Dokument ta' sessjoni
6.6.2011 B7‑0347/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011
Hannes Swoboda, Véronique De Keyser, Knut Fleckenstein, Kristian Vigenin, Pino Arlacchi
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħal fis-seħħ fl-1997 u li ġie estiż fl-istennija li jkun hemm ftehim ġdid,
– wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa għal ftehim ġdid li jipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-'Sħubija għall-Modernizzazzjoni' li nbdiet fl-2010,
– wara li kkunsidra l-objettivi tal-UE u tar-Russja, stipulati fid-dikjarazzjoni konġunta li ħarġet wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja, li sar f'St Petersburg fil-31 ta' Mejju 2003, biex jitwaqqaf spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, sigurtà u ta' ġustizzja, spazju komuni ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta' riċerka u edukazzjoni, inklużi aspetti kulturali,
– wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-Samit UE-Russja f’Rostov-on-Don adottata f'Ġunju 2009,
– wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet UE-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli / Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tal-24 ta’ Mejju 2011 dwar il-każ ta’ Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-18 ta' Mejju 2011 mill-kopresidenti tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Russja f'Sochi,
– wara li kkunsidra l-aġenda tas-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Nizhny Novgorod fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja qed ikomplu jiżviluppaw b'mod kostanti tul l-aħħar deċennju, minkejja l-effetti severi tal-kriżi ekonomika, li jwasslu għal integrazzjoni u interdipendenza ekonomika komprensiva u fil-fond, li m'għandhomx ma jkompli jiżdiedu aktar fil-futur,
B. billi l-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa tibqa' ta' importanza kbira għal aktar żvilupp u intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba,
C. billi sena wara l-inawgurazzjoni tagħha waqt is-Samit ta' Rostov-on-Don fl-1 ta’ Ġunju 2010, is-Sħubija UE-Russja għall-Modernizzazzjoni jixraqilha li tiġi evalwata sabiex titjieb aktar l-effikaċja tagħha,
D. billi l-adeżjoni rapida tal-Federazzjoni Russja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tkun qed tikkontribwixxi sostanzjalment għal aktar titjib għar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea u tistimula l-investimenti,
E. billi s-sikurezza tal-provvista tal-enerġija hija waħda mill-akbar sfidi għall-Ewropa u waħda mill-oqsma maġġuri ta' kooperazzjoni mar-Russja; billi għandhom isiru sforzi konġunti sabiex isir użu sħiħ u effiċjenti tal-enerġija u tas-sistemi tat-trasport tal-enerġija, kemm dawk li diġa jeżistu kif ukoll dawk li għad iridu jiġu żviluppati aktar,
F. billi huwa importanti li l-UE titkellem b'leħen wieħed, turi solidarjeta u unita fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa, u tibbaża dawn ir-relazzjonijiet fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,
G. billi għad hemm tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Federazzjoni Russa fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tagħhom, u dwar ir-rispett tal-prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi li hemm qbil komuni dwarhom, billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,
H. billi l-UE u r-Russja jistgħu u għandu jkollhom rwol attiv flimkien fil-ħolqien tal-paċi u l-istabbiltà fid-dinja u fil-kontinent Ewropew, b’mod partikolari fil-viċinat komuni, u jaħdmu flimkien biex tinkiseb soluzzjoni paċifika fl-ambitu tad-dritt internazzjonali għall-kunflitti mtawla fil-viċinat komuni (fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u fir-Repubblika tal-Moldova),
1. Jerġa’ jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mill-imsieħba l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta’ kooperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda għandhom ukoll l-objettiv li jikkoperaw flimkien mill-qrib fil-livell globali kif ukoll fil-viċinat komuni;
2. Jinnota li s-Samit ta' Nizhny Novgorod se jiffoka fuq sfidi komuni li qed jiffaċċaw kemm l-UE kif ukoll ir-Russja (bħall-kriżi ekonomika u finanzjarja, is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, id-dħul fid-WTO, l-enerġija u kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-enerġija, il-mobilità u l-ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, kwistjonijiet internazzjonali u reġjonali, il-kooperazzjoni fil-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi, id-drittijiet tal-binedem u l-istat tad-dritt);
