Dokument ta' sessjoni

 

4.5.2011                                                                                                                  B7‑0286/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0301/2011 u B7‑0302/2011

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar ir-reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar

Bendt Bendtsen

f'isem il-Grupp PPE-DE

Edit Herczog

f'isem il-Grupp S&D

Fiona Hall, Jürgen Creutzmann

f'isem il-Grupp ALDE

Reinhard Bütikofer, Raül Romeva i Rueda

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Giles Chichester

f'isem il-Grupp ECR

Niki Tzavela

f'isem il-Grupp EDF

 

B7‑0286/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2011 bit-titolu 'Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa’ ( COM(2011)0078 ),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar l-Att tan-Negozji Żgħar[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2011 dwar aspetti prattiċi rigward ir-reviżjoni tal-istrumenti tal-UE biex jappoġġjaw lill-SMEs fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115 u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi t-23 miljun intrapriża żgħira u ta’ daqs medju fl-UE (SMEs), li jirrappreżentaw madwar 99% tal-intrapriżi kollha u li jipprovdu iktar minn 100 miljun impjieg, jagħtu kontribut fundamentali għat-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi, huma sors ewlieni ta’ innovazzjoni, jiżvolġu rwol vitali għaż-żamma u ż-żieda tal-impjiegi, u jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet prinċipali tal-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija UE 2020,

B.  billi l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA) huwa bbażat fuq numru ta’ pilastri tal-politika importanti , bħall-aċċess għall-finanzi, aċċess għas-swieq (suq uniku, swieq internazzjonali, akkwist pubbliku) u regolamentazzjoni aħjar; billi l-progress bejn l-Istati Membri fit-teħid ta’ passi konkreti biex itejbu l-ambjent tan-negozju għall-SMEs huwa varjabbli u ta’ sikwit marġinali minkejja l-impenn politiku ddikjarat għall-prinċipji tal-SBA,

C. billi l-SMEs għadhom jiffaċċjaw problemi sinifikanti biex jestendu l-attivitajiet tagħhom, itejbu l-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni u għall-aċċess tas-swieq, li l-kawżi tagħhom huma primarjament id-diffikultajiet li jkollhom biex jiksbu finanzjament kif ukoll il-piżijiet amministrattivi persistenti, li għandhom jitnaqqsu iktar,

D. billi l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) kien ta’ suċċess, bil-100 000 SME parteċipanti jibbenefikaw mill-programm, b’iktar mistennija jibbenefikaw sal-aħħar tat-terminu tiegħu fl-2013,

Implimentazzjoni tal-SBA

1.  Jilqa’ r-reviżjoni tal-SBA mill-Kummissjoni u jesprimi appoġġ għall-proposti l-ġodda ffukati fuq it-titjib ulterjuri tal-aċċess għall-finanzi, it-titjib tal-aċċess għas-suq u t-tkomplija tat-tnaqqis tal-burokratizzazzjoni permezz ta’ governanza u monitoraġġ imsaħħa u permezz ta’ regolamentazzjoni intelliġenti u miżuri bħall-analiżi tal-prestazzjoni tal-SMEs;

2.  Jilqa’, barra minn hekk, l-adozzjoni b’suċċess ta’ kważi kull proposta leġiżlattiva taħt l-Att; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jadottaw mingħajr dewmien l-aħħar proposta li fadal relattiva għall-Istatut għal Kumpanija Privata Ewropea, li jippermetti lill-SMEs jagħmlu l-kummerċ madwar l-UE filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż, u jħeġġeġ it-tkabbir f'dan il-qasam, jippromwovi t-tnaqqis ta’ 25% tal-piż amministrattiv indikat fl-SBA, jikkontribwixxi għall-effettività tal-Att dwar is-Suq Uniku, jopponi kwalunkwe politika ekonomika protezzjonista tal-Istati Membri u jistimula n-negozju;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw bil-ħeffa d-Direttiva riveduta dwar il-Ħlasijiet Tard sabiex jiġġieldu b’mod effettiv il-ħlasijiet tard u l-effetti negattivi tagħhom b’mod partikolari fuq l-SMEs; f'dan ir-rigward jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex timplimenta l-proġett pilota approvat b’appoġġ għall-SMEs fit-twaqqif ta’ sistemi effiċjenti tal-ġestjoni tal-kreditu, li jiffaċilitaw l-irkupru transkonfinali tad-djun;

