Dokument ta' sessjoni

 

9.5.2011                                                                                                                  B7‑0297/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0306/2011 , B7‑0307/2011 , B7‑0308/2011 , B7‑0310/2011 , B7‑0311/2011 u B7‑0313/2011

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-kriżi fis-settur Ewropew tas-sajd minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt

Alain Cadec, Antonello Antinoro, Jarosław Leszek Wałęsa, Maria do Céu Patrão Neves, Jim Higgins, Ioannis A. Tsoukalas, Rareş-Lucian Niculescu, Crescenzio Rivellini, Werner Kuhn, Vito Bonsignore

f'isem il-Grupp PPE-DE

 

B7‑0297/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi fis-settur Ewropew tas-sajd minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta' Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 tal-24 ta’ Lulju 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2005 bit-titolu 'Pjan ta' Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat - Għajnuna mill-Istat inqas u mmirata aħjar: Roadmap għar-riforma fl-għajnuna mill-Istat 2005-2009’ ( COM(2005)0107 ),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 73/238/KEE tal-Kunsill tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar miżuri sabiex jittaffew l-effetti tad-diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/119/KE tal-Kunsill tal- 4 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu ‘Enerġija 2020 - Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b'sigurtà’, ( COM(2010)0639 ),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2008 dwar il-kriżi fis-settur tas-sajd b’riżultat taż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwils[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li tissalvagwardja l-attività fis-sajd, mhux biss biex tippreserva l-attività u l-impjiegi fis-settur, iżda wkoll biex tappoġġa s-sigurtà tal-provvista tal-ikel tal-Unjoni,

B.  billi l-enerġija hija fattur importanti fl-ispiża operattiva fis-settur tas-sajd u l-prezz tal-attività tas-sajjieda huwa dipendenti ħafna mill-prezz taż-żejt,

C. billi ż-żieda fil-prezz taż-żejt taffettwa direttament id-dħul tas-sajjieda,

D. billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika taffettwa partikolarment is-settur industrijali u l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u tipperikola l-attività u l-impjiegi fis-setturi primarji u sekondarji,

E.  billi l-kriżijiet politiċi fil-Magreb u l-Lvant Nofsani wasslu għal żieda fil-prezzijiet taż-żejt ta’ iktar minn 100 dollaru l-barmil; billi l-prezzijiet taż-żejt għadhom inċerti ħafna minħabba r-riskju ta’ instabilità politika fid-dinja Għarbija, b’mod ġenerali,

F.  billi ż-żieda riċenti fil-prezzijiet taż-żejt wasslet għal kriżi fis-settur tas-sajd u għal inkwiet kbir min-naħa tas-sajjieda,

G. billi l-prezz tal-prodotti tas-sajd u l-akwakultura huwa stabbilit mill-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda u li, minħabba d-dipendenza għolja tal-Unjoni Ewropea fuq importazzjonijiet minn pajjiżi terzi (60%) għall-akkwist tas-suq intern tagħha, il-produtturi ftit li xejn għandhom influwenza fuq il-livell tal-prezz tal-prodotti tas-sajd,

H. billi s-settur tas-sajd qiegħed f'sitwazzjoni ekonomika diffiċli, u diġà kien affettwat ħafna minn diversi operazzjonijiet ta’ żarmar ta’ vapuri minħabba t-tnaqqis fil-kwoti u l-qabdiet u l-objettiv li tiċċekken il-flotta Ewropea fil-qafas tal-PKS;

I.   billi d-Direttiva tal-Kunsill tal-24 ta’ Lulju 1973 għandha l-għan li tnaqqas l-effetti ta’ diffikultajiet fl-akkwist ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi u timmira, b’mod partikolari, li tikkumpensa, jew tal-inqas tnaqqas, l-effetti ħżiena ta' kwalunkwe diffikultà, anki temporanja, li jkollha l-effett li tnaqqas b’mod konsiderevoli l-provvisti ta’ prodotti bħal dawn, li tista’ tikkawża xkiel serju fl-attività ekonomika tal-UE,

J.   billi l-Kummissjoni tawtorizza lill-Istati Membri li jagħtu għajnuna de minimis meta din tkun meqjusa trasparenti. sa limitu massimu ta’ 30 000 euro fuq perjodu ta' tliet snin lill-kumpaniji tas-sajd,

1.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għas-sajjieda tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu l-miżuri adegwati biex jiffaċilitaw l-attività tas-sajjieda;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid il-limitu tal-għajnuna de minimis minn 30 000 għal 60 000 euro kull ditta fuq il-perjodu ta’ tliet snin;

3.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-urġenza li tissaħħaħ is-sigurtà tal-akkwist tal-enerġija tal-Unjoni, iżda wkoll li jinfurmaw aħjar is-swieq u li jassiguraw lill-konsumaturi dwar l-istat tal-ħażniet taż-żejt mhux maħdum, partikolarment dwar id-disponibilità fil-każ ta’ kriżi jew skarsezza;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi pjan ta’ azzjoni għar-reġjuni kostali li għandhom settur tas-sajd attiv;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-industriji tas-sajd Ewropej.

 

[1] ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 32.