Dokument ta' sessjoni
14.11.2011 B7‑0588/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-projbizzjoni tal-munizzjonijiet tat-tferrix
Ulrike Lunacek, Reinhard Bütikofer, Tarja Cronberg, Barbara Lochbihler, Raül Romeva i Rueda, Carl Schlyter, Keith Taylor, Malika Benarab-Attou
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-projbizzjoni tal-munizzjonijiet tat-tferrix
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix (Convention on Cluster Munitions, CCM), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010, approvata minn 111-il stat fit-8 ta' Novembru 2011 (108 firmatarji, fosthom 3 Stati Membri tal-UE, 63 ratifikazzjoni, fosthom 19-il Stat Membru tal-UE u 3 adeżjonijiet),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar Projbizzjonijiet u Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta' Ċerti Armi Konvenzjonali li jistgħu jitqiesu li huma ta' Ħsara Eċċessiva jew li għandhom Effetti Indiskriminati (CCW), li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Diċembru 1983, u wara li kkunsidra l-emendi u l-protokolli addizzjonali (I-V), u l-fatt li fit-8 ta’ Novembru 2011, 50 Stat iffirmaw il-Konvenzjoni filwaqt li 114-il Stat kienu Stati Partijiet tagħha,
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix tas-26 ta’ Awwissu 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2010 dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar Munizzjonijiet tat-Tferrix(CCM) u r-rwol tal-UE[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni[3], ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-iżvilupp tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona[4] u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-Progress rigward il-Ġlieda Kontra l-Mini[5],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-munizzjonijiet tat-tferrix jippreżentaw riskji serji għaċ-ċivili, minħabba li tipikament jinfirxu letalment fuq medda ta’ art kbira, u billi fil-kuntesti ta' wara l-kunflitti l-użu ta' dawn il-munizzjonijiet ikkawża bosta korrimenti u mwiet traġiċi fost iċ-ċivili, ladarba s-sottomunizzjonijiet mhux sploduti li jitħallew spiss isibuhom it-tfal u nies innoċenti oħra li ma jkunux konxji mill-periklu;
B. billi l-appoġġ tal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, ta’ inizjattivi parlamentari u ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kien deċiżiv biex ġie konkluż b'suċċess il-"Proċess ta' Oslo" li rriżulta fil-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix (CCM); billi s-CCM illum għandha 66 Stat Parti, fosthom 17-il Stat Membru tal-UE u 5 pajjiżi fi triqithom lejn l-adeżjoni;
C. billi s-CCM tipprojbixxi l-użu, l-iżvilupp, il-produzzjoni, l-akkwist b’xi mod ieġor, il-ħżin, iż-żamma jew it-trasferiment lil kwalunkwe persuna, direttament jew indirettament, u l-assistenza, inkoraġġiment jew il-provokazzjoni lil xi persuna biex twettaq xi attività pprojbita lil Stat Parti skont il-Konvenzjoni;
D. billi s-CCM tiddefinixxi l-vittmi tal-munizzjonijiet tat-tferrix bħala l-persuni kollha li nqatlu jew ġarrbu korrimenti fiżiċi jew psikoloġiċi, danni ekonomiċi, marġinalizzazzjoni soċjali jew tnaqqis sostanzjali fil-ħila li jgawdu d-drittijiet tagħhom minħabba l-użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix fosthom dawk il-persuni milquta direttament mill-munizzjonijiet tat-tferrix kif ukoll il-familji u l-komunitajiet affettwati tagħhom;
E. billi s-CCM tiddefinixxi l-munizzjonijiet tat-tferrix bħala munizzjonijiet maħsuba biex iferrxu jew jirrilaxxaw sottomunizzjonijiet splussivi, li kull wieħed minnhom jiżen anqas minn 20 kilogramma;
