Dokument ta' sessjoni
24.10.2011 B7‑0543/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
sabiex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi-President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-iżviluppi attwali fl-Ukraina
Johannes Cornelis van Baalen, Adina-Ioana Vălean, Marietje Schaake, Jelko Kacin, Leonidas Donskis, Gerben-Jan Gerbrandy
f’isem il-grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi attwali fl-Ukraina
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni li tiġi posposta l-laqgħa tal-President Yanukovych mal-President Barroso u mal-President Van Rompuy, skedata uffiċjalment għall-20 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra l-verdett tal-Qorti Distrettwali ta' Pechersk fl-Ukraina fil-kawża tas-Sa. Yulia Tymoshenko, maħruġa fil-11 ta' Otubru 2011, u t-tieni kawża kriminali miftuħa kontra Yulia Tymoshenko mis-Servizzi ta' Sigurtà tal-Ukraina, kif imħabbar fit-13 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton f'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-verdett fil-kawża ta' Yulia Tymoskenko tal-11 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata matul is-Samit UE-Ukraina fi Brussell fit-22 ta' Novembru 2010,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali u r-Rakkomandazzjonijiet maħruġa wara l-laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina, li saret fil-15 u s-16 ta' Marzu 2011 fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-presidenza tal-Ukraina fil-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, minn Mejju sa Novembru 2011,
– wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-abbozz ta' liġi dwar l-elezzjoni tad-deputati tal-poplu fl-Ukraina, maħruġa fis-17 ta' Ottubru 2011,
– wara li kunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sħubija tal-Lvant imnedija fi Praga fis-7 ta’ Mejju 2009,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni mfassal sabiex jieħu post l-FSK,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ukraina hija pajjiż Ewropew, u d-daqs, riżorsi, popolazzjoni u l-qagħda ġeografika tagħha jagħtuha pożizzjoni partikolari fl-Ewropa u jagħmluha protagonista reġjonali ewlenija kif ukoll pajjiż strateġiku importanti għall-UE;
B. billi l-President tal-Ukraina Viktor Yanukovych iddikjara bosta drabi d-determinazzjoni tiegħu li jaderixxi mal-valuri Ewropej kif stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Ukraina bħalissa qed tippresiedi l-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa;
C. billi l-istat tad-dritt u l-libertajiet demokratiċi fundamentali għadhom mhedda fl-Ukraina; u barra minn hekk, il-korruzzjoni għadha mifruxa u sistematika;
D. billi l-kundanna reċenti ta' Yulia Tymoshenko, il-priġunerija kontinwa tagħha kif ukoll tal-ministri u l-uffiċjali għoljin tal-gvern tagħha, jagħtu prova tan-nozzjoni meqjusa b'mod vast li dawn il-proċessi ġudizzjarji huma motivati politikament, u għalhekk imorru kontra l-prinċipji fundamentali tal-istat tad-dritt;
E. billi l-gvern tal-Ukraina intrabat li jagħmel għadd ta' riformi legali li jagħmlu l-liġi privata u pubblika Ukraina konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali;
F. billi l-istat tad-dritt huwa essenzjali għar-rabtiet bejn l-UE u l-Ukraina b'mod ġenerali, u għall-vijabilità tal-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina b'mod partikolari;
G. billi l-opinjoni konġunta tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa turi bżonn qawwi ta' konsultazzjoni mal-partiti fl-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili dwar il-bidla fis-sistema elettorali, it-twaqqif ta' limiti għall-kisba tal-mandati u l-projbizzjoni tal-blokkijiet;
H. billi ż-żjara posposta tal-President Yanukovich ma ppermettietx li l-Unjoni Ewropea tesponi direttament it-tħassib tagħha rigward l-istat tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Ukraina;