4.  Jirrimarka li l-livell ta’ implimentazzjoni tal-miżuri previsti fl-SBA jvarja minn Stat Membru għall-ieħor; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-sforzi tagħhom f'dan ir-rigward u biex jieħdu impenji konkreti fil-Kunsill tal-Kompettitività li jmiss;

5.  Iqis li l-monitoraġġ regolari tal-Kummissjoni għandu jiżgura li l-implimentazzjoni titwettaq b'mod sistematiku u komprensiv; jemmen li l-Kummissjoni għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha strumenti aktar effettivi biex tinkoraġġixxi l-Istati Membri jimplimentaw il-prinċipji tal-SBA u jitlobha tirrapporta kull sena dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-SBA kemm fil-livell Ewropew u kemm f’dak ta’ Stati Membri;

6.  Jilqa’ l-ħatra mill-Kummissjoni ta’ Mibgħut għall-SMEs, u jappoġġja l-mandat tiegħu biex jimmonitorja l-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-SBA u jippromwovi l-interessi tal-SMEs fil-Kummissjoni kollha, u b’hekk jiżgura b’mod partikolari l-applikazzjoni effetiva tal-prinċipju "Aħseb Żgħir l-Ewwel"; jistieden lill-Istati Membri sabiex jaħtru mibgħuta nazzjonali għall-SMEs sabiex jikkoordinaw il-politiki għall-SMEs u jikkontrollaw l-implimentazzjoni tal-SBA fost l-amministrazzjonijiet differenti;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-perspettiva tar-rwol trasversali tal-politika għall-SMEs u biex tkun żgurata l-konsistenza tal-politika, tinnomina Deputati Diretturi-Ġenerali għall-kwestjonijiet rilevanti għall-SMEs fid-DĠ rilevanti (bħad-DĠ Riċerka, Ambjent, Suq Intern, Impjiegi, Kummerċ) li jikkollaboraw mill-qrib mal-Mibgħut għall-SMEs;

8.  Huwa mħsaseb li t-test tal-SMEs, skont il-Kummissjoni, ma kienx applikat b'mod xieraq u konsistenti fil-proposti leġiżlattivi l-ġodda kollha, partikolarment fil-livell nazzjonali; għalhekk jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiżguraw li kull leġiżlazzjoni ġdida tiġi evalwata f'termini tal-impatt potenzjali tagħha fuq l-SMEs u li t-test tal-SMEs ikun applikat regolarment bħala parti mill-valutazzjonijiet tal-impatt; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-istandards u r-rekwiżiti minimi, ibbażati fuq l-aħjar prattika, għat-test tal-SMEs sabiex ikunu applikati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

9.  Jenfasizza li l-istudji tal-impatt, inkluż it-test tal-SMEs, għandhom isiru b’mod kompletament indipendenti u dejjem għandhom ikunu bbażati fuq analiżi oġġettiva u raġunata tal-effetti potenzjali; iqis għalhekk li l-membri tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt għandhom jiġu maħtura mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni, u m’għadhomx jibqgħu suġġetti għall-istruzzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni; jissuġġerixxi li l-Mibgħut għall-SMEs ikun membru permanenti tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt biex jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tat-test tal-SMEs;

