Dokument ta' sessjoni
5.10.2011 B7‑0532/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsijiet b’talba għal tweġiba orali B7-0440/2011 , B7-0621/2011 u B7-0439/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma' Schengen
Marian-Jean Marinescu, Andrey Kovatchev, Carlos Coelho, Manfred Weber, Simon Busuttil, Monica Luisa Macovei, Mariya Nedelcheva, Elena Oana Antonescu, Georgios Papanikolaou, Véronique Mathieu
f'isem il-Grupp PPE
Claude Moraes, Ioan Enciu, Iliana Malinova Iotova, Liisa Jaakonsaari
f'isem il-Grupp S&D
Renate Weber, Sophia in ‘t Veld, Alexander Alvaro, Cecilia Wikström, Sarah Ludford, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Stanimir Ilchev, Louis Michel, Metin Kazak, Sonia Alfano, Gianni Vattimo, Nathalie Griesbeck
f'isem il-Grupp ALDE
Tatjana Ždanoka, Judith Sargentini
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Cornelia Ernst
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma' Schengen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Barranin tad-9 u l-10 ta’ Ġunju 2011, li sar fil-Lussemburgu[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u s-25 ta' Ġunju 2011[3],
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tad-29 ta' Settembru 2011 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija fiż-żona Schengen ( O-000224/2011 – B7 0440/2011, O-000225/2011 – B7 0621/2011, O-000223/2011 – B7 0439/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-moviment ħieles tal-persuni huwa dritt fundamentali ggarantit liċ-ċittadini tal-UE mit-Trattati;
B. billi l-ħolqien taż-żona Schengen u l-integrazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-UE huwa wieħed mill-akbar kisbiet tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropew;
C. billi r-Rumanija u l-Bulgarija ssodisfaw il-kriterji kollha sabiex jagħlqu b'suċċess il-proċess ta' valutazzjoni ta' Schengen;
D. billi l-preparazzjoni taż-żewġ pajjiżi sabiex jaderixxu ma' Schengen ġiet iċċertifikata mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 u mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2011;
E. billi, matul il-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2011, il-kapijiet tal-istat u tal-gvern qablu li d-deċiżjoni dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija għandha tittieħed mhux aktar tard minn Settembru 2011;
F. billi d-deċiżjoni dwar l-adeżjoni tar-Rumanija u tal-Bulgarija ġiet posposta minħabba li l-Kunsill naqas milli jagħmel votazzjoni waqt il-laqgħa tiegħu tat-22 ta' Settembru 2011;
1. Jirrimarka li ż-żewġ pajjiżi t-tnejn irridisinjaw u rriorganizzaw mill-qiegħ s-sistemi tagħhom ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri billi investew kunsiderevolment fl-awtoritajiet tagħhom ta' infurzar tal-liġi, inkluż l-għoti ta' taħriġ u tal-aħħar teknoloġija, u saħħew b'mod viżibbli l-oqfsa istituzzjonali u legali tagħhom, fatt li huwa rikonoxxut fir-rapporti kollha ta' valutazzjoni ta' Schengen;
2. Jinnota l-appoġġ u s-solidarjetà kontinwi murija mill-Bulgarija u r-Rumanija bħala sħab affidabbli fix-Xlokk tal-Ewropa, flimkien mal-kontribut kontinwu tagħhom għas-sigurtà tal-fruntieri f'din il-parti tal-UE;
3. Jenfasizza li ż-żewġ pajjiżi implimentaw bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen, li – skont it-Trattat ta' Adeżjoni tagħhom u l-qafas legali eżistenti tal-UE – huwa l-uniku prerekwiżit għall-adeżjoni tagħhom maż-żona ta' Schengen;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jieħdu d-deċiżjoni u jkabbru ż-żona ta' Schengen sabiex tinkludi l-Bulgarija u r-Rumanija abbażi tal-acquis u l-proċeduri ta' Schengen biss; jemmen li ma jistgħux jiġu imposti kriterji addizzjonali fuq Stati Membri li diġà jinsabu fil-proċess li jingħaqdu maż-żona ta' Schengen;
5. Itenni l-appoġġ tal-Parlament biex iż-żona ta' Schengen titkabbar ħalli tinkludi l-Bulgarija u r-Rumanija, u jistieden lill-Kunsill Ewropew jipproċedi skont it-Trattat tal-UE u jieħu l-miżuri neċessarji kollha biex ir-Rumanija u l-Bulgarija jkunu jistgħu jaderixxu maż-żona Schengen;
6. Jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom skont il-qafas legali tal-UE fir-rigward tal-kriterji tal-adeżjoni ta' Schengen, u biex ma jagħtux prijorità lill-populiżmu nazzjonali;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.