Dokument ta' sessjoni
4.4.2011 B7‑0249/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Gabriele Albertini, Hans-Gert Pöttering, Dominique Baudis, Angelika Niebler, Cristian Dan Preda, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Vito Bonsignore, Andrzej Grzyb, Tokia Saïfi, Michael Gahler, Filip Kaczmarek, Dominique Vlasto, Krzysztof Lisek, Monica Luisa Macovei, Bogusław Sonik, Ria Oomen-Ruijten, Joanna Katarzyna Skrzydlewska
f’isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja u l-Jemen,
– wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-Baħrejn tal-10, 15 u 17 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-Jemen, tal-10, 12 u 18 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen u l-Baħrejn tal-21 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni dwar is-Sirja, tat-18, 22, 24 u 26 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fil-Baħrejn, fil-Jemen u fis-Sirja, bħlama ġara f'pajjiżi Arab oħra bħat-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja, id-dimostranti organizzaw dimostrazzjonijiet fejn talbu kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar, tnaqqis fl-inugwaljanzi soċjali, ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, implimentazzjoni tar-riformi demokratiċi, stat tad-dritt u drittijiet fundamentali tal-bniedem,
B. billi l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti mill-forzi tas-sigurtà fil-Baħrejn, il-Jemen u s-Sirja wassal għal għadd konsiderevoli ta’ mwiet u midruba,,
C. billi, bħalma ġara fis-Sirja fl-1963, dan l-aħħar fil-Baħrejn u fil-Jemen ġie ddikjarat stat ta' emerġenza,
D. billi, skont ir-rapporti, il-persunal mediku, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi ġew miżmuma fil-Baħrejn, u l-forzi tas-sigurtà ħadu kontroll tal-isptarijiet, filwaqt li fil-Jemen l-ambulanzi li kienu qed iwasslu l-isptar lid-dimostranti midruba li huma kontra l-gvern ġew ostakolati mill-forzi tas-sigurtà,
E. billi l-forzi ta' sigurtà tal-pajjiżi tal-Kunsill tal-Koperazzjoni tal-Golf, l-Arabja Sawdita, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Kuwajt intbagħtu l-Baħrejn, wara t-talba tal-Gvern tal-Baħrejn,
F. billi r-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fejn ġew irrappurti ħafna midruba wara li d-dimostranti ġew imrażżna mill-forzi tas-sigurtà,
1. Jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb ta' dawk li tilfu ħajjithom;
2. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Baħrejn, tal-Jemen u tas-Sirja, ifaħħar il-qlubija u d-determinazzjoni tagħhom u jsostni bil-qawwa l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-forza kontra min jipprotesta u jiddeplora bil-qawwa l-korrimenti u t-telfien tal-ħajja kkawżati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex joqogħdu lura mill-użu ta' vjolenza kontra d-dimostranti u jirrispetta d-dritt ta’ assemblea tagħhom; jenfasizza li dawk responsabbli għat-telfien tal-ħajja u l-korrimenti kkawżati għandhom jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-ġustizzja. jitlob lill-awtoritajiet biex immedjatament jeħilsu lill-priġunieri politiċi u lill-dawk miżmuma minnħabba l-attivitajiet paċifiċi fil-kuntest tal-protesti;
4. Jistqarr li l-użu ta' vjolenza minn stat kontra l-popolazzjoni tiegħu stess ikollu konsegwenzi diretti fuq ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Unjoni Ewropea; ifakkar lir-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni li l-UE tista' tuża numru kbir ta' għodod biex taqta’ qalb azzjonijiet bħal dawn, li jvarjaw minn iffriżar tal-assi jew projbizzjoni ta' vjaġġar għal sospensjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp f'setturi magħżula; ifakkar madankollu li l-popolazzjonijiet qatt ma għandhom ikunu affettwati minn reviżjoni tar-relazzjonijiet bilaterali bħal din
5. Jitlob lill-awtoritajiet jirrispondu malajr għat-talba mifruxa għal riformi demokratiċi, ekonomiċi u soċjali; jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għal riformi li jwasslu għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja soċjali fil-Baħrejn, fil-Jemen u fis-Sirja;
6. Jitlob lir-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni jappoġġa t-talbiet biex jitwetttqu investigazzjoni indipendenti min-Nazzjonijiet Uniti (NU) jew mill-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar l-attakk fuq id-dimostranti fit-18 ta' Marzu f'Sana'a, il-Jemen, fejn inqatlu 54 persuna u ndarbu aktar minn 300;
7. Jikkundanna t-tfixkil mill-awtoritajiet fil-Baħrejn u fil-Jemen fil-forniment ta' trattamenti mediċi u ċ-ċaħda u l-limitazzjoni tal-aċċess għall-faċilitajiet ta' saħħa.
8. Jitlob lill-Gvern tal-Baħrejn u partiti oħra biex jinvolvu ruħhom fi djalogu sinifikanti u kostruttiv mingħajr dewmien jew prekondizzjonijiet, għal ħolqien ta' riformi; jilqa' l-avviż tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li n-NU tinstab lesta biex tipprovdi appoġġ għall-isforzi mmexxija nazzjonalment, jekk tkun mitluba li tagħmel dan;
9. Jitlob lill-President Saleh tal-Jemen jieħu passi konkreti lejn l-implimentazzjoni tal-wegħda tiegħu li jittrasferixxi l-poter b'mod paċifiku permezz ta' istituzzjonijiet kostituzzjonali'; jitlob lill-partiti kollha, inkluż l-oppożizzjoni, biex jaġixxu b'mod responsabbli, jinvolvu ruħhom fi djalogu miftuħ u kostruttiv mingħajr dewmien, sabiex tintlaħaq transizzjoni politika xierqa, u jinkludu f'dan id-djalogu l-partiti u l-movimenti kollha li jirrappreżentaw lill-poplu tal-Jemen , inkluż il-grupp Houthis, il-moviment al-Hirak kif ukoll lid-'dimostranti indipendenti' u liż-żgħażagħ;
10. Jitlob lill-President Assad tas-Sirja biex ineħħi l-istat ta' emerġenza, li ġiet ikkunsidrata, u jidħol fi djalogu wiesa’ u sinifikanti mal-partiti l-oħra sabiex jindirizza t-talbiet leġittimi u l-aspirazzjonijiet tad-dimostranti;
11. Jitlob lill-UE tiffaċilità proċess ta' bidla demokratika u paċifika fil-Baħrejn, fil-Jemen u fis-Sirja; jitlob lir-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni jifformula proposta għal dan il-għan;
12. Jagħti struzzjonijiet lill-President biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Re, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja.