Seduta plenarja

 

12.9.2011                                                                                                           B7‑0488/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tagħha bil-quddiem għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni tal-mard li ma jitteħidx

Antonyia Parvanova, Sarah Ludford, Liam Aylward, Frédérique Ries

f'isem il-Grupp ALDE

Linda McAvan, Glenis Willmott

f’isem il-Grupp S&D

Michèle Rivasi, Raül Romeva i Rueda

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Marina Yannakoudakis, Milan Cabrnoch

f’isem il-Grupp ECR

Marisa Matias, Bairbre de Brún, Nikolaos Chountis

f’isem il-Grupp GUE/NGL

 

B7‑0488/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tagħha bil-quddiem għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni tal-mard li ma jitteħidx

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-WHO għal Strateġija Globali għall-Prevenzjoni u l-Kontroll ta' mard li ma jitteħidx[1],

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-11 ta' Settembru 2006 dwar il-Prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li ma jitteħidx fir-reġjun Ewropew tad-WHO[2],

 

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-NU 64/265 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li ma jitteħidx ta' Ottubru 2010[3],

 

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Moska dwar stili ta' ħajja tajba u l-kontroll ta' mard li jitteħidx ta' April 2011[4],

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa dwar mard li ma jitteħidx ta' Mejju 2011[5],

 

–    wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li jitteħidx[6],

 

–    wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO tal-2008 dwar is-sorveljanza, il-prevenzjoni u l-kontroll globali ta' mard respiratorju kroniku[7],

 

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Parma u l-Impenn li Jaġixxu adottat mill-Istati Membri tar-Reġjun Ewropew tad-WHO f'Marzu 2011[8],

 

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Asturias tad-WHO tal-2011[9],

 

–    wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar il-Ġlieda Kontra l-Obeżità adottata f'Novembru 2006[10],

 

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 168 u 179 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Frar 2007 dwar il-promozzjoni ta’ dieta tajba għas-saħħa u tal-attività fiżika, dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-piż żejjed, l-obeżità u l-mard [11] kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar il-White Paper dwar in-Nutriment, il-Piż Żejjed u kwistjonijiet ta’ Saħħa relatati mal-Obeżità[12],

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar azzjoni għat-trattament ta' mard kardjovaskolari[13], u tal-10 ta' April 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-Unjoni Ewropea mkabbra[14] u wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006 dwar id-dijabete[15],

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2008 dwar “l-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010,

 

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju[16],

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar l-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet [17] u tas-6 ta' Mejju 2010 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi tas-saħħa fl-UE[18],

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-6 ta' Mejju 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni Kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea[19] u tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-White Paper tal-Kummissjoni: "Adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew ta' Azzjoni"[20],

 

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta’ Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk[21],

 

–    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Saħħa tal-Qalb fl-2004[22],

 

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)[23],

 

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013)[24],

 

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u ta' kura tas-saħħa" tas-7 ta' Diċembru 2010[25],

 

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Valuri u Prinċipji Komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea" tat-22 ta' Ġunju 2006 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill "Lejn sistemi tas-saħħa moderni, responsivi u sostenibbli" tas-6 ta' Ġunju 2011[26],

 

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "l-irwol tal-UE fis-Saħħa Globali" tal-10 ta' Mejju 2010[27],

 

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.  billi skont id-WHO, 86% tal-imwiet fl-Ewropa huma kkawżati minn mard li ma jitteħidx,

 

B.   billi l-erba' tipi l-aktar komuni ta' mard li ma jitteħidx huma l-mard kardjovaskolari, mard respiratorju, kanċer u dijabete,

 

C.  billi l-mard kardjovaskolari huwa l-ewwel kawża ta' mwiet u jħalli aktar minn 2 miljun mejjet kull sena; billi l-aktar mard kardjovaskolari komuni huwa l-mard tal-qalb koronarju u l-puplesija, li jikkawżaw rispettivament aktar minn terz (jiġifieri 741,000) u ftit aktar minn kwart (jiġifieri 508,000) tal-imwiet kardjovaskolari kollha,

 

D.  billi l-kanċer hu t-tieni l-akbar kawża ta' mwiet u għandu prevalenza ta' 3-4% fost il-popolazzjoni li tiżdied għal 10-15% fost l-anzjani; billi kull sena madwar 2.45 miljun ruħ fl-UE jiġu ddijanjostikati bil-kanċer u 1.23 miljun mewt huma rreġistrati; billi l-kanċer fost it-tfal qed jiżdied b'rata ta' aktar minn 1% fis-sena fl-Ewropa,

 

E.   billi l-mard respiratorju kroniku evitabbli bħall-ażżma u l-mard pulmonari ostruttiv kroniku (COPD) jaffettwa lil miljuni ta' persuni fl-Ewropa,

 

F.   billi ma teżisti l-ebda strateġija mifruxa mal-UE jew inizjattiva li hi immirata għat-trattament komprensiv tad-dijabete (Tip 1 u Tip 2), li hu stmat li taffettwa aktar minn 32 miljun ċittadin tal-UE, b'ċifri simili ta' nies li jsofru minn tolleranza difettuża għall-glukosju u li għandhom probabilità għolja ħafna li din twassal għal forma ta' dijabete evidenti klinikament; billi dawn iċ-ċifri huma mistennija li jiżdiedu b'16% sal-2030 kaġun ta' epidemija ta' obeżità, it-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea u fatturi oħrajn li għad iridu jiġu determinati u li għalihom tenħtieġ aktar riċerka,

 

G.  billi l-fatturi li flimkien huma responsabbli għall-maġġoranza tal-mard li ma jitteħidx kroniku huma erba: konsum tat-tabakk, dieta żbilanċjata, konsum tal-alkoħol u n-nuqqas ta' attività fiżika; billi l-espożizzjoni għal tniġġis ambjentali hu l-ħames l-aktar fattur importanti li għandu jiġi kkunsidrat,

 

H.  billi l-konsum tat-tabakk hu l-kawża ewlenija ta' mwiet evitabbli u jwassal għall-mewt ta' wieħed minn kull żewġ persuni li ilhom ħafna jpejpu,

 

I.    billi l-konsum tal-alkoħol, alimentazzjoni ħażina u n-nuqqas ta' attività fiżika jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-riskju ta' żvilupp ta' ċerti tipi ta' mard kardjovaskolari, kanċer u dijabete,

 

J.    billi l-eżerċizzju fiżiku qiegħed jingħata rikonoxximent akbar bħala fattur ewlieni fil-prevenzjoni ta' mard li ma jitteħidx,

 

K.  billi l-maġġoranza ta' mard li ma jitteħidx kroniku hu evitabbli, partikolarment bit-tnaqqis jew l-evitar ta' fatturi ta' riskju ewlenin bħat-tipjip, dieta żbilanċjata, inattività fiżika, konsum tal-alkoħol u l-espożizzjoni għal ċerti sustanzi kimiċi; billi politika ambjentali effikaċi, inkluż l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u standards eżistenti, toffri opportunitajiet ewlenin ta' prevenzjoni,

 

L.   billi l-maġġoranza ta' mard li ma jitteħidx għandu sintomi komuni, bħal uġigħ kroniku u problemi ta' saħħa mentali, li jaffettwaw b'mod dirett lil min ibagħti minnu u lill-kwalità ta' ħajja tiegħu, u għalhekk dan il-mard għandu jiġi indirizzat permezz ta' approċċ komuni u orizzontali li jwassal għal kost-effettività akbar tas-sistemi għall-kura tas-saħħa li jittrattaw dan il-mard,

 

M.  billi l-opportunitajiet għall-prevenzjoni tal-mard għadu mhux sfruttat biżżejjed, għalkemm hu evidenti li strateġiji ta' prevenzjoni għal mard li ma jitteħidx mifruxa mal-popolazzjoni kollha jnaqqsu l-ispejjeż,

 

N.  billi 97% tal-ispejjeż fuq is-saħħa attwalment jintefqu fuq it-trattament, iżda huma biss 3% li jiġu investiti fil-prevenzjoni, u billi l-ispejjeż għat-trattament u l-ġestjoni ta' mard li ma jitteħidx qegħdin jiżdiedu bil-qawwi minħabba d-disponibilità akbar ta' dijanjosi u trattamenti,

 

O.  billi d-WHO tqis iż-żieda f'mard li ma jitteħidx bħala epidemija u tistma li din l-epidemija se twassal għall-mewt ta' 52 miljun persuna sal-2030,

 

P.   billi skont id-dejta mill-Forum Ekonomiku Dinji u l-Iskola għas-Saħħa Pubblika ta' Harvard, bejn l-2005 u l-2030 il-produzzjoni ekonomika dinjija għandha tirreġistra telf ta' EUR 25 triljun minħabba mard li ma jitteħidx,

 

Q.  billi l-mard li ma jitteħidx jista' jxekkel l-istrateġija Ewropa 2020 u jikser id-dritt taċ-ċittadini li jgħixu ħajja b'saħħitha u produttiva,

 

R.   billi l-UE għandha rwol ewlieni xi twettaq fit-tħaffif tal-progress fuq l-isfidi għas-saħħa globali inkluż l-MDGs dwar is-saħħa u l-mard li ma jitteħidx kif dikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-UE fis-saħħa globali,

 

S.   billi kundizzjonijiet ta' qabel it-twelid, inkluż l-espożizzjoni għat-tniġġis ambjentali, għandhom effetti tul il-ħajja fuq bosta aspetti tas-saħħa u l-benesseri, b'mod partikolari r-riskju ta' żvilupp ta' mard respiratorju, u jistgħu jikkontribwixxu għall-kanċer u d-dijabete,

 

T.   billi, filwaqt li n-nies bħala medja qegħdin jgħixu aktar u aktar f'saħħithom mill-ġenerazzjonijiet ta' qabel, l-UE tinsab iffaċċjata, fil-kuntest tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-fenomenu l-ġdid taż-żieda fin-numru ta' persuni f'età avvanzata ħafna, b'epidemija ta' mard kroniku u stati patoloġiċi multipli, kif ukoll mit-theddida konsegwenti jew minn pressjoni akbar fuq is-sostenibilità tas-sistemi nazzjonali għall-kura tas-saħħa,

 

U.  billi l-fatturi soċjo-ekonomiċi huma wkoll determinanti tas-saħħa importanti u jeżistu inugwaljanzi fis-saħħa kemm bejn u fost l-Istati Membri,

 

V.  billi hu stmat li sal-2020 it-tnaqqis previst ta' ħaddiema tas-saħħa pubblika fl-Ewropa li jinkludu tobba, infirmiera, dentisti, spiżjara u fiżjoterapisti għandu jilħaq il-miljun,

 

W. billi l-fatturi soċjali u ambjentali għandhom jiġu identifikati biċ-ċar bħala determinanti tas-saħħa, pereżempju, kull sena t-tniġġis tal-arja jikkaġuna l-mewt ta' 1.6 miljun persuna, u dawn jirrappreżentaw theddida ambjentali ewlenija għas-saħħa fl-Ewropa u jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-għomor u fil-produttività tal-ħajja,

 

X.  billi ċ-ċittadini tal-UE huma mħassba dwar l-impatt potenzjali tal-ambjent fuq saħħithom, bl-effett potenzjali ta' sustanzi kimiċi perikolużi jitqies bħala l-akbar tħassib; filwaqt li pereżempju t-tniġġis minn partiċelli fini hu assoċjat ma' aktar minn 455,000 mewt fis-sena minħabba effetti kardjorespiratorji fis-27 Stat Membru tal-UE,

 

1.   Jitlob għal impenn politiku qawwi mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-UE li jirrifletti s-sinifikat u s-severità ta' epidemja globali ta' mard li jitteħidx;

 

