Dokument ta' sessjoni
12.12.2011 B7‑0692/2011
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0671/2011
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-Protokoll futur li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk ( 2011/2949(RSP) )
Carl Haglund
f'isem il-Grupp ALDE
Carmen Fraga Estévez
f'isem il-Grupp PPE-DE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Protokoll futur li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk ( 2011/2949(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006[1]),
– wara li kkunsidra l-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (0000/2011),
– wara li kkunsidra l-proċedura ta’ approvazzjoni skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni paragrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0000/2011),
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Baġits ( A7-0000/2011 u A7-0000/2011 ),
– wara li kkunsidra n-nota spjegattiva li tifforma parti mir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd ( A7-0394/2011 ), li tiddeskrivi n-nuqqasijiet tal-Protokoll attwali b’validità ta’ sena,
– wara li kkunsidra r-Regoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skont il-valutazzjoni ex post esterna mwettqa mill-Kummissjoni, il-Protokoll attwali għandu proporzjon kost-benefiċċju mhux sodisfaċenti evidenti minħabba r-rata baxxa ta’ użu tal-opportunitajiet tas-sajd innegozjati kif ukoll minħabba l-aspetti ekoloġiċi u soċjali mhux indirizzati;
B. billi l-Protokoll il-ġdid li għandu jiġi nnegozjat mill-Kummissjoni għal perjodu ta’ sena mit-28 ta’ Frar 2012 għandu jqis l-aspetti spjegati hawn taħt;
1. Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi ‘l quddiem in-negozjati għal Protokoll ġdid sabiex tkun eskluża kull sitwazzjoni li fiha l-Protokoll ikollu jiġi applikat b’mod proviżorju peress li l-Parlament ikun għadu ma tax l-approvazzjoni tiegħu;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kull Protokoll futur ikun ekonomikament, ekoloġikament u soċjalment sostenibbli u ta’ benefiċċju reċiproku;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-prinċipju li l-bastimenti tal-UE jingħataw aċċess għal stokkijiet żejda biss jitħares fil-Protokolli futuri kollha;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Protokoll futur jaġġusta l-opportunitajiet tas-sajd b’konformità mal-pariri xjentifiċi u l-evalwazzjonijiet tal-istokkijiet kif ukoll mal-bżonnijiet tas-settur tas-sajd; jinsisti, barra minn hekk, li l-miżuri tekniċi u l-opportunitajiet tas-sajd iridu jkunu konsistenti mal-pariri xjentifiċi;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-appoġġ settorjali jkun użat b’mod aktar effiċjenti u l-kontrolli jkunu aktar effikaċi;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tikseb id-data neċessarja dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll u b'hekk il-proċedura leġiżlattiva tkun l-iktar trasparenti possibbli;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Protokoll futur ikun ta’ benefiċċju għall-gruppi ta’ popolazzjoni lokali milquta;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tirrispetta l-qafas interistituzzjonali u r-rwol tal-Parlament, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.