     Regolamentazzjoni intelliġenti

10. Iwissi kontra t-tkomplija tal-burokrazija u l-piżijiet amministrattivi li huma sors prinċipali ta’ xkiel għall-SMEs; jilqa’ l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-Istati Membri għandhom jevitaw iż-żidiet mhux meħtieġa (‘gold-plating’) billi jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE meta jittrasponu d-Direttivi fil-liġi nazzjonali; huwa tal-opinjoni li l-Istati Membri għandhom japplikaw tabelli ta' korrelazzjoni meta jittrasponu d-direttivi Ewropej fil-liġijiet nazzjonali, b’hekk juru biċ-ċar liema parti tal-proposta hija bbażata fuq il-liġi Ewropea u liema parti ġejja mil-leġiżlazzjoni nazzjonali addizzjonali;

11. Jenfasizza l-importanza tal-gvern elettroniku u l-prinċipju ta’ ‘darba biss’, li skontu l-awtoritajiet tal-Istat Membri m'għandhomx jidduplikaw it-talbiet għall-informazzjoni;

12. Jilqa’ l-isforz li għamlet mill-ġdid il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha biex tħeġġeġ it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq l-SMEs fil-livell nazzjonali peress li mhux l-Istati Membri kollha introduċew, jew qed jilħqu, miri nazzjonali għal dan it-tnaqqis; jistieden impenn politiku aktar b'saħħtu mill-Istati Membri biex jistabilixxu dawn il-miri, u biex jinfurzawhom;

13. Jenfasizza li l-piż amministrattiv huwa relattivament ogħla iktar ma jkun żgħir id-daqs tal-kumpanija u għalhekk jitlob li ssir differenzazzjoni bejn in-negozji mikro, żgħar u medji; jisħaq li l-mikronegozji (<10 impjegati) jikkostitwixxu 91.8% tan-negozji kollha tal-UE u għalhekk ħaqqhom iktar attenzjoni u approċċ imfassal speċifikament għalihom;

Aċċess għall-finanzi

14. Jenfasizza li strateġija ta’ suċċess biex trawwem SMEs innovattivi m'għandhiex tkun ibbażata fuq l-offerta ta' aktar sussidji iżda fuq il-ħolqien ta’ ambjent tan-negozju fejn l-SMEs ikollhom aktar libertà u aċċess aħjar għall-forom kollha ta’ strumenti ta’ fondi u finanzjament, bħal għotjiet, garanziji u finanzjament ta’ ishma; jinnota li ċertu livell ta’ falliment huwa inerenti fl-innovazzjoni, u għalhekk jenfasizza l-importanza ta’ finanzjament ta’ ‘ċans ieħor’ għall-imprendituri tal-SMEs falluti li ma jkunux ħatja ta’ frodi;

15. Jitlob b’mod partikolari titjib fl-aċċess għall-appoġġ finanzjarju għall-istadji inizjali ta’ innovazzjoni fil-forma ta’ fondi għall-bidu, fondi għall-bidu minn investituri privati u iktar finanzjament ta’ ishma u ta’ kważi-ishma għall-appoġġ ta’ kumpaniji ġodda u kumpaniji innovattivi żgħar, fil-livelli tal-UE, reġjonali u lokali; jenfasizza l-ħtieġa f'dan ir-rigward li jitwaqqaf Fond ta’ Kapital ta' Riskju; jikkunsidra li l-Unjoni għandha twessa’ l-prodotti permanenti għall-kondiviżjoni tar-riskji offruti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) permezz tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF);

16. Iqis li, ladarba r-rekwiżiti l-ġodda Basel III dwar il-banek jista' jkollhom impatt sostanzjali fuq il-finanzjament tagħhom għall-SMEs, għandha tingħata attenzjoni speċifika lil test komprensiv għall-SMEs bħala parti mill-evalwazzjoni tal-impatt għar-regolament CRD IV li qed jitħejja bħalissa, u hemm bżonn iktar enfasi fuq livell tal-UE fuq il-provvediment ta’ skemi ta' garanzija bħala metodu ta’ finanzjament alternattiv;