3. Jilqa’ l-inizjattiva li jinħareġ rapport tal-progress konġunt dwar is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, sena wara t-twaqqif ta’ dan l-istrument fis-samit ta’ Rostov-on-Don, bl-għan li jiġu identifikati proġetti speċifiċi li jagħmlu s-sħubija realtà li tiffunzjona fl-oqsma prinċipali tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern Russu jelabora b’aktar dettall dwar is-Sħubija, li għandha l-għan li tibbaża l-modernizzazzjoni tar-Russja fis-Seklu 21 fuq valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt, permezz tal-bini ta' ekonomija moderna diversifikata u dinamika, u bit-tħeġġiġ tal-involviment attiv tas-soċjetà ċivili;
4 Itenni l-impenn tal-UE li taħdem aktar għall-konsolidazzjoni finanzjarja u l-kompetittività, u t-tisħiħ tal-istruttura u t-tkabbir ekonomiku fil-qafas tal-istrateġija tal-UE 2020; jinnota b’interess li l-irkupru ekonomiku dinji qed isir aktar ‘awto-sostnut’, minkejja li l-prezzijiet ogħla għall-prodotti qed ixekklu l-possibilità ta’ tkabbir ulterjuri, kif intqal fir-rimarki ta’ konklużjoni tal-laqgħa tal-G8 f’Deauville; jenfasizza l-fiduċja tiegħu li s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni tista’ tippromwovi r-riforma u tagħti spinta mġedda għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, tiżviluppa kooperazzjoni lukrattiva reċiproka fil-kummerċ, fl-ekonomija u fis-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li tagħti kontribut għall-irkupru ekonomiku dinji;
5. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp b'mod aktar pragmatiku tar-relazzjonijiet futuri mar-Russja, b'attenzjoni miżmuma ffukata fuq il-konklużjoni tal-ftehim il-ġdid UE-Russja fiż-żmien dovut, u bil-konċentrazzjoni fuq kooperazzjoni prattika artikulata, proġetti konġunti u l-implimentazzjoni tal-impenji u l-ftehimiet li saru sa issa; jinnota l-progress li sar fis-sensiliet preċedenti ta' taħdidiet dwar il-Ftehim UE-Russja ġdid u jistieden lill-partijiet involuti sabiex jimxu fuq approċċ ibbażat fuq valuri u interessi ġenwinament komuni;
6. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li f’Diċembru 2010 l-UE u r-Russja ffinalizzaw il-qbil bilaterali li jgħin l-adeżjoni tar-Russja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-kandidatura tar-Russja lid-WTO, filwaqt li tqis kemm huma importanti r-relazzjonijiet ekonomiċi ta’ bejn l-UE u r-Russja; Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-pajjiżi tal-G8 ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jaħdmu mill-qrib mal-Gvern Russu biex ir-Russja tidħol fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fl-2011; jistieden lill-awtoritajiet Russi jadottaw qafas legali stabbli u ġust biex jirregolaw kif jixraq l-attività tan-negozji; jenfasizza l-importanza ta’ sistema ġudizzjarja żviluppata tajjeb u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala elementi ewlenin għall-modernizzazzjoni tal-istat;
7. Jiddispjaċih li l-pjan direzzjonali mħabbar għall-ivvjaġġar mingħajr viżi bejn ir-Russja u l-UE mhux se jiġi ppreżentat kif ippjanat fis-Samit UE-Russja li jmiss, filwaqt li d-dokument tal-pjan ta’ direzzjoni kien lest fil-bidu ta’ Mejju 2011, iżda jeħtieġ l-approvazzjoni tas-27 Stat Membru kollha kemm huma; itenni l-impenn għall-objettiv fit-tul li jkun hemm ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, abbażi ta' approċċ gradwali ffukat fuq is-sustanza u l-progress prattiku; jilqa’ d-deċiżjoni meħuda fl-ambitu tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Russja li ssir talba għall-ħolqien ta’ sistema ta’ vjaġġar mingħajr viżi, bħala pass preliminari, għal detenturi ta’ passaporti tal-UE u tar-Russja, imwielda mill-1989 ’il quddiem;
8. Jenfasizza l-importanza komuni ta' kooperazzjoni rigward l-enerġija għar-Russja u l-UE, billi dawn jirrappreżentaw opportunita ta' potenzjal għal aktar kummerċ u kooperazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li l-prinċipji ta' interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta' din il-kooperazzjoni, flimkien ma' aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment; itenni l-interess tal-UE f’soluzzjoni trilaterali UE-Russja-Ukrajna dwar il-flussi tal-gass ġejjiena lejn l-UE;
9. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-prinċipji tal-Karta tat-Trattat tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu anness magħha jiġu inklużi fi Ftehim ġdid ta' Sħubija bejn l-UE u r-Russja; jilqa’ l-iffirmar fi Frar 2011 ta’ Mekkaniżmu ta’ Twissija Bikrija aġġornat biex jitjieb aktar il-koordinament f’każ ta’ emerġenzi tal-provvista jew tad-domanda; ifaħħar il-ftehim li jinħoloq Forum ta’ Konsultazzjoni tal-Gass li għandu jagħti informazzjoni, anke mingħand l-industrija, dwar żviluppi fis-swieq tal-gass tar-Russja u tal-Ewropa.