F. billi s-CCM tesiġi li jinqerdu l-munizzjonijiet tat-tferrix kollha malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard minn tmien snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni għal dak l-Istat Parti u li Stat Parti jista’, f’ċirkostanzi speċjali, jitlob li jingħata estensjonijiet addizzjonali sa erba' snin;
G. billi s-CCM tistabbilixxi standard umanitarju ġdid għall-assistenza tal-vittmi, fosthom dawk il-persuni milquta direttament mill-munizzjonijiet tat-tferrix kif ukoll il-familji u l-komunitajiet affettwati tagħhom;
H. billi fil-kuntest tas-CCW l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix jipprojbixxi biss l-użu, l-akkwist, il-ħżin u ż-żamma ta’ munizzjonijiet tat-tferrix magħmula qabel l-1 ta’ Jannar 1980 u wara perjodu ta’ differiment li jista’ jdum sa 12-il sena, jipprojbixxi xi munizzjonijiet tat-tferrix oħra magħmula wara l-1 ta’ Jannar 1980, iżda b’eċċezzjoni ta’ dawk il-munizzjonijiet tat-tferrix li għandhom mill-inqas waħda mis-salvagwardji li ġejjin: (a) mekkaniżmu ta’ awtodestruzzjoni jew awtonewtralizzazzjoni; (b) element ta’ awtodeattivazzjoni; jew (c) żewġ mekkaniżmi ta’ inizzjazzjoni jew aktar, li mill-inqas wieħed minnhom jiffunzjona bħala mekkaniżmu ta’ awtodestruzzjoni; billi l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-munizzjonijiet tat-tferrix jipprovdi wkoll eċċezzjoni għal kwalunkwe munizzjon tat-tferrix li jinkorpora mekkaniżmu jew disinn li, wara li jinfirex, jirriżulta f’mhux aktar minn 1% munizzjon mhux splodut fil-firxa kollha ta’ ambjenti operattivi intenzjonati;
I. billi l-munizzjonijiet tat-tferrix b’mekkaniżmu ta’ salvagwardja wieħed biss urew li mhumiex affidabbli għax iħallu għadd kbir ta’ sottomunizzjonijiet mhux sploduti fl-art u kkawżaw diversi mwiet fis-snin riċenti;
J. billi l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix ma jipprovdix standard tekniku li jeżisti qbil dwaru li hu trasparenti u li jista’ jiġi verifikat dwar ir-rati tal-fallimenti;
K. billi kważi l-Munizzjonijiet tat-Tferrix kollha li ntużaw f’kunflitti riċenti u li wrew li kellhom impatt umanitarju qawwi fuq popolazzjonijiet ċivili, mhumiex ipprojbiti taħt l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix;
L. billi l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix mhuwiex kompatibbli u mhuwiex kumplimentari mas-CCM;
M. billi l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix jistipula obbligazzjonijiet li huma aktar dgħajfa minn xi politiki nazzjonali adottati diġà;
N. billi l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix jista’ jwassal għal żieda fl-użu ta’ Munizzjonijiet tat-Tferrix li huma magħrufa li jikkawżaw ħsara inaċċettabbli liċ-ċivili billi jipprovdi qafas legali speċifiku internazzjonali għal dan it-tip ta’ użu;
O. billi l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix se joħloq preċedent perikoluż għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali billi joħloq sitwazzjoni bla preċedent bi standard internazzjonali aktar baxx adottat wara li l-maġġoranza tan-nazzjonijiet tad-dinja qablu dwar standard ogħla, meta d-Dritt Umanitarju Internazzjonali għandu jkun kumulattiv u joffri protezzjoni dejjem akbar liċ-ċivili;
P. billi l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix jista’ jagħmel ħsara lill-kredibilità u r-reputazzjoni tas-CCW billi joħloq liġi umanitarja alternattiva u regola aktar dgħajfa;
Q. billi hemm dubji serji dwar il-konsistenza, u anke l-legalità ta’ Stati Partijiet tas-CCM li jipparteċipaw f’dawn in-negozjati li għandhom l-għan li jkattru l-użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix, filwaqt li s-CCM tesiġi l-iskoraġġiment ta' kull tip ta' użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix u tinkoraġġixxi l-adeżjoni għas-CCM;
R. billi l-Abbozz ta’ Protokoll (VI) dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix jista’ jfixkel l-isforzi għall-kisba ta’ aderenza universali mas-CCM;
1. Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex la jadottaw, la japprovaw u lanqas sussegwentement jirratifikaw kwalunkwe protokoll għall-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW) li jippermetti l-użu ta' munizzjonijiet tat-tferrix li huma pprojbiti mis-CCM, u jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE jaġixxu kif xieraq fir-Raba’ Konferenza ta’ Rieżami tas-CCW, li għandha ssir mill-14 sal-25 ta’ Novembru 2011 f’Ġinevra;
2. Jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati tal-UE li mhumiex Parti fil-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix biex jaderixxu b’urġenza mas-CCM, u jistieden lill-Istati firmatarji tas-CCM jirratifikawha malajr kemm jista' jkun;
3. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE li għadhom ma ngħaqdux mas-CCM iżda li jixtiequ jnaqqsu l-impatt umanitarju tal-munizzjonijiet tat-tferrix, biex jieħdu miżuri nazzjonali b'saħħithom u trasparenti sakemm isseħħ l-adeżjoni, fosthom l-adozzjoni ta’ moratorju dwar l-użu, il-produzzjoni u t-trasferiment ta’ munizzjonijiet tat-tferrix u biex, b'urġenza, jibdew jeqirdu l-ħażniet ta’ munizzjonijiet tat-tferrix;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE firmatarji tas-CCM biex jieħdu kull opportunità biex iħeġġu Stati li mhumiex parti fis-CCM jaderixxu mal-Konvenzjoni malajr kemm jista' jkun, inkluż permezz ta' laqgħat bilaterali, djalogu bejn is-servizzi militari u fora multilaterali, u biex, skont l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 21 tas-CCM, jagħmlu ħilithom kollha ħalli jiskoraġġixxu lil Stati mhux parti fil-Konvenzjoni milli jużaw munizzjonijiet tat-tferrix;
5. Iħeġġeġ lill-Istati kollha jieħdu sehem fil-laqgħat intersessjonali tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-Tferrix f’Ġinevra mis-16 sad-19 ta’ April 2012 u fit-Tielet Laqgħa tal-Istati Partijiet, li se ssir f’Oslo mill-10 sal-14 ta’ Settembru 2012;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jwettqu miżuri ħalli jibdew jimplimentaw il-Konvenzjoni inkluż billi jeqirdu l-ħażniet, iwettqu tindif u jipprovdu għajnuna lill-vittmi, u biex jikkontribwixxu għall-finanzjament jew għal forom differenti ta' assistenza lil Stati oħrajn li jixtiequ jimplimentaw il-Konvenzjoni;
7. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu l-projbizzjoni tal-munizzjonijiet tat-tferrix bħala klawsola standard fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, flimkien mal-klawsola standard dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi għall-qerda tal-massa;
8. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex il-ġlieda kontra l-munizzjonijiet ta' tferrix issir parti integrali mill-programmi Komunitarji ta' għajnuna esterna u biex jappoġġaw lil pajjiżi terzi fil-qerda tal-ħażniet u fl-għoti ta' assistenza umanitarja;
9. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwettqu miżuri ħalli jipprevjenu lill-pajjiżi terzi milli jipprovdu munizzjonijiet tat-tferrix lil atturi mhux statali;
10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jkunu trasparenti dwar l-isforzi li jagħmlu b'reazzjoni għal din ir-riżoluzzjoni u biex jirrappurtaw pubblikament dwar l-attivitajiet tagħhom skont il-Konvenzjoni;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi kandidati, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Koalizzjoni kontra l-Munizzjonijiet tat-Tferrix.