17. Jilqa’ f’dan ir-rigward, il-fatt li l-BEI fada EUR 1 biljun biex jiġu investiti f'ismha f’ismu mill-Fond Ewropew tal-Investiment bħala Faċilità Mezzanina għat-Tkabbir permezz ta’ fondi ta’ investiment bil-mira ta’ SMEs madwar l-Ewropa li qed jikbru, u huma innovattivi u kompetittivi; jitlob, għaldaqstant, żieda ulterjuri fil-fondi għal dawn l-istrumenti finanzjarji, ladarba dawn jgħinu fil-promozzjoni tal-innovazzjoni li hija l-bażi għall-kompetittività Ewropea;

18. Jappoġġa bis-sħiħ is-CIP u s-suċċess bil-provi tiegħu u jwissi dwar l-impatt possibbli fuq l-effiċjenza u l-flessibilità tiegħu jekk l-istruttura tiegħu tinbidel wara l-amalgamazzjoni potenzjali tiegħu fil-programm ta’ riċerka futur tal-UE; jitlob li s-CIP jibqa’ programm indipendenti u ewlieni għall-SMEs; linja speċifika tal-baġit tal-SBA għandha tkun implimentata fil-programm CIP futur biex tiffinanzja prijoritajiet speċifiċi tal-SBA;

19. Jiddispjaċih li sa tmiem l-2009 biss 75% tal-ammont totali ta’ EUR 21 biljun f’appoġġ finanzjarju tqiegħed kompletament għad-dispożizzjoni – permezz ta’ banek intermedjarji – għal biss 50 000 SME minn 23 miljun; għalhekk, jitlob li jittieħdu miżuri biex jagħmlu l-mekkaniżmu ta’ ħlas, speċjalment is-sistema ta’ bank intermedjarju, aktar trasparenti, aċċessibbli u effiċjenti biex ikun evitat li jibda jkun hemm defiċits u biex tkun tista’ tintlaħaq il-mira tas-self tal-ammont sħiħ ta’ EUR 30 biljun lill-SMEs bejn l-2008 u l-2011;

Aċċess għas-swieq

20. Jilqa’ l-adozzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku, ibbażat fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew, f'konformità mar-rapport Monti; jilqa’ miżuri leġiżlattivi partikolari li jippermettu lill-SMEs biex jaħsdu l-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku, bħar-regoli Ewropej għal fondi kapitali ta’ riskju, regoli riveduti tal-VAT u s-simplifikazzjoni tad-Direttivi tal-Kontabilità; iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jimpenja ruħu bis-sod għall-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku, b'mod partikolari l-adozzjoni ta’ miżuri prijoritarji tiegħu sal-aħħar tal-2012; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkunsidraw bir-reqqa l-interessi tal-SMEs għall-miżuri kollha matul dan il-proċess;

21. Iqis li d-djalogu bejn l-SMEs u x-xerrejja pubbliċi għandu jissaħħaħ bil-ħsieb li tkun iffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti; f'dan is-sens, jissuġġerixxi li jkunu esplorati modi kif l-SMEs jistgħu jkunu mgħejjuna jiffurmaw sħubijiet u konsorzji u biex jibbidjaw b'mod konġunt fis-sejħiet għall-offerti pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-impatt u biex teżamina l-possibilità li żżid il-limiti massimi għall-akkwist pubbliku tal-UE, mossa li tippermetti lill-SMEs jipparteċipaw f’kuntratti li inkella jkunu soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi u għalhekk ma jkunux jistgħu jirbħuhom; jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif tista’ ttejjeb il-pubblikazzjoni tan-notifiki kollha dwar l-akkwist pubbliku madwar l-Ewropa u biex telimina l-piż amministrattiv li ma jħallix lill-kumpaniji Ewropej jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku transkonfinali; jistieden lill-Istati Membri biex japplikaw b’mod aktar sistematiku l-‘Kodiċi Ewropew ta’ Prassi Tajba li tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għal kuntratti pubbliċi’;

22. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-proposti li jmiss għall-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni, biex tiżgura li l-interessi tal-SMEs ikunu rappreżentati b'mod xieraq fil-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej u biex l-istandards isiru aktar aċċessibbli għall-SMEs;