2.   Iħeġġeġ lill-UE tippromwovi mira ambizzjuża għat-tnaqqis tal-mortalità evitabbli minn mard li ma jitteħidx, bħall-mira tad-WHO li tnaqqas b'25% ir-rati ta' mortalità nazzjonali sal-2025 meta mqabbla mar-rati tal-2010;

 

3.   Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri japprovaw il-ħames impenji ewlenin li ġejjin u jinkluduhom fl-istqarrija politika mil-Laqgħa ta' Livell Għoli li għandha tinħareġ min-NU dwar il-mard li ma jitteħidx f'Settembru 2011;

 

      - it-tnaqqis b'25% sal-2025 tal-mortalità evitabbli ta' mard li ma jitteħidx, kif propost    mid-WHO,

 

      - l-implimentazzjoni ta' interventi kost-effettivi u ta' iffrankar ta' spejjeż, inkluż implimentazzjoni mħaffa tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO għall-Kontroll tat-Tabakk, tnaqqis fil-popolazzjoni kollha fil-konsum tal-melħ, taz-zokkor, tax-xaħam saturat u ta' xaħmijiet trans, tnaqqis fil-popolazzjoni kollha fil-konsum tal-alkoħol, u l-promozzjoni fil-popolazzjoni kollha ta' żieda fl-attività fiżika, kif ukoll it-tnaqqis tal-espożizzjoni għat-tniġġis;

 

      - il-monitoraġġ tat-tendenzi fil-mortalità minn mard li ma jitteħidx u ta' fatturi ta' riskju komuni għall-mard li ma jitteħidx,

 

      - l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' responsabilità globali u nazzjonali għall-parteċipanti interessati ewlenin kollha involuti,

 

      - il-ħolqien, fl-2012, ta' sħubija ta' livell għoli li tassisti fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u l-organizzazzjoni ta' laqgħa ta' livell għoli fl-2014 li tivvaluta l-ilħiq tal-impenji;

 

4.   Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw b'mod attiv id-Dikjarazzjoni Politika li għandha tinħareġ wara is-Samit ta' Livell Għoli, li involva l-aġenziji u l-istituzzjonijiet tal-UE rilevanti kollha sabiex tindirizza l-isfidi marbutin mal-mard li ma jitteħidx;

 

5.   Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħtu spinta lill-prevenzjoni primarja, ir-riċerka, id-dijanjosi bikrija u l-ġestjoni tal-iktar erba' forom komuni ta' mard li ma jitteħidx, jiġifieri dawk kardjovaskolari, respiratorji, kanċer u dijabete, inkluż l-identifikazzjoni bikrija ta' individwi b'riskju għoli li jibdew isofru jew imutu minn dan il-mard;

 

6.   Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ integrat u olistiku iċċentrat fuq il-pazjent għal kondizzjonijiet tas-saħħa fit-tul li jinkludi l-prevenzjoni ta' mard u l-promozzjoni tas-saħħa, il-monitoraġġ u l-edukazzjoni dwar dijanjosi bikrija, u l-koordinament tal-kura fl-isptar u fil-komunità;

 

7.   Jitlob l-implimentazzjoni minn età bikrija ta' strateġiji ta' prevenzjoni għal mard li ma jitteħidx;

 

8.   Jinnota li l-politiki li jindirizzaw fatturi ta' imġiba, soċjali, ekonomiċi u ambjentali assoċjati mal-mard li ma jitteħidx għandhom jiġu implimentati malajr u bis-sħiħ biex jiġu żgurati reazzjonijiet effettivi possibbli għal dan il-mard, filwaqt li jkabbru l-kwalità tal-ħajja u l-ekwità tas-saħħa;

 

9.   Jirrikonoxxi li l-mira ewlenija tal-mudelli ta' kura ta' mard kroniku dwar kondizzjonijiet kroniċi avvanzati għandha titmexxa lejn l-indirizzar tan-nies fl-istadji bikrin tal-mard li ma jitteħidx, bl-għan aħħari ikun dak li mhux biss jiġi ġestit il-mard, iżda wkoll biex titjieb il-pronjosi għal min ibagħti minn mard kroniku;

