Dokument ta' sessjoni
2.5.2011 B7‑0281/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0215/2011 u B7‑0061/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar Sarajevo bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2014
Doris Pack
f'isem il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Sarajevo bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2014
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 167(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura mill-2007 sal-2019[1],
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Fehim li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għal parteċipazzjoni sħiħa tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-Programm Kultura 2007-2013 ffirmat fil-21 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi ġiet stabbilita azzjoni Komunitarja intitolata 'Kapitali Ewropea tal-Kultura' sabiex tkun enfasizzata r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej u l-karatteristiċi komuni tagħhom, kif ukoll sabiex tippromwovi ftehim reċiproku akbar bejn iċ-ċittadini Ewropej,
B. billi attwalment id-deċiżjoni msemmija hawn fuq dwar it-twaqqif ta' azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura mill-2007 sal-2019 tapplika biss għall-Istati Membri tal-UE,
C. billi f'diversi okkażjonijiet ingħatat l-oppportunità biex jintrebaħ it-titlu ta' 'Kapitali Ewropea tal-Kultura' lil pajjiżi Ewropej terzi;
D. billi Sarajevo għandu post speċjali fl-istorja u l-kultura Ewropea u fl-2014 se jikkommemora diversi anniversarji importanti,
E. billi l-Kunsill tal-Belt ta' Sarajevo u operaturi kulturali lokali ħejjew ħafna xogħol fil-kandidatura tagħhom għal dan it-titlu,
1. Jistieden lill-Kunsill biex jippremja, b'mod eċċezzjonali, it-titlu ta' 'Kapitali Ewropea tal-Kultura' lil Sarajevo fl-2014;
2. Jemmen li din l-inizjattiva se tkun qed tirrappreżenta pass importanti lejn is-sorpassar ta' qasmiet Ewropej li seħħew fl-imgħoddi u se tkun qed tpoġġi fid-dawl l-Ewropa Ġdida bin-nomina ta' 'Kaptali Ewropea tal-Kultura' lil belt li matul is-seklu 20 kienet lok ta' ġrajjiet traġiċi tassew;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.