Dokument ta' sessjoni
11.10.2011 B7‑0534/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar it-tħejjija għal-laqgħa għall-Kunsill Ewropew (23 ta' Ottubru 2011)
Joseph Daul, Corien Wortmann-Kool
f'isem il-Grupp PPE-DE
Martin Schulz, Stephen Hughes, Udo Bullmann
f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt, Sylvie Goulard
f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Philippe Lamberts
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (it-23 ta' Ottubru 2011)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tat-28 ta' Settembru 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jemmen li l-Kunsill Ewropew li jmiss huwa ta' importanza kbira u jrid finalment u deċiżivament juri t-triq għall-futur;
2. Jistieden lill-President tal-Kummissjoni biex iressaq pjan komprensiv b' indikazzjoni direzzjonali ċara li tindika fażijiet distinti għall-implimentazzjoni tiegħu;
3. Jinsisti li pjan bħal dan għandu jkun ibbażat totalment fuq il-metodu Komunitarju u jipprevedi l-użu ta' arranġamenti istituzzjonali eżistenti tal-UE;
4. Jenfasizza l-bżonn li pjan bħal dan ikollu skadenzi ċari sabiex jerġa' jġib il-fiduċja u juri t-triq għall-futur;
5. Iqis li pjan bħal dan għandu jinkludi tal-anqas dawn l-elementi:
- pjan tal-UE għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek Ewropej,
- il-Komunitizzazzjoni tal-EFSF u l-ESM futur, u evalwazzjoni dwar jekk il-mezzi disponibbli u ppjanati humiex se jkunu biżżejjed sabiex irażżnu l-kriżi tad-dejn sovran;
- pjan Ewropew sinifikanti għat-tkabbir, l-investiment u l-impjiegi li jinkludi wkoll bonds tal-proġetti;
- mezzi sabiex itejbu l-isforzi tal-Istati Membri biex jikkoordinaw u jarmonizzaw elementi tas-sistemi fiskali tagħhom, inklużi mizuri kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxi;
- proposta għal mekkaniżmu aktar rapidu u qawwi li jippermetti lill-Kummissjoni tinforza l-acquis tas-Suq Uniku fl-Istati Membri,
- governanza ekonomika għaż-żona tal-euro ibbażata fuq il-metodu Komunitarju,
- proposti għall-ikkompletar tar-reviżjoni globali tar-regolament tas-suq finanzjarju sabiex tagħmel l-ekonomija tal-UE aktar flessibbli fi kriżijiet futuri;
- rapport dwar it-twaqqif ta' sistema komuni ta' ħruġ ta' bonds sovrani Ewropej (ewrotitoli) abbażi ta' responsabilità in solidum qabel tmien l-2011. Dawn l-ewrotitoli jkollhom l-għan li jsaħħu d-dixxiplina fiskali u jqawwu l-istabilità fiż-żona tal-euro permezz tas-swieq, kif ukoll li, billi jisfruttaw iż-żieda fil-likwidità, jiżguraw li l-Istati Membri li jgawdu l-ogħla klassifikazzjonijiet ta' kreditu ma jkunux penalizzati b'rati ogħla tal-imgħax;
6. Jenfasizza li l-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà ta’ rendikont ta' pjan bħal dan u ta' kwalunke miżura relatata jeħtieġ li jkunu żgurati permezz tal-involviment tal-Parlament Ewropew, partikolarment fir-rigward tat-twaqqif ta' governanza ekonomika;
7. Se jevalwa r-riżultat tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.