Dokument ta' sessjoni

 

4.7.2011                                                                                                                  B7‑0389/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija

Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Jacek Włosowicz

f'isem il-Grupp ECR

 

B7‑0389/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–       wara li kkunsidra bosta dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President, Catherine Ashton, dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja,

–       wara li kkunsidra bosta dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President, Catherine Ashton, dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–       wara li kkunsidra l-politiki u l-istrateġiji adottati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill rigward il-diversi pajjiżi tad-dinja Għarbija;

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew 'Ewropa Ikbar – il-Viċinat: qafas ġdid għar-relazzjonijiet mal-ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar' ( COM(2003)0104 ); id-Dokument Strateġiku tagħha dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat ( COM(2004)0373 ); il-proposta tagħha għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinanza u Sħubija ( COM(2004)0628 ); il-komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal pjanijiet ta' azzjoni taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) ( COM(2004)0795 ) u l-pjanijiet ta' azzjoni għall-pajjiżi konċernati; kif ukoll il-komunikazzjoni tagħha dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ( COM(2006)0726 ),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-APEM u l-politika Mediterranja tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin ( A6-0127/2007 ),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-moviment favur id-demokrazija ngħata spinta fid-dinja Għarbija minn Jannar 2011 li wassal għal protesti fit-toroq tal-bliet kapitali favur id-demokrazija mill-Kajr sa San'a, li fihom għexieren ta' eluf korrew jew tilfu ħajjithom,

B.  billi bosta bliet tar-reġjun kollu kemm hu għadhom okkupati minn forzi mmexxija mill-gvern, mingħajr aċċess għal ikel, provvisti mediċi jew komunikazzjonijiet,

C. billi s-Samit tal-G8 laħaq qbil dwar is-Sħubija ta' Deauville li se jipprovdi 'l fuq minn $ 20 biljun lit-Tuneżija u lill-Eġittu,

D. billi l-Grupp ta' Kuntatt għal-Libja l-ġdid iltaqa' għall-ewwel darba fil-Qatar fit-13 ta' April 2011,

E.  billi l-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, is-Suq Khatib, ilu jaħdem mal-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni Libjan bil-għan li jmexxi 'l quddiem il-proċess politiku,

F.  billi il-Gvern Britanniku ssuġġerixxa li jiġi stabbilit Mekkaniżmu Finanzjarju Temporanju biex jassisti lill-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni fl-għoti ta' servizzi pubbliċi lill-poplu Libjan,

G. billi l-operazzjonijiet tan-NATO fil-Libja se jiġu estiżi fis-27 ta' Ġunju,

H. billi fit-23 ta' Mejju l-Kunsill "Affarijiet Barranin" tal-UE qabel dwar l-intensifikazzjoni tal-isforzi biex jiġi mblukkat l-aċċess ta' Gaddafi għar-riżorsi, fosthom it-tagħmir militari u l-merċenarji,

I.   billi fis-26 ta' Mejju fis-Samit tal-G8 ta' Deauville intlaħaq qbil li Gaddafi għandu jħalli l-'kariga' tiegħu fil-Libja,

J.   billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf se jaħdem mal-awtoritajiet tas-Sirja biex tinbeda t-tranżizzjoni tal-poter mill-President Assad,

K. billi sar progress notevoli fit-Tuneżija fit-triq lejn id-demokratizzazzjoni,

L.  billi Saleh ħarab lejn l-Arabja Sawdija fl-4 ta' Ġunju fejn ingħata kura medika għall-feriti tiegħi, filwaqt li iben il-President Saleh, Ahmed, baqa' fil-Jemen biex imexxi l-gwardja repubblikana tal-armata,

M. billi l-Jemen huwa l-bażi ta' al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP), grupp terroristiku li pprova jesplodi ajruplan tal-Istati Uniti fuq Detroit u jibgħat bombi fuq ajruplan tal-merkanzija li kien se jtir lejn l-Istati Uniti s-sena li għaddiet,

1.  Jisħaq fuq is-solidarjetà mal-popli tad-dinja Għarbija u jemmen li r-'Rebbiegħa Għarbija' turi rieda popolari ċara favur id-demokrazija fir-reġjun;

2.  Jiddeplora, fl-aktar termini qawwijin possibbli, l-użu tal-vjolenza kontra manifestanti paċifiċi fi kwalunkwe post u jsostni d-dritt tal-manifestanti li jieħdu sehem fid-dimostrazzjonijiet paċifiċi kif ukoll il-garanzija tal-libertà ta' espressjoni;

