Dokument ta' sessjoni
26.5.2011 B7‑0342/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0315/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa (Petizzjonijiet 0045/2006, 1476/2006, 0079/2003, 0819/2003, 1010/2005, 0052/2007, 0306/2007, 0444/2007, 0562/2007 u oħrajn) ( A6-0446/2008 )
Simon Busuttil
f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa (Petizzjonijiet 0045/2006, 1476/2006, 0079/2003, 0819/2003, 1010/2005, 0052/2007, 0306/2007, 0444/2007, 0562/2007 u oħrajn) ( A6-0446/2008 )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-kumpaniji ta' direttorju qarrieqa (Petizzjonijiet 0045/2006, 1476/2006, 0079/2003, 0819/2003, 1010/2005, 0052/2007, 0306/2007, 0444/2007, 0562/2007 u oħrajn) ( 2008/2126(INI) ) [1],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Parlament irċieva aktar minn 400 petizzjoni dwar it-tixtrid ta' prattiki kummerċjali qarrieqa min-naħa ta' kumpaniji tad-direttorji kummerċjali li jaffettwaw eluf ta' impriżi, li l-biċċa l-kbira jkunu żgħar, fl-Unjoni Ewropea, b'impatt finanzjarju sinifikanti; billi l-Parlament għadu jirċievi petizzjoniji u lmenti dwar il-kumpaniji tad-direttorji kummerċjali,
B. billi l-prattiki kummerċjali qarrieqa inkwistjoni tipikament jippruvaw jikkonvinċu lin-negozji, kif ukoll lill-professjonisti u l-entitajiet mingħajr skop ta' lukru, biex jitniżżlu mingħajr ħlas f'direttorji kummerċjali; billi l-firmatarji aktar tard jiskopru li ffirmaw kuntratt bi ħlas,
C. billi l-kumpaniji tad-direttorju kummerċjali spiss ikunu stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tal-vittmi tagħhom, u għalhekk ikun diffiċli għall-vittma li tfittex protezzjoni u/jew rimedju mingħand l-awtoritajiet nazzjonali,
1. Jesprimi dispjaċir li d-Direttiva 2006/114/KE[2] dwar ir-riklamar qarrieqi u komparattiv li tapplika għal tranżazzjonijiet bejn intrapriża u oħra, tidher li jew mhix suffiċjenti biex tipprovdi rimedju effettiv jew mhux qed tiġi infurzata kif jixraq mill-Istati Membri;
2. Ifakkar li, għalkemm il-Kummissjoni m’għandha l-ebda setgħa li tinforza d-Direttiva direttament kontra individwi jew kumpaniji, hi għandha dmir li tiżgura li d-Direttiva tiġi implimentata b'mod xieraq mill-Istati Membri;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika b'mod proattiv it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar nazzjonali tad-Direttiva 2006/114/KE min-naħa tal-Istati Membri u tieħu azzjoni korrettiva fejn meħtieġ;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-attivitajiet tagħha rigward ir-reviżjoni u t-titjib tad-Direttiva u l-leġiżlazzjoni relevanti oħra sabiex twaqqaf il-prattiki qarrieqa tal-kumpaniji tad-direttorju kummerċjali kemm jista' jkun malajr, partikolarment billi telenka b’mod speċifiku fil-lista s-sewda l-prattiki qarrieqa tad-direttorji kummerċjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.