Dokument ta' sessjoni
12.9.2011 B7‑0490/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-karestija fl-Afrika tal-Lvant
Charles Tannock, Jan Zahradil, James Nicholson, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Valdemar Tomaševski, Johannes Cornelis van Baalen, Adam Bielan, Michał Tomasz Kamiński,
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-karestija fl-Afrika tal-Lvant
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Qarn tal-Afrika,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-konferenza tad-donaturi f’Addis Ababa, tal-25 ta' Awwissu 2011;
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-NU,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-NU ddikjarat li 750 000 jinsabu f’periklu imminenti li jmutu bil-guħ fl-erba’ xhur li ġejjin u 13.3 miljun persuna fis-Somalja, l-Etjopja, l-Eritrea, il-Kenja u d-Djibouti jinsabu fi bżonn urġenti ta’ għajnuna ta’ emerġenza,
B. billi s-sitwazzjoni fil-Qarn tal-Afrika tqieset bħala l-aktar kriżi serja tal-inċertezza tal-ikel fid-dinja kemm f’termini ta’ kobor kif ukoll ta’ severità,
C. billi f’xi postijiet, ir-rati ta’ malnutrizzjoni huma aktar minn tliet darbiet il-livelli ta’ emerġenza, u għaxriet ta’ eluf ta’ persuni huma maħsuba li diġà mietu; billi ġie previst li s-sitwazzjoni fil-Qarn se tmur għall-agħar qabel titjieb, bis-sitwazzjoni, prevista li tkun fl-agħar tagħha f’Ottubru 2011 mingħajr perspettiva ta’ rkupru qabel l-2012,
D. billi fir-reġjun, il-kriżi marret għall-agħar minħabba l-kunflitt kontinwu u n-nuqqas ta’ sigurtà, il-prezzijiet għolja tal-ikel, it-tibdil fil-klima, it-tkabbir demografiku, in-nuqqas ta’ infrastruttura u t-tnaqqis tar-riżorsi naturali,
E. billi l-impatt tan-nixfa fuq il-bhejjem evolva b'mod negattiv matul dawn l-aħħar sitt xhur minn produzzjoni fqira tal-bhejjem għad-deterjorament tal-kundizzjonijiet fiżiċi tal-bhejjem,
F. billi s-Somalja b’mod partikolari kienet l-aktar pajjiż milqut, b’1.4 miljun persuna spustjati internament, fejn aktar minn nofs il-popolazzjoni tinsab dipendenti fuq l-għajnuna alimentari; billi l-UNICEF irrapurtat li 780 000 tifel u tifla qed ibagħtu minn malnutrizzjoni qawwija fin-Nofsinhar tas-Somalja,
G. billi skont il-FAO l-għadd ta’ Somali fi bżonn ta’ għajnuna umanitarja żdied minn 2.4 miljun għal 4 miljuni fit-tmien xhur li għaddew, bi tliet miljuni minnhom fin-Nofsinhar tal-pajjiż,
H. billi s-sitwazzjoni umanitarja fis-Somalja qed tmur għall-agħar minħabba l-governanza batuta u l-konflitt li hemm bejn ir-ribelli u t-truppi tal-gvern; billi l-grupp militanti, al-Shabab jikkontrolla bosta żoni fejn ġiet iddikjarata l-karestija u ma wriex flessibilità biex iħalli l-aġenziji ta’ għajnuna mill-punent jidħlu fiż-żona, li dan qed ifixkel ħafna l-isforzi ta’ għajnuna,
I. billi l-kisbiet militari magħmula mill-forzi tal-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni u l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja qed jipprovdu xi grad ta’ sigurtà – l-għajnuna ma tistax tilħaq lill-benefiċjarji fil-mira minħabba n-nuqqas ta’ stabilità politika u sigurtà,
J. billi aktar minn 860 000 refuġjat ħarbu mis-Somalja lejn pajjiżi ġirien, b’mod partikolari lejn il-Kenja u l-Etjopja, biex ifittxu s-sigurtà, l-ikel u l-ilma, hekk li l-kamp tar-refuġjati f’Dadaab fil-Kenja kien miżgħud b’aktar minn 420 000 ruħ,
K. billi 80% tar-refuġjati huma nisa u tfal li ħafna minnhom isofru vjolenza sesswali u intimidazzjoni tul it-triq lejn il-kampijiet tar-refuġjati jew fihom stess,
L. billi l-mard bħall-kolera, il-ħosba u l-malarja jirrappreżenta theddida dejjem akbar għall-popolazzjoni mdgħajfa u li ż-żieda tal-flussi ta’ appoġġ fil-qasam tas-saħħa, l-ilma u l-iġjene meħtieġa b’mod urġenti,
M. billi l-UE impenjat €158 miljun għall-għajnuna umanitarja fl-2011, flimkien ma’ €440 miljun mill-Istati Membri, li jiżdiedu ma’ aktar minn €680 miljun għar-reġjun bħala għajnuna għal terminu twil ta’ żmien fl-oqsma tal-agrikultura, l-iżvilupp rurali u s-sikurezza alimentari sal-2013,