1. Jenfasizza li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina huma bbażati fuq valuri u storja komuni u li l-UE irrikonoxxiet l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina u laqgħet l-għażla Ewropea tagħha; jinnota li l-profondità tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina se tkun iddeterminata mill-implimentazzjoni ta' riformi u minn konsolidazzjoni ulterjuri ta' valuri komuni;
2. Jinsab imħasseb dwar l-istat li dejjem qed immur għall-agħar tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fl-Ukraina; iqis li dawn huma essenzjali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina b'mod ġenerali u għall-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni b'mod partikolari;
3. Jikkundanna n-natura motivata politikament tal-kundanna attwali u tal-persekuzzjoni li għadha għaddejja ta' Yulia Tymoshenko; jitlob sabiex tinħeles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, u li l-akkużi kriminali kollha kontriha jitwaqqgħu; jinsisti li Yulia Tymoshenko għandha titħalla teżerċta d-dritt tagħha li tipparteċipa bis-sħiħ fil-proċess politiku sa minn issa stess u fl-elezzjonijiet li jmiss fl-Ukraina;
4. Jinnota li l-eks Ministru tal-Intern Yuriy Lutsenko ilu arrestat mis-26 ta' Diċembru 2010 mingħajr ma nħarġet sentenza ġudizzjarja, u li l-miżuri preventivi użati kontrih mhumiex adegwati għar-reat li huwa allegatament wettaq; iqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-kawżi kollha relatati mal-gvern Tymoshenko u mal-uffiċjali għoljin tiegħu jiġu trattati b'mod mgħaġġel u trasparenti skont il-prinċipji bażiċi tal-istat tad-dritt u tal-ġudikatura indipendenti;
5. Jappoġġa l-inizjattiva tal-Verkhovna Rada biex jiġi rivedut il-Kodiċi Penali tal-Ukraina sabiex jinġieb f'konformità mal-istandards internazzjonali u Ewropej, u jinsab konvint li d-dekriminalizzazzjoni tal-Artikoli 364 u 365 tikkontribwixxi għal dan l-objettiv;
6. Jappoġġa bis-saħħa r-rakkomandazzjonijiet espressi fl-opinjoni konġunta tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-OSKE/ODIHR dwar l-abbozz preliminari tal-liġi elettorali; Iqis li huwa essenzjali li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu adottati u implimentati b'mod mgħaġġel, inklussiv u komprensiv li jinvolvi kemm lill-oppożizzjoni kif ukoll lis-soċjetà ċivili;
7. Jinsab imħasseb dwar l-għadd dejjem jikber ta' rapporti kredibbli dwar ksur tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jitlob lill-awtoritajiet biex jinvestigaw bir-reqqa dwar ir-rapporti kollha ta' ksur tad-drittijiet u l-libertajiet, iġibu lil min iwettaq dan il-ksur quddiem il-ġustizzja u jirmedjaw għal kwalunkwe ksur verifikat;
8. Jinsab imbeżża' dwar rapporti rigward id-deterjorazzjoni fil-libertà tal-midja u fil-pluraliżmu fl-Ukraina; Jitlob lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipproteġu l-aspetti essenzjali ta' soċjetà demokratika u biex ma jwettqu l-ebda kontroll, la dirett u lanqas indirett, tal-kontenut imxandar fil-midja nazzjonali;
9. Jinsab imħeġġeġ mill-progress li sar fil-proċess tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, b'mod partikolari l-aspetti profondi u komprensivi taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles (DCFTA); jinnota li l-finalizzazzjoni tan-negozjati dwar il-Ftehim tiddependi unikament fuq l-impenn u r-rieda politika tal-gvern Ukrain li jirrispetta l-prinċipji mħaddna fil-Ftehim kif ukoll fid-dispożizzjonijiet tiegħu, partikolarment dawk li jirreferu għall-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura;
10. Iqis li l-laqgħa reċentement posposta mal-President Yanukovych kienet opportunità importanti biex jiġi trattat tħassib serju fir-rigward tal-gvern Ukrain u t-twaqqif mill-ġdid ta' djalogu kostruttiv li jista' jwassal biex jinbeda Ftehim ta' Assoċjazzjoni, sakemm isir progress sinifikanti kemm fir-rigward ta' ostakoli tekniċi kif ukoll ta' ostakoli politiċi essenzjali li għadhom jeżistu; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiskedaw mill-ġdid il-laqgħa reċentement posposta mal-President Yanukovych qabel is-Samit UE-Ukraina li qed jiġi ppjanat għal Diċembru 2011;
11. Jagħti istruzzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.