23. Jenfasizza l-irwol ta’ inizjattivi bħall-Iskema ta' Riċerka għall-Innovazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar (SBRI) fl-għajnuna lill-korpi tas-settur pubbliku biex jixtru r-riċerka u l-iżvilupp mingħand negozji żgħar bil-ħsieb li jistabbilixxu soluzzjonijiet għall-bżonnijiet pubbliċi filwaqt li jrawmu l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi;

Appoġġ għall-SMEs

24. Itenni t-talba preċedenti tiegħu għall-istabbiliment ta’ punti nazzjonali ta’ informazzjoni li tingħata personalment jew b’mod elettroniku u aġenziji ta’ appoġġ għall-SMEs skont il-prinċipju ta’ ‘punt uniku ta’ servizz’, li joffru aċċess għal sorsi varji ta’ informazzjoni u servizzi ta’ appoġġ, strutturati skont iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ negozju;

25. Iqis li n-negozji ż-żgħar għandhom ikunu megħjjuna biex tiżdied l-abilità tagħhom li jikkompetu fis-swieq internazzjonali billi: tissaħħaħ l-abilità tagħhom li jesportaw; tinxtered l-informazzjoni dwar programmi u inizjattivi li jiffaċilitaw aċċess għas-suq internazzjonali u l-penetrazzjoni ta’ oġġetti u servizzi offruti mill-SMEs; ikun żgurat li l-interessi ta’ negozji żgħar ikunu rrappreżentati b'mod xieraq fin-negozjati kummerċjali bilaterali u multilaterali;

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

26. Jitlob li jsiru sforzi kontinwi għas-simplifikazzjoni ta’ finanzjament għal riċerka, żvilupp u innovazzjoni (R&D&I) u l-ġestjoni xierqa tal-programmi, b'mod partikolari għall-benefiċċju tal-SMEs u kif deskritt fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar ‘is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka’ u tas-16 ta’ Frar 2011 dwar ‘l-aspetti prattiċi rigward ir-reviżjoni tal-istrumenti tal-UE maħsuba biex jingħata appoġġ finanzjarju għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss’;

27.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi regoli amministrattivi u finanzjarji eħfef għall-SMEs kif ukoll bħala sett ta’ strumenti simplifikati biex isaħħu l-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni tagħhom matul iċ-ċiklu sħiħ tal-innovazzjoni, inkluża l-innovazzjoni mhux teknoloġika, fil-kuntest tal-qafas ta’ finanzjament futur għar-Riċerka futura u l-Innovazzjoni u, b'mod partikolari, programmi suċċessuri tal-FP7 u s-CIP; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-importanza li tagħti appoġġ lokali lill-SMEs, pereżempju, permezz tal-involviment ta’ ċentri ta’ innovazzjoni, kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet tan-negozju u raggruppamenti ta’ innovazzjoni;

28. Jitlob l-adozzjoni ta’ privattiva Ewropea waħdanija u l-iżvilupp ulterjuri u l-koordinazzjoni Ewropea ta’ strumenti u programmi (bħal vawċers ta’ innovazzjoni) li jippromwovu l-kapaċità ta’ ġestjoni tal-innovazzjoni tal-SMEs, l-aċċess tagħhom għal servizzi ta' riċerka u innovazzjoni u servizzi oħra għan-negozju msejsa fuq l-għarfien (mudelli għan-negozju, valutazzjoni tar-riskju, eċċ); jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-aħjar prattiki tal-Istati Membri inkwantu ċentri ta’ trasferiment tat-teknoloġija bbażati fl-universitajiet li jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għar-riċerka u l-iżvilupp; jistieden lill-Kummisjoni biex tevalwa l-fattibilità tal-ħolqien ta’ fond Ewropew għall-privattivi biex jiffaċilita dan it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn iċ-ċentri ta’ riċerka u n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs innovattivi;

29. Jistieden lill-gvernijiet nazzjonali jikkunsidraw inċentivi fiskali għall-intrapriżi ġodda żgħar u innovattivi għall-ewwel snin ta’ operazzjoni tagħhom;