 

10. Jilqa' l-enfasi ta' presidenzi preċedenti tal-UE fuq il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard kroniku li ma jitteħidx inkluż il-prijorità tal-Presidenza Spanjola fuq mard kardjovaskolari u l-konferenzi tal-Presidenza Pollakka dwar "mard respiratorju kroniku fost it-tfal" u "s-Solidarjetà tas-Saħħa – it-tneħħija tad-diskrepanza fis-saħħa fost l-Istati Membri tal-UE";

 

11. Jitlob biex jitwaqqfu protokolli ċari u linji gwida bbażati fuq il-provi għall-aktar mard komuni li ma jitteħidx biex tiġi żgurata l-ġestjoni adegwata tal-pazjent u t-trattament fost il-ħaddiema kollha tal-kura tas-saħħa, inkluż l-ispeċjalisti, it-tobba tal-ewwel kura u infirmiera speċjalizzati;

 

12. Jenfasizza l-ħtieġa għal riċerka u l-edukazzjoni dwar il-mard kroniku fil-livelli kollha, b'mod partikolari dwar l-iktar erba' mard komuni li ma jitteħidx kif ukoll dwar fatturi għat-tnaqqis tar-riskju, interventi fis-saħħa pubblika in ġenerali, u l-interazzjonijiet bejn is-sorsi ta' tniġġis u l-effetti fuq is-saħħa, b'kollaborazzjoni multidixxiplinari dwar il-mard li ma jitteħidx bħala prijiorità ta' riċerka f'dawk ir-reġjuni u l-pajjiżi b'riżorsi adegwati;

 

13. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jikkonformaw mal-istandards tal-UE għall-Kwalità tal-Arja, u biex jimplimentaw il-linji gwida tad-WHO għall-kwalità tal-arja rrakkomandati għall-arja ta' barra u ta' ġewwa, u d-Dikjarazzjoni ta' Parma u l-Impenn ta' Azzjoni tal-2010 li ssemmi l-ħtieġa li jiġu ttrattati l-effetti fuq is-saħħa tat-tibdil fil-klima;

 

14. Jenfasizza l-ħtieġa, mingħajr aktar dewmien, għal rieżami effettiv ta' Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk;

 

15. Jenfasizza l-importanza li l-UE u l-Istati Membri, jintegraw aktar il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' fatturi ta' riskju fl-oqsma leġiżlattivi u ta' politika kollha u b'mod partikolari fil-politiki tal-ambjent, tal-ikel u tal-konsumatur tagħhom, sabiex jiġu implimentati l-objettivi marbutin mal-mard li ma jitteħidx u biex biex jiġu indirizzati l-isfidi għas-saħħa pubblika, soċjali u ekonomiċi;

 

16. Jirikonoxxi li, skont l-Artikolu 168 tat-TFUE, azzjonijiet marbutin ma' kwistjonijiet ta' kura tas-saħħa huma primarjament ir-responsabilità tal-Istati Membri, iżda jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' Strateġija tal-UE dwar mard kroniku li ma jitteħidx, segwiti minn rakkomandazzjoni tal-Kunsill, b'sezzjonijiet individwali dwar l-iktar erba' forom komuni ta' mard li ma jitteħidx, u b'kunsiderazzjoni ta' speċifiċitajiet ta' ġeneru, f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, inkluż il-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa;

 

17. Jitlob li sal-2013, l-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali kontra l-mard li ma jitteħidx, dwar l-iktar erba' forom komuni ta' mard li ma jitteħidx, b'riżorsi ekwivalenti għas-sinifikat tal-piż maħluq mill-mard li ma jitteħidx, u għandhom joħolqu mekkaniżmu ta' koordinament globali ta' livell għoli għal azzjoni kontra l-mard li ma jitteħidx;

 

18. Jinnota li l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali fir-rigward tal-mard li ma jitteħidx, assoċjati mal-iktar prevenzjoni, dijanjosi u ġestjoni effettiva ta' dan il-mard, jistgħu inaqqsu b'mod sinifikanti l-piż ġenerali ta' dan il-mard u b'hekk jikkontribwixxu b'mod pożittiv għaż-żamma tas-sostenibilità ta' sistemi nazzjonali ta' kura tas-saħħa;

