattiva attwali f'diversi Stati Membri; jenfasizza li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha li jeżerċitaw id-dixxiplina baġitarja u li qafas tal-UE responsabbli u trasparenti għalkollox jista' jikkontribwixxi għal finanzi pubbliċi iktar sodi u kapaċità aktar soda li taffronta kriżijiet futuri;
17. Jagħraf li żona tal-euro b'saħħitha u kompetittiva hija fl-interess tal-Istat Membri kollha tal-UE; madankollu jenfasizza li kwalunkwe riforma trid tqis għalkollox il-ħtiġijiet kemm taż-żona tal-euro kif ukoll tal-Istati Membri li għadhom ma sarux parti minn din iż-żona jew li ma għandhom l-ebda ħsieb li jsiru membri tagħha;
18. Jirrakkomanda li l-UE għandha tiffaċilita u tinkuraġġixxi aktar finanzjament fil-forma ta' ishma azzjonarji għall-SMEs jew permezz ta' kapital ta' riskju jew tar-reġistrazzjoni tal-ishma, u billi jiddependu anqas mid-dejn;
19. Iħeġġeġ il-fatt li ċ-ċentri finanzjarji tal-UE għandhom jiġu promossi u jibqgħu globalment kompetittivi sabiex jintlaħqu l-objettivi 2020;
20. L-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jagħtu l-ogħla prijorità lill-ġlieda kontra l-qgħad u lill-prevenzjoni tal-esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol fil-Programmi tagħhom ta' Riforma Nazzjonali; dan għandu jingħaqad ma' miżuri biex ikunu żgurati aktar ħolqien ta' impjiegi, impjiegi aħjar, u livelli għoljin ta' impjieg ta' kwalità tajba fuq perjodu medju u twil ta' żmien;
21. Biex tikkontrobatti l-effetti negattivi tat-tibdil demografiku, l-Istrateġija Ewropa 2020 tippromwovi espliċitament l-inklużjoni ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età fis-suq tax-xogħol; l-Istati Membri għandhom jitħeġġew jilħqu din il-mira ewlenija billi jippromwovu ħajjiet tax-xogħol itwal, jiżviluppaw swieq tax-xogħol aktar flessibbli, jappoġġjaw kuntratti atipiċi u jinkuraġġixxu lil persuni aktar avvanzati fl-età biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol għal żmien itwal; barra minn hekk, il-promozzjoni ta' skemi ta' tagħlim tul il-ħajja, il-kura tas-saħħa prventiva flimkien mal-esperjanza u l-għarfien li għandhom il-ħaddiema aktar avvanzati fl-età, jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-irkupru u -t-tkabbir futur tal-UE;
22. Huwa essenzjali li s-sostenibilità tas-sistemi tal-pensjonijiet tmur lil hinn minn kunsiderazzjonijiet purament fiskali; ir-rati ta' tfaddil privat, ir-rati tal-impjieg, u l-iżviluppi demografiċi previsti wkoll għandhom sehem konsiderevoli fl-iżgurar tas-sostenibilità tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali;
23. Jitlob ġestjoni aktar effikaċi u trasparenti tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), li huwa strument essenzjali biex jintlaħqu l-miri tal-impjieg stabbiliti fl-Istrateġija UE 2020, kif miftiehem mill-Istati Membri; jinsisti li l-FSE għandu jibqa' fil-qafas tar-regolament dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-fondi tal-politika ta' koeżjoni;
24. Jenfasizza li l-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili għandhom jiġu involuti aħjar u għandhom jiġu kkonsultati regolarment;
25. Jissottolinja li l-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill għandhom jirrispettaw is-sussidjarjetà meta jistabbilixxu linji gwida politiċi;
Inizjattivi ewlenin
Inizjattiva 'Kompetenzi u Impjiegi'
26. Jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet fl-Att dwar is-Suq Uniku li jistimulaw il-ħolqien tal-impjiegi; jappoġġja b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew tal-kwalifiki u l-inizjattiva leġiżlattiva ppjanata li tirriforma l-kwalifiki professjonali biex ikun żgurat ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali; jitlob li ssir evalwazzjoni tal-fattibilità ta' tessera professjonali Ewropea, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll li jinħoloq Passaport Ewropew tal-Kompetenzi, li jtejjeb b'mod sinifikanti l-mobilità tal-ħaddiema;
27. Jissottolinja l-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet fuq l-SMEs u l-enfasi żejda fuq id-drittijiet tal-ħaddiema fl-ambjent ekonomiku attwali, li tiskoraġġixxi lin-negozji milli jżidu l-impjegati, u għaldaqstant jonqos il-potenzjal ta' tkabbir;
28. Il-kompetenzi jridu jiġu żviluppati biex jiġu mmodernizzati l-industriji tradizzjonali, inklużi s-sajd u l-farms tal-familji, li jikkontribwixxu għall-ġenerazzjoni ta' dħul f'komunitajiet żgħar billi jipprovdu appoġġ lill-SMEs immexxija minn familji, u dan huwa konformi għalkollox mal-prijoritajiet tal-UE 2020 rigward l-impjieg u t-tkabbir inklużiv;
29. Jappoġġja miżuri biex jiġu implimentati għalkollox id-Direttiva dwar is-Servizzi u d-direttivi rigward il-Pakkett dwar il-Prodotti;
Inizjattiva 'Aġenda Diġitali'
30. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni li tistabbilixxi l-ewwel programm ta' politika dwar l-ispettru tar-radju; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni trid tieħu approċċ meqjus sew, u ma tgħaġġilx fir-rigward ta' din il-politika kumplessa iżda vitali dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru;
31. Jenfasizza l-ħtieġa li jitlesta urġentement is-suq uniku diġitali, li għadu frammentat, partikolarment fir-rigward tat-taxxi fuq id-dritt tal-awtur; jenfasizza li t-tlestija tas-suq uniku diġitali hija prijorità urġenti, li se tiffaċilita rapidament aktar kummerċ transkonfinali u ħolqien tal-impjiegi;
32. Jisħaq fuq l-importanza tas-settur tal-ICT għall-ekonomija Ewropea u r-rwol kruċjali tiegħu fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, li jrid jittejjeb aktar, jekk l-UE trid tikkompeti mal-Istati Uniti;
33. Jenfasizza li l-broadband b'veloċità għolja huwa mutur indispensabbli tas-suq uniku diġitali; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-ftuħ tal-kompetizzjoni bejn in-netwerks u lit-tħeġġiġ ta' kompetituri ġodda, skont it-termini tar-regoli ta' qafas ġodda dwar it-telekomunikazzjoni;
Inizjattiva 'Unjoni tal-Innovazzjoni'
34. Jilqa' l-konsultazzjoni dwar l-akkwist pubbliku ppubblikata reċentement; jisħaq fuq il-potenzjal enormi mhux sfruttat tal-akkwist pubbliku fl-istimulazzjoni ta' prodotti u servizzi innovattivi, kif ukoll fuq l-importanza tal-finanzjament ta' negozji innovattivi;
35. Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-istandardizzazzjoni fil-promozzjoni tal-innovazzjoni u ta' soluzzjonijiet rigward l-effiċjenza enerġetika; jistenna b'urġenza r-riforma leġiżlattiva tal-qafas ta' standardizzazzjoni mill-Kummissjoni;
36. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-universitajiet Ewropej; jappoġġja sistema ta' klassifikazzjoni indipendenti għall-universitajiet innovattivi; jisħaq fuq l-importanza li jitnaqqsu l-burokrazija u l-ostakli għall-mobilità tar-riċerkaturi, inklużi d-drittijiet tal-pensjoni, biex ikun żgurat li jkunu jistgħu jġibu ideat u soluzzjonijiet u teknoloġiji innovattivi minn ekonomiji innovattivi oħra għall-Unjoni Ewropea;