Ħiliet, edukazzjoni u taħriġ professjonali

30. Jiddispjaċih li l-SBA ma jagħtix biżżejjed attenzjoni għall-kwistjonijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol li jaffettwaw l-intraprenditorija u l-kapaċitajiet tal-SMEs li jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom biex iħaddmu u jimpjegaw ħaddiema bil-ħiliet xierqa;

31. Jirrikonoxxi li t-tkabbir u l-innovazzjoni jingħataw l-ikbar spinta mill-SMEs intraprenditorjali; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni akbar lit-trawwim tal-iżvilupp ta’ mentalità intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, billi jintużaw metodi innovattivi bħal kumpaniji fuq skala żgħira ta’ veru fl-edukazzjoni sekondarja; jenfasizza kemm hu importnati li jkun appoġġat l-iżvilupp tal-ħiliet maniġerjali u diġitali li n-negozji ż-żgħar jeħtieġu biex ikollhom suċċess fl-ambjent attwali tas-suq;

32. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jippromwovu inizjattivi li jappoġġjaw identifikazzjoni u tbassir aħjar tal-ħiliet li l-SMEs jiġu bżonn, b'mod partikolari biex dawn ikunu jistgħu joperaw b'mod aktar sostenibbli, u jiżviluppaw strateġiji għall-edukazzjoni intraprenditorjali u t-taħriġ professjonali bbażati fuq l-aħjar prattiki mill-Istati Membri;

33. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel permanenti l-programm ‘programmi Erasmus għall-intraprendituri żgħażagħ’ b'baġit suffiċjenti, fuq il-bażi tar-riżultati inkoraġġanti ħafna tal-azzjoni preparatorja avolja dan għadu qed jopera biss fuq skala limitata;

Effiċjenza fir-riżorsi

34. Jilqa’ r-rikonoxximent mill-Kummissjoni li l-SMEs għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fit-tranżizzjoni għal ekonomija effiċjenti fir-riżorsi; jemmen li r-realizzazzjoni tal-objettivi tal-effiċjenza fir-riżorsi teħtieġ approċċ mibni fuq katina ta’ valuri; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi proġetti u attivitajiet ikkoordinati mill-SMEs settorjali bl-għan li jiġu identifikati innovazzjonijiet potenzjali effiċjenti fir-riżorsi fil-qafas tal-ktajjen ta’ valur u ta’ forniment;

35. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għall-addozzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni; jitlob li jittieħdu miżuri ambizzjużi ta’ appoġġ għall-SMEs fl-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet ekoinnovattivi fl-istadji kollha tal-katina tal-valur, inkluż it-tfassil; jemmen li huwa meħtieġ li jiżdiedu l-fondi għal inizjattivi f'dan il-qasam, pereżempju, permezz tas-CIP futur, iżda wkoll permezz tal-użu mmirat tal-Fondi Strutturali; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta darbtejn fis-sena dwar il-progress tal-Istati Membri fit-trawwim tal-ekoinnovazzjoni min-naħa tal-SMEs;

36. Jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija tal-SMEs, la biss sa 24% tal-SMEs illum huma attivament involuti f’azzjonijiet biex inaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom; jenfasizza li l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija li jkunu kosteffettivi jgħinu lill-SMEs inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom u jżidu l-kapaċità tagħhom li jinvestu flushom mill-ġdid; jemmen li hemm ħtieġa qawwija tal-promozzjoni tat-titjib tal-kultura ta’ ‘kontenut baxx ta’ karbonju’ min-naħa ta’ intraprendituri żgħar u medji; jenfasizza li filwaqt li hemm mill-inqas konsulent finanzjarju wieħed disponibbli għal kull SME, ftit hemm esperti li jipprovdu pariri lill-SMEs dwar l-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija;

37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] Testi adottati, P6_TA(2009)0100
[2] Testi adottati, P7_TA(2011)0057