 

19. Jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja kontinwament u tirrapporta dwar il-progress madwar l-UE rigward l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta' pjanijiet nazzjonali għall-mard li ma jitteħidx, b'mod partikolari dwar l-iktar erba' forom komuni ta' mard li ma jitteħidx, b'iffukar fuq il-progress imwettaq f'termini ta' prevenzjoni, dijanjosi bikrija, ġestjoni u riċerka tal-mard;

 

20. Jitlob lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex iżidu n-numru ta' persunal mħarreġ tas-saħħa impjegat b'mod effettiv fis-sistemi tas-saħħa sabiex jiffaċċja b'mod aktar effettiv il-piż tal-mard li ma jitteħidx;

 

21. Jenfasizza l-ħtieġa għall-konsistenza u approċċ marbut bejn id-Dikjarazzjoni Politika tan-NU u l-azzjonijiet kontwi tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropej, jiġifieri il-Proċess ta' Riflessjoni mitlub għall-mard kroniku;

 

22. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra u tevalwa l-possibilità ta' estensjoni tal-mandat taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), biż-żieda tal-mard li ma jitteħidx mar-responsabilitajiet tiegħu, filwaqt li jintuża bħala ċentru għall-ġbir ta' dejta u l-iżvilupp tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-mard li ma jitteħidx, u b'hekk jagħti lil min jagħmel id-deċiżjonijiet, lix-xjentisti u lit-tobba dettalji dwar l-aħjar prattiki u għarfien ikbar tal-mard li ma jitteħidx;

 

23. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti prijoritajiet għall-ġbir ċentralizzat tad-dejta sabiex tinkiseb dejta paragunabbli li tippermetti ppjanar u rrakkomandar aħjar madwar l-UE;

 

24. Jitlob li jsir rieżami komprensiv tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Politika tan-NU sal-2014;

 

25. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li delegazzjoni ta' livell għoli tattendi u tippreżenta pożizzjoni tal-UE ambizzjuża u kkoordinata fil-laqgħa tan-NU bejn id-19 u l-20 ta' Settembru 2011;

 

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Ambaxxatur tal-UE fin-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lid-Direttur Ġenerali tad-WHO.

[1] http://whqlibdoc.who.int/publications/2009/9789241597418_eng.pdf
[2] http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0004/77575/RC56_eres02.pdf
[3] http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/64/265&Lang=E
[4] http://www.un.org/en/ga/president/65/issues/moscow_declaration_en.pdf
[5] http://apps.who.int/gb/ebwha/pdf_files/WHA64/A64_R11-en.pdf
[6] http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/66/83&Lang=E
[7] http://www.who.int/gard/publications/GARD%20Book%202007.pdf
[8] http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0011/78608/E93618.pdf
[9] http://www.iarc.fr/en/media-centre/iarcnews/2011/asturiasdeclaration.php
[10] http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0009/87462/E89567.pdf
[11] ĠU C 250E, 25.10.2007. p. 93.
[12] ĠU C 8E, 14.1.2010. p. 97.
[13] ĠU C 175E, 10.7.2008, p. 561.
[14] ĠU C 247E, 15.10.2009, p. 11.
[15] ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 273.
[16] ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.
[17] Testi adottati, P7_TA(2010)0400
[18] Testi adottati, P7_TA(2011)0081
[19] Testi adottati, P7_TA(2010)0152
[20] Testi adottati, P7_TA(2010)0154
[21] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2004:213:0008:0024:EN:PDF
[22] www.consilium.europa.eu/uedocs/NewsWord/en/lsa/80729.doc
[23] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2007:301:0003:0013:en:PDF
[24] http://cordis.europa.eu/documents/documentlibrary/90798681EN6.pdf
[25] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/118282.pdf
[26] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/122395.pdf
[27] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/114352.pdf