Dokument ta' sessjoni

 

4.7.2011                                                                                                                  B7‑0392/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-bidliet fil-Ftehim ta’ Schengen

Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms, Judith Sargentini, Tatjana Ždanoka, Raül Romeva i Rueda

f’isem il-Grupp Verts/ALDE

<<<

B7‑0392/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bidliet fil-Ftehim ta’ Schengen

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-TUE u l-Artikoli 18, 20, 21, 67, 77 u 80 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropea tal-24 ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Migrazzjoni tal-4 ta’ Mejju 2011, COM(2011) 248 finali,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tad-19 ta’ Ġunju 1990,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen ( COM(2010)0624 – C7 0370/2010 – 2010/0312(COD) ),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ rapport dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni biex jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen ( COM(2010)0624 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-ħolqien taż-żona ta' Schengen u l-integrazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-UE huma wħud mill-ikbar kisbiet tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, immarkat mit-tneħħija tal-kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u minn libertà tal-moviment bla preċedent fl-UE,

B.  billi l-libertà tal-moviment saret waħda mill-pilastri taċ-ċittadinanza tal-UE u waħda mill-pedamenti tal-Unjoni Ewropea bħala żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li tinkludi d-dritt ta’ moviment u għejxien liberu għaċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha filwaqt li jgawdu l-istess drittijiet, protezzjonijiet u garanziji, li jinkludu l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjonijiet fuq il-bażi taċ-ċittadinanza,

C. billi r-regoli ta’ Schengen li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera ġew definiti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li l-Artikoli 23 u 26 tiegħu stabbilew minn qabel miżuri preċiżi u proċeduri għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontroll fuq il-frunteri fil-fruntieri interni,

D. billi skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u tal-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-libertà tal-moviment fl-UE tista’ tiġi estiża b’kundizzjonijiet preċiżi anke għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu legalment fl-UE,

E.  billi l-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni bbażat fuq il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Evalwazzjoni ta' Schengen (SCH-EVAL), korp purament intergovernattiv, ma weriex li hu biżżejjed effikaċi,

F.  billi mekkaniżmu ġdid ta' evalwazzjoni ġie stipulat fil-proposta għal regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni li jissorvelja l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, li bħalissa qed tiġi eżaminata fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja mill-PE; billi dan il-mekkaniżmu diġà jiddefinixxi proċeduri, prinċipji u għodod li jappoġġaw u jassistu l-konformità tal-Istati Membri mal-acquis ta' Schengen, ukoll fil-preżenza ta' avvenimenti mhux previsti,

G. billi l-Artikolu 77 tat-TFUE jafferma li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw miżuri li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, il-kontrolli li jiġu suġġetti għalihom il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni u n-nuqqas ta' kwalunkwe kontrolli fuq in-nies, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni,

1.  Ifakkar li l-libertà tal-moviment f'żona Ewropea ta' libertà, sigurtà u ġustizzja hija dritt fundamentali u pilastru taċ-ċittadinanza tal-UE, li l-kundizzjonijiet tal-eżerċitar tiegħu huma stipulati fit-Trattati u fid-Direttiva 2004/38/KE;

2.  Jemmen bl-istess mod fl-appoġġ effikaċi għall-Istati Membri sabiex jiżguraw l-osservanza tal-acquis ta' Schengen fil-każ ta' pressjoni fil-fruntieri esterni diġà jista' jiġi indirizzat permezz tal-mekkaniżmu ġdid ta' evalwazzjoni ta' Schengen, li bħalissa qed tiġi ridefinita fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

3.  Jiddispjaċih bil-qawwa bit-tentattiv ta’ bosta Stati Membri biex jirriintroduċu l-kontrolli fuq il-fruntieri li b’mod ċar jipperikolaw l-ispirtu tal-Acquis ta' Schengen;

4.  Ifakkar li l-influss ta’ migranti u applikanti għall-asil fil-fruntieri esterni ma jista' fl-ebda każ per se jitqies bħala bażi addizzjonali għar-riintroduzzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri;

5.  Iqis li l-Ftehim ta’ Schengen hu wisq importanti biex jiġi limitat, u li kwalunkwe restawr ta’ kontrolli fil-fruntieri għandu jkun verament eċċezzjonali, għandu jintuża bħala l-aħħar riżors għal perjodu limitat ta’ żmien, u wara li jkunu ntużaw ir-rimedji l-oħra kollha possibbli ; tali restawr għandu jiġi deċiż fil-livell tal-UE, mhux minn Stati Membri individwali;

6.  Jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni soda tiegħu għal kwalunkwe mekkaniżmu ġdid ta' Schengen li jkollu b’objettivi oħra barra dawk li jtejjeb il-libertà tal-moviment u li jsaħħaħ il-governanza tal-UE taż-żona Schengen; il-mekkaniżmu ġdid għandu jieħu post u mhux jikkumplimenta l-possibilitajiet eżistenti ta’ restawr unilaterali de facto kif stipulat fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen;

7.  Jissottolinja l-prerogattiva demokratika tal-Parlament Ewropew, u jinsisti li kwalunkwe tentattiv biex il-bażi legali korretta tkun differenti mill-Artikolu 77 tat-TFUE għal kwalunkwe miżura f’dan il-qasam jiġi kkunsidrat bħala devjazzjoni mit-Trattati tal-UE u għandu d-dritt li juża r-rimedji legali kollha possibbli jekk ikun hemm bżonn;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.