10. Jilqa’ d-dikjarazzjoni riċenti tal-President tal-Ukrajna Viktor Yanukovych favur ħidma maħsuba għal assoċjazzjoni mal-UE għall-pajjiżu u li jinżammu miftuħa l-possibilitajiet ta’ aktar parteċipazzjoni aktar mill-qrib fil-proċess tal-integrazzjoni tal-UE; jiddispjaċih dwar il-fatt li r-Russja qed tipprova tuża l-prezzijiet tal-fjuwil bħala karotta biex tiġbed lill-Ukrajna lejn unjoni doganali mal-Bjelorussja u mal-Każakstan anke waqt li r-repubblika ex-Sovjetika qed tipprova tkabbar ir-rabtiet ekonomiċi u politiċi mal-UE;
11. Jitlob li jsiru diskussjonijiet dwar it-tibdil fil-klima, il-kooperazzjoni konkreta fuq miżuri biex jitnaqqsu l-gassijiet b'effett serra, titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta' enerġija sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa ta' kunsens dwar kif għandu jitmexxa 'l quddiem il-proċess tan-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima;
12. Jilqa’ l-involviment tal-Kummissjoni biex l-imsieħba tal-UE jimpenjaw irwieħhom li jkollhom l-ogħla standards tas-sikurezza, ittestjar ambizzjuż tal-istress ta’ impjanti tal-enerġija nukleari u kooperazzjoni internazzjonali mtejba; wara t-terremot u t-tsunami bla preċedent li laqat lill-Ġappun u kkawża l-kriżi nukleari li għadha għaddejja fl-impjant ta’ Fukushima, jistenna li s-Samit UE-Russjia jipprovdi spinta ġdida għall-issikkar tar-rekwiżiti internazzjonali tas-sikurezza nukleari;
13. Jisħaq fuq l-importanza ta’ skambju kontinwu ta' opinjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Russja bħala parti mill-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bħala mezz biex jikkonsolida l-interoperabilità tagħna fl-oqsma kollha ta' kooperazzjoni u jitlob li jkun hemm titjib fil-format ta' dawn il-laqgħat sabiex ikunu aktar effettivi, b'attenzjoni speċjali għal azzjoni konġunta kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, u sabiex dan il-proċess ikun miftuħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew, mid-Duma tal-Istat u minn NGOs għad-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk id-djalogu jsir fir-Russja, kif ukoll jekk isir fi Stat Membru tal-UE; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russa li jaħtar Ambaxxatur għad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem;
14. Jinnota d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Belt ta’ Moska li żżomm il-verdett fil-każ ta’ Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev, minkejja t-tnaqqis żgħir tas-sentenza minn sitt għal ħames snin addizzjonali fil-ħabs; jilqa’ d-deċiżjoni tal-President Medvedev li jeżamina dan il-każ fil-Kunsill Presidenzjali tad-Drittijiet tal-Bniedem; Itenni t-twemmin tiegħu li biex ikun hemm modernizzazzjoni politika, ekonomika u soċjali ġenwina, għandhom isiru riformi fir-Russja sabiex tiġi stabbilita sistema ġudizzjarja trasparenti, indipendenti u affidabbli, li toħloq fiduċja u tkun ħielsa mill-indħil politiku;
15. Jinnota li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenza tagħha tal-każ Khodorkovsky fil-31 ta’ Mejju 2011 ammetiet li l-każ jista’ jqajjem ċertu suspetti dwar l-intenzjoni vera tal-awtoritajiet, aċċettat l-allegazzjonijiet tiegħu ta’ detenzjoni illegali u trattament ħażin fil-ħabs, iżda qalet ukoll li Khodorkovsky ma kienz ta prova li l- prosekuzzjoni tiegħu fuq akkużi ta’ frodi u evażjoni tat-taxxi kienet motivata politikament;