37. Jisħaq fuq l-importanza tar-riċerka fil-qasam mediku, li flimkien mal-applikazzjonijiet innovattivi, tħeġġeġ it-tkabbir u l-benessri f'soċjetà li qed tixjieħ; jappoġġja l-koperazzjoni mill-qrib bejn dipartimenti tar-riċerka tal-universitajiet u l-industrija medika biex jiġġeneraw prodotti u servizzi li ċ-ċittadini tal-UE se jeħtieġu b'mod urġenti fid-deċennju li ġej;
38. Jappoġġja s-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazjzoni biex jiġu mobilizzati l-partijiet interessati – Ewropej, nazzjonali u reġjonali, pubbliċi u privati – favur għanijiet definiti sew biex l-Ewropa ssir minn tal-ewwel fid-dinja; jitlob li jsiru aktar sħubijiet f'oqsma bħall-enerġija, il-bliet u l-mobilità 'intelliġenti', l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, il-materja prima li ma tintużax għall-enerġija, u l-agrikoltura sostenibbli u produttiva;
39. Jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tal-privattiva tal-UE u proposti għal suq Ewropew ibbażat fuq l-għarfien għall-privattivi u l-ħruġ ta' liċenzji biex l-innovazzjoni tissaħħaħ aktar;
40. Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-FP7 u l-ħtieġa li titnaqqas il-burokrazija f'dan ir-rigward;
41. Jappoġġja l-proposti għal 'Tabella ta' valutazzjoni tal-Unjoni għall-Innovazjzoni' u lista ta' verifika tal-karatteristiċi tas-sistemi ta' innovazzjoni li jirnexxu, li huma kruċjali għall-iżvilupp tal-innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea; jitlob li ssir Konvenzjoni annwali dwar l-Innovazzjoni biex jitkejjel il-progress li jkun sar f'dan ir-rigward;
Inizjattiva 'Żgħażagħ Attivi'
42. Jappoġġja l-iżvilupp ta' tessera 'Żgħażagħ Attivi' biex tittejjeb aktar il-mobilità taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea; huwa impenjat bil-qawwa favur programmi taż-żgħażagħ inklużi Erasmus u Leonardo, li jinkuraġġixxu liż-żgħażagħ ikunu aktar mobbli billi jistudjaw u jaħdmu fi Stati Membri oħra tal-UE, biex b'hekk isiru aktar impjegabbli u kompetenti, filwaqt li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni Ewropea;
43. Il-promozzjoni tat-tkomplija tal-edukazzjoni bla dubju trid titħeġġeġ filwaqt li l-karrieri vokazzjonali u prattiċi essenzjali m'għandhomx jiġu skuraġġuti mill-Kummissjoni biex jiġu evitati lakuni f'setturi tal-ekonomija Ewropea li fihom hemm domanda kostanti għall-ħaddiema;
44. Jinsisiti fuq l-importanza li l-imprendituri żgħażagħ jiġu megħjuna jiftħu n-negozji; jistenna bil-ħerqa l-Faċilità Ewropea l-ġdida tal-Kummissjoni ta' Makrofinanzjament għall-Progress biex jingħata appoġġ finanzjarju bħala għajnuna biex jintlaħaq dan l-objettiv;
Inizjattiva 'Pjattaforma kontra l-Faqar'
45. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jittrattaw il-faqar, u li jiżguraw li jittieħed ħsieb il-gruppi vulnerabbli; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom fis-seħħ l-objettivi u l-iskemi mfassla apposta tagħhom stess, biex inaqqsu l-faqar u jieħdu ħsieb lil min hu l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà;
46. Iqis li t-tkomplija tal-koeżjoni territorjali b'enfasi fuq il-koperazzjoni transkonfinali u interreġjonali tibqa' għodda biex jitnaqqsu d-differenzi reġjonali fi ħdan l-UE; jenfasizza li din il-politika għandha tkun sempliċi, trasparenti u tagħti valur miżjud tal-UE;
Inizjattiva 'Ewropa effiċjenti mil-lat tar-riżorsi'