3.  Jistieden lill-Gvernijiet u lill-qawwiet kollha tar-reġjun iwaqqfu minnufih l-użu ta' kwalunkwe forza jew vjolenza kontra manifestanti paċifiċi; iħeġġeġ lill-forzi tas-sigurtà jaġixxu bl-akbar moderazzjoni possibbli meta jirreaġixxu għad-dimostrazzjonijiet;

4.  Jiddeplora l-prevalenza tal-vjolenza sesswali u jisħaq fuq il-fatt li l-vjolenza ta' natura sessswali fir-rigward ta' bniet jew nisa mhijiex aċċettabbli; iqis l-istupru u l-abbuż sesswali jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont il-Qorti Kriminali Internazzjonali; jikkundanna bil-qawwa l-qtil illeċitu u t-tortura fuq tat-tfal;

5.  Jistieden lill-Gvernijiet tar-reġjun jikkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-reġjun li imponew sanzjonijiet fuq gazzetti u l-internet iwaqqfu ċ-ċensura tat-tali mezzi ta' informazzjoni, itemmu l-kontroll repressiv tal-gvern fuq il-gazzetti u fuq pubblikazzjonijiet oħrajn, u jneħħu r-restrizzjonijiet fuq l-internet;

7.  Jistieden lill-partijiet kollha tal-pajjiżi tal-Unjoni Għarbija involuti fit-taħdidiet dwar il-kondiviżjoni tal-poter isaħħu d-djalogu paċifiku u jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex iberrdu din is-sitwazzjoni mingħajr ma sseħħ vjolenza ulterjuri u jaħdmu favur tranżizzjonijiet ta' suċċess lejn demokraziji trasparenti u funzjonanti fir-reġjun;

8.  Josserva li l-kriżi ekonomika attwali fir-reġjun sejra tfixkel il-progress lejn elezzjonijiet ħielsa u miftuħa u jistieden lill-Unjoni Ewropea tkompli tagħti għajnuna biex tassisti r-riforma ekonomika u demokratika tar-reġjun;

9.  Jenfasizza li l-instabilità f'bosta pajjiżi Għarab thedded l-istabilità tar-reġjun kollu kemm hu; josserva li l-qawmien ta' al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) jippreżenta theddida dejjem ikbar għall-paċi u li l-kriżi politika attwali tista' tiġi sfruttata mill-militanti ta' al-Qaeda; josserva li r-riavviċinament tal-Eġittu mal-Iran jista' jkollu riperkussjonijiet negattivi fuq il-Ftehim ta' Paċi tal-Lvant Nofsani u jtenni s-sostenn kontinwu għall-Ftehim ta' Camp David bejn l-Iżrael, il-Ġordan u l-Eġittu;

10. Jappoġġa bil-qawwa l-leġittimità fil-Libja tal-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni f'Bengażi u jħeġġeġ l-implimentazzjoni fil-pront tar-Riżoluzzjoni 1973 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jappella bil-qawwa għat-tluq ta' Gaddafi u jappoġġa l-Qorti Kriminali Internazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tal-mandat ta' arrest għal Gaddafi;

11. Jiddispjaċih bl-allegazzjonijiet u bl-affermazzjonijiet kollha li r-reġim ta' Gaddafi qiegħed jirċievi assistenza u sostenn mill-Alġerija filwaqt li jesprimi dispjaċir kbir bil-pożizzjoni li ħadu r-Russja u ċ-Ċina bil-veto tagħhom għall-miżuri internazzjonali kontra s-Sirja;

12. Jistieden lill-Unjoni Ewropea tkompli tagħti l-għajnuna umanitarja neċessarja għall-persuni spostati tar-reġjun, ħafna minnhom illum jgħixu bħala rifuġjati mal-fruntieri ta' pajjiżhom u jinsisti li l-ħaddiema barranin fil-pajjiżi jiġu evakwati mill-aktar fis possibbli;

13. Jistieden lill-Gvernijiet kollha tar-reġjun biex jirrinunzjaw mill-arresti u d-detenzjoni arbitrarji ta' attivisti politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jeħilsu lill-priġunieri kollha tal-kuxjenza;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet/gvernijiet ta' tranżizzjoni tal-Eġittu, tat-Tuneżija, tal-Alġerija, tal-Libja, tas-Sirja, tal-Jemen u lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.