Dokument ta' sessjoni

 

4.7.2011                                                                                                                  B7‑0397/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-Iskema tad-distribuzzjoni tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

Marije Cornelissen, José Bové

f'isem il-Grupp ALDE

 

 

 

Pervenche Berès, Alejandro Cercas, Luis Manuel Capoulas Santos, Paolo De Castro

S&Df'isem il-Grupp S&D

 

B7‑0397/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iskema tad-distribuzzjoni tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Otturbu 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS)[1] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2008 tat-3 ta' Ottubru 2008 li jadotta l-pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta' riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità[2],

–   wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007, rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni ( COM(2010)486 ),

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-Kawża T-576/08,

–   wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 562/2011 tal-10 ta' Ġunju 2011 li jadotta l-pjan li jalloka lill-Istati Membri riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2012 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea u li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 807/2010[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni u r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) biex tiġi stabbilita distribuzzjoni tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità( COM(2008)0563 – C6-0353/2008 – 2008/0183(CNS) )[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Kummissjoni tipprevedi li 43 miljun persuna fl-UE jinsabu f'riskju ta’ faqar alimentari,

B.  billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-prezzijiet tal-ikel li dejjem jogħlew qed iqiegħdu lil iktar persuni f'riskju ta' faqar alimentari,

C. billi l-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel lin-nies l-iktar imċaħħda fl-Unjoni, imwaqqfa fl-1987 taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK), attwalment tipprovdi għajnuna għall-ikel lil 13-il miljun persuna li qed isofru mill-faqar fi 19-il Stat Membru u għandha ktajjen tad-distribuzzjoni li jinvolvu madwar 240 bank tal-ikel u karità,

D. billi l-iskema dejjem kienet tistrieħ iktar fuq l-akkwist mis-suq bħala konsegwenza tal-Politika Agrikola Komuni mibdula, u dan wassal għal tnaqqis fil-livelli ta' ħażniet ta’ intervent, li huma s-sors tradizzjonali ta' provvista għall-iskema,

E.  billi sentenza tal-QĠUE iddikjarat li l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 983/2008, li jittratta l-akkwist addizzjonali ta' ikel mis-suq, għandu jiġi kkanċellat,

F.  billi wara s-sentenza tal-QĠUE, il-proposta tal-Kummissjoni għall-2012 tinkludi tnaqqis ħesrem fil-finanzjamenti minn EUR 500 miljun fl-2011 għal EUR 113 miljun fl-2012,

G. billi l-PAK u l-iskemi relatati tagħha u l-Fondi Strutturali, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), se jibdew perjodu ġdid ta' finanzjament fl-2014,

1.  Jenfasizza li meta titwaqqaf skema ta' għajnuna eżistenti u operattiva mingħajr preavviż jew tħejjija, dan ikollu impatt kbir fuq l-iktar persuni vulnerabbli tal-UE u ma jikkostitwixxix prassi affidabbli ta' finanzjament;

2.  Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżviluppaw soluzzjoni tranżitorja għas-snin li fadal tal-pjan ta' finanzjament (l-2012 u l-2013) biex jiġi evitat tnaqqis immedjat u qawwi fl-assistenza alimentari dovut għat-tnaqqis fil-finanzjamenti minn EUR 500 miljun għal EUR 113 miljun, u biex jiġi żgurat li l-persuni dipendenti fuq l-assistenza alimentari ma jsofrux minn faqar alimentari;

3.  Jitlob biex fuq medda twila ta' żmien il-persuni kollha kkonċernati jevalwaw bir-reqqa l-adegwatezza tal-iskema ta' assistenza alimentari, b'mod partikolari bħala element tal-PAK fil-kuntest tal-perjodu ġdid ta' finanzjament mill-2014;

4.  Jilqa' t-tħabbir mill-Kummissarju Ciolos fid-29 ta' Ġunju 2011 tal-proposta li l-iskema ta' distribuzzjoni tal-ikel tiġi ttrasferita mill-PAK għall-FSE, sakemm tiġi żgurata l-adegwatezza tal-finanzjament u sakemm it-trasferiment ma jwassalx għal tnaqqis fil-flus disponibbli għall-programmi eżistenti tal-FSE;

5.  Jenfasizza li effetti negattivi tal-faqar spiss huma d-dgħjufija fiżika minħabba nuqqas ta' ikel sustanzjuż u l-faqar alimentari; jenfasizza li fil-ġlieda kontra l-faqar, tenħtieġ politika integrata li tiġbor fiha introjtu ġust u kundizzjonijiet ta' ħidma u għajxien; iqis li l-miżuri ta' assistenza alimentari jistgħu jikkostitwixxu element temporanju wieħed fost l-oħrajn f'politika integrata għall-ġlieda kontra l-faqar;

6.  Jenfasizza li l-bdiewa għandhom jingħataw l-assigurazzjoni ta' introjtu u rimunerazzjoni deċenti u ġusti għall-ħidma tagħhom; jirrimarka li l-bdiewa f'bosta reġjuni qed jiffaċċjaw problemi finanzjarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tal-faqar rurali u tal-kollass tal-komunitajiet rurali;

7.  Jemmen li, fil-kuntest ta' żieda fis-sikurezza alimentari u ta' ħolqien ta' produzzjoni u ta' sistemi ta' provvista sostenibbli f'sens, jibqa' ta' importanza kruċjali li jkun hemm ħela minima ta' ikel fuq medda twila ta' żmien;

8.  Jirrimarka li s-sentenza tal-QĠUE tgħid biċ-ċar li l-proposta attwali għall-iskema riveduta ta' assistenza alimentari mhijiex konformi mal-prinċipji ġenerali li jiggvernaw il-PAK; jistieden lill-Kummissjoni tissostitwixxi l-proposta attwali b'miżura temporanja li għandha tibqa' fis-seħħ sa tmiem il-perjodu ta' finanzjament;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

[1] ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
[2] ĠU L 268, 9.10.2008, p. 3.
[3] ĠU L 152, 11.6.2011, p. 24.
[4] ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 258.