47. Jilqa' t-tentattivi li saru waqt il-Konferenza dwar il-Klima li saret f'Kankun biex jiġi ttrattat it-tibdil fil-klima; jappoġġja l-impenn li ttieħed biex l-emissjonijiet jitnaqqsu aktar, iżda biss jekk dan isir ukoll minn oħrajn;
48. Jinkuraġġixxi lill-Istati Membri jqisu l-fatt li jiżviluppaw il-kapaċità tal-impjanti nukleari tagħhom, flimkien ma' teknoloġiji ekoloġiċi emerġenti, billi t-tnejn huma mezzi bl-istess benefiċċju biex jiġi ssodisfat l-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju;
49. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqassru l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni biex jitħaffef l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli ta' enerġija;
50. Jirrikonoxxi l-importanza tar-riżorsi naturali, permezz tal-ħarsiental-bijodiversità u tal-ħabitats; jisħaq fuq l-importanza tal-pjan fuq 10 snin miftiehem f'Nagoya biex jintlaħqu l-objettivi tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;
51. L-UE teħtieġ suq intern tal-enerġija liberalizzat, interkonness u li jiffunzjona għalkollox, u jinħtieġu investimenti kbar biex titkabbar u tiġi mmodernizzata l-infrastruttura eżistenti tagħna tal-enerġija sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' sorsi ta' enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju bejn l-Istati Membri; jisħaq fuq l-importanza tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' enerġija biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-UE; jenfasizza madankollu li s-suq ikollu jipprovdi l-parti l-kbira tal-ispejjeż ta' finanzjament għal din l-infrastruttura, iżda jirrikonoxxi li minn perspettiva tas-sigurtà tal-provvista xi proġetti jistgħu jeħtieġu finanzjament pubbliku meta ma jkunux jistgħu jiġbdu fondi biżżejjed mis-settur privat;
Inizjattiva 'Politika industrijali għal era globalizzata'
52. Jisħaq fuq l-urġenza li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni għan-negozji fl-Ewropa biex in-negozji jkunu jistgħu jikbru flimkien ma' aċċess aktar faċli għall-kreditu u l-internazzjonalizzazzjoni mtejba tal-SMEs;
53. Jisħaq fuq l-importanza tar-rappurtar fuq bażi annwali dwar il-kompetittività, il-politiki industrijali u l-prestazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir; jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-politika tat-trasport bħala mezz biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija UE 2020, billi tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tiġdid tat-tkabbir, filwaqt li jitlesta s-suq uniku, u għandha rwol importanti ekonmiku, soċjali u ta' koeżjoni territorjali;
54. Jenfasizza li l-ħolqien ta' Suq Uniku fis-setturi kollha tat-trasport, il-liberalizzazzjoni tat-trasport ta' kabotaġġ, il-komodalità effiċjenti, sistema Ewropea komuni ta' prenotazzjoni, u drittijiet tal-passiġġieri msaħħa, huma miżuri kruċjali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u għandu jsir parti utli mill-Istrateġija UE 2020 ġenerali;
55. Jisħaq, fil-qafas tal-istrateġija l-ġdida, fuq l-importanza tal-ħidma fuq in-netwerk TEN-T u l-linji gwida dwar it-TEN-T, sabiex jiġi żviluppat netwerk Ewropew ta' infrastruttura tat-trasport effiċjenti, multimodali u komprensiv (inter alia billi jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' nuqqas ta' infrastruttura xierqa, aċċessibilità u interoperabilità baxxa bejn id-diversi partijiet tal-UE), biex titneħħa l-konġestjoni u biex jimtlew il-lakuni, b'mod partikolari f'taqsimiet transkonfinali u f'rabtiet bejn Stati Membri tal-Lvant u tal-Punent.