N. Billi l-mexxejja tal-Unjoni Afrikana (AU) wiegħdu aktar minn US$350 miljun, għall-operazzjoni umanitarja,
O. billi ż-żieda fir-rapidità tar-rispons ta’ emerġenza hi ta’ importanza vitali biex ikunu indirizzati l-bżonnijiet umanitarji eżistenti u jkun evitat deterjorament addizzjonali; billi n-nuqqas operattiv totali matul s-sitt xhur li ġejjin għal operazzjonijiet tal-Programm Dinji tal-Ikel (PDI) marbuta man-nixfa li jkopru d-Djibouti, l-Etjopja, il-Kenja u s-Somalja huwa ta’ USD 190 miljun,
P. billi l-impatt tat-tibdil fil-klima kellu effetti serji fuq il-produzzjoni tal-uċuħ fir-reġjun, li flimkien mat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali u ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-fjuwil bagħtu lura t-tnaqqis tal-faqar u l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju,
Q. jirrikonoxxi li żieda fil-piraterija fl-Oċean Indjan qed tfixkel sew il-provvisti lejn ir-reġjun u minnu,
1. Jesprimi l-akbar mogħdrija għat-telf ta’ ħajja u t-tbatija fir-reġjun. Jitlob għal żieda fil-mobilizzazzjoni tal-għajnuna min-naħa tal-Istati Membri għal żoni fejn il-karestija hija qawwija ħafna biex ikunu provduti għajnuna alimentari, kura tas-saħħa, ilma nadif u provvisti għall-iġjene lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli;
2. Jitlob lill-awtoritajiet u l-fazzjonijiet kollha fir-reġjun biex jippermettu l-ftuħ ta’ passaġġi umanitarji sabiex l-ikel u l-għajnuna jkunu jistgħu jittieħdu aktar ’il ġewwa fir-reġjuni milquta;
3. Jirrikjedi li l-partijiet kollha jwaqqfu immedjatament l-abbużi kontra ċ-ċivili, speċjalment nisa u tfal u li dawk li jwettqu dawn l-atti jwieġbu għal għemilhom, u jiżguraw l-aċċess għall-għajnuna u l-moviment ħieles tal-persuni kollha li jaħarbu mill-konflitt jew min-nixfa;
4. Jikkundanna bis-saħħa r-rwol tal-grupp Islamista militanti, al-Shabab fit-tfixkil tal-ħidma tal-aġenziji ta’ għajnuna u d-DPI fil-proċess ta’ twassil tal-għajnuna alimentari lil kemm jista’ jkun mill-popolazzjoni kemm huwa operattivament possibbli;
5. Jitlob li fil-ġejjieni l-komunità internazzjonali tiffoka l-programmi ta' għajnuna tagħha fuq żewġ livelli, l-ewwel billi tmantni r-rispons għall-kriżi umanitarja u t-tieni billi twettaq aktar sforzi fuq medda twila ta' żmien biex tiżgura li l-popolazzjonijiet ikunu aktar reżistenti matul perjodi ta' nixfa sabiex tkun evitata t-tbatija tal-bniedem fil-ġejjieni;
6. Jirrikonoxxi li fil-Qarn tal-Afrika, hemm bżonn strateġija kuraġġuża li tiżgura kemm l-irkupru kif ukoll ir-reżistenza waqt li jitqiesu l-ambjent, il-fatturi ekonomiċi tal-għejxien pastorali u nomadiku, it-tibdil demografiku, l-ekwità fl-infiq għall-iżvilupp, il-governanza soda u l-bżonn li tkun evitata d-dipendenza;
7. Jilqa’ l-impenji tal-Unjoni Afrikana għall-operazzjoni umanitarja li tinkludi l-missjoni taż-żamma tal-paċi AMISOM, iżda jiddispjaċih li 9 000 forzi taż-żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana biss ġew mibgħuta s’issa fis-Somalja flok l-20 000 imwiegħda;
8. Jilqa’ l-impenji tal-UE u l-Istati Membri tagħha. ifakkar, madankollu, li l-appell ta' emerġenza tan-NU għadu USD biljun inqas minn dak li hu meħtieġ; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji tagħha;
9. Jirrikonoxxi li sabiex fil-ġejjieni jkunu evitati l-karestija u l-kriżi tal-inċertezza tal-ikel fir-reġjun, l-Istati Membri u l-komunità internazzjonali għandhom isaħħu s-settur agrikolu u jħaffu l-investimenti fl-iżvilupp rurali;
10. Jirrikonoxxi s-Somaliland bħala forza prinċipali għall-istabilità, is-sigurtà u t-tkabbir fil-Qarn tal-Afrika; jifraħ lit-territorju awtonomu demokratiku indipendenti għar-rwol ta’ oppożizzjoni għal al-Shabab u għall-ġlieda kontra l-piraterija fir-reġjun;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u s-Segretarju Ġenerali, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-pajjiżi tal-IGAD, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE, lill-Presidenza tal-G20 u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.