16. Jiddispjaċih ħafna li l-awtoritajiet tal-belt ta’ Moska, għas-sitt sena konsekuttiva, ma tawx permess li ssir il-mixja Gay Pride, minkejja sentenza finali f’April 2011 mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tobbliga lir-Russja tawtorizza dan it-tip ta’ attivitajiet fil-ġejjieni; jiddispjaċih dwar il-fatt li s-SEAE naqas milli jagħti l-appoġġ pubbliku tiegħu lill-organizzaturi tal-parata, u jistieden lill-President tal-Kunsill Ewropew, lir-Rappreżentant Għoli / Viċi-President tal-Kummissjoni, u lill-President tal-Kummissjoni jsemmgħu it-tħassib tagħhom fl-ogħla livell possibbli waqt is-Samit UE-Russja; jistenna li fil-futur, d-delegazzjonijiet tal-UE u tal-korp diplomatiku tal-UE jimplimentaw b’mod attiv il-Kaxxa tal-Għodda għall-Promozzjoni u l-Ħarsien tad-Drittijiet Kollha tal-Bniedem għal Persuni LGBT, anke permezz ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ appoġġ;
17. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jiggarantixxu, skont l-istandards ta' membri tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, proċess ħieles u ġust fl-elezzjonijiet Parlamentari ta' Diċembru 2011 biex ikun żgurat li l-partiti tal-oppożizzjoni jkollhom il-possibilità li jipparteċipaw f'dawk l-elezzjonijiet u l-opportunità li jagħmlu kampanja elettorali kompetittiva, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tal-libertà tal-espressjoni; jistieden lir-Russja toħloq il-possibilità ta’ osservazzjoni suffiċjenti u effiċjenti tal-elezzjonijiet, skont l-istandards tal-OSKE/ODIHR u tal-Kunsill tal-Ewropa;
18. Jilqa’ l-pożizzjoni riċenti li ħa l-President Russu Medvedev rigward il-kriżi kronika tal-Libja, li wkoll hut al-fehma li Gaddafi u l-gvern tiegħu naqsu milli jwettqu r-responsabilità tagħhom li jħarsu l-popolazzjoni Libjana u tilfu l-leġitimità kollha; jinnota b’interess il-fatt li Russja bagħtet rappreżentant lill-bażi revoluzzjonarja ta’ Benghazi u huwa ukoll tal-fehma li jeħtieġ jiġu identifikati u implimentati soluzzjonijiet rapidi għall-kunflitt;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex isegwu inizjattivi konġunti mal-Gvern Russu mmirati lejn it-tisħiħ tas-sigurta u l-istabbilita fil-viċinat komuni, b'mod partikulari permezz ta' sforzi konġunti biex jissolvew il-konflitti fir-Repubblika tal-Moldovja u l-kwistjonijiet eċċezzjonali fil-Kawkasu tan-Nofinhar, inkluża l-implimentazzjoni tal-impenji kollha preċedenti;
20. Jistieden lill-Federazzjoni Russa tieħu rwol kostruttiv, fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, bħala parti mill-isforz dinji li jitwaqqfu l-isforzi tal-Iran li jarrikkixxi l-uranju u attivitajiet nukleari oħra maħsuba biex jinbnew armi nukleari;
21. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifika tat-Trattat Strateġiku dwar it-Tnaqqis tal-Armi (START) ġdid bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti fit-22 ta' Diċembru 2010; jitlob li jkun hemm djalogu komprensiv ulterjuri bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, inkluż it-twaqqif tat-tarka ta' difiża tal-missili;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